Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: Il-Kummissjoni Ewropea twieġeb għall-inizjattiva “Wieħed Minna" (One of Us)

European Commission - IP/14/608   28/05/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta’ Mejju 2014

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: Il-Kummissjoni Ewropea twieġeb għall-inizjattiva “Wieħed Minna" (One of Us)

Illum il-Kummissjoni Ewropea wieġbet għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ECI) "Wieħed Minna”. Wara li ltaqgħet mal-organizzaturi tal-inizjattiva u studjat it-talba tagħhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tressaqx proposta leġiżlattiva, minħabba li huwa biss reċentement li l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew iddiskutew u ddeċidew il-politika tal-UE f’dan ir-rigward. L-inizjattiva "Wieħed Minna" kienet talbet lill-UE biex ittemm il-finanzjament ta’ attivitajiet li jinvolvu l-qerda ta’ embrijuni umani, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka, tal-għajnuna għall-iżvilupp u tas-saħħa pubblika. L-organizzaturi tal-inizjattiva kienu ġabru aktar mill-miljun firma meħtieġa mingħand mill-anqas seba’ Stati Membri tal-UE wara li rreġistraw il-proposta tagħhom. Fid-9 ta' April, l-organizzaturi ltaqgħu mal-Kummissjoni (DIKJARAZZJONI/14/115), imbagħad fl-10 ta' April kellhom seduta ta’ smigħ pubblika fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-qafas ta’ finanzjament eżistenti, li dan l-aħħar ġie diskuss u miftiehem mill-Istati Membri tal-UE u mill-Parlament Ewropew, huwa dak xieraq.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “Aħna kkollaborajna ma' din l-Inizjattiva taċ-Ċittadini u tajna attenzjoni kbira lil dak li bdiet titlob mingħandna. Madankollu, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew qablu li jkomplu jiffinanzjaw ir-riċerka f’dan il-qasam, u dan b'raġuni. Iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni huma uniċi u joffru l-potenzjal għal trattamenti li jsalvaw il-ħajja, u diġà bdew provi kliniċi fuqhom. Il-Kummissjoni se tkompli tapplika r-regoli u r-restrizzjonijiet etiċi stretti fis-seħħ rigward ir-riċerka ffinanzjata mill-UE, inkluż dik li ma niffinanzjawx il-qerda tal-embrijuni.”

Il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, qal: “L-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej jippermettu lin-nies jipparteċipaw direttament fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE u aħna nagħtuhom attenzjoni kbira. Illum il-kumplikazzjonijiet relatati mat-tqala u l-ħlas għadhom jikkawżaw il-mewt ta’ bosta u bosta nisa. Din hija r-raġuni għalfejn il-komunità internazzjonali inkludiet mira speċifika sabiex titnaqqas il-mortalità materna u biex jinkiseb aċċess universali għas-saħħa riproduttiva bħala wieħed mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs). L-UE, l-Istati Membri tagħha u donaturi oħra internazzjonali qed jaħdmu bis-sħiħ biex jinkiseb dan il-għan, u għamlu minnu, u mis-saħħa b’mod aktar ġenerali, prijorità fil-ħidma tagħhom. Il-programmi ta’ żvilupp tagħna f’dan il-qasam għandhom il-mira li jwessgħu l-aċċess għal servizzi effettivi għall-ippjanar tal-familji, u b’hekk tiġi evitata l-ħtieġa ta' abort”.

Riċerka li tinvolvi ċelloli staminali embrijoniċi umani (hESC)

Il-Kummissjoni Ewropea se tapplika sistema dettaljata ta' “serratura bi tlieta” ("triple lock" system) fir-rigward ta' kwalunkwe riċerka li tinvolvi ċelloli staminali embrijoniċi umani (hESC), sistema li l-Kummissjoni tqisha konformi b’mod sħiħ mat-Trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Is-sistema — li diġà ġiet applikata fil-programm ta’ riċerka tal-UE preċedenti – ġiet miftiehma mill-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' Orizzont 2020 fl-2013. Ir-regoli huma:

  • Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi rispettata – il-proġetti tal-UE jridu jsegwu l-liġijiet tal-pajjiż fejn tkun qed titwettaq ir-riċerka.

  • Il-proġetti kollha għandhom ikunu xjentifikament validati permezz ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u jridu jgħaddu minn analiżi tal-etika stretta.

  • Il-fondi tal-UE ma jistgħux jintużaw għad-derivazzjoni ta’ linji ġodda ta’ ċelloli staminali, jew għal riċerka li teqred l-embrijuni — inkluż għall-akkwist ta’ ċelloli staminali embrijoniċi umani.

Il-Kummissjoni Ewropea ma tidħolx biex tiffinanzja r-riċerka li tinvolvi ċelloli staminali embrijoniċi umani b'mod espliċitu. Pjuttost, il-Kummissjoni tiffinanzja riċerka dwar it-trattament tal-mard jew sfidi fil-kura tas-saħħa, pereżempju terapiji għall-marda ta' Parkinson u għall-marda ta' Huntington, jew għad-dijabete. Ir-riċerka tista' tinvolvi ċelloli staminali embrijoniċi umani jekk dawn ikunu parti mill-aħjar proposti ta’ proġetti. Bejn l-2007 u l-2013, l-UE ffinanzjat 27 proġett ta’ kollaborazzjoni fir-riċerka rigward is-saħħa li jinvolvu l-użu ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni umani, b’kontribuzzjoni baġitarja tal-UE ta’ EUR 156.7 miljun. In-nefqa totali tar-riċerka rigward is-saħħa fl-istess perjodu ta’ żmien kienet ta’ madwar EUR 6 biljun.

L-għajnuna tal-UE rigward is-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-qasam tas-saħħa tal-ommijiet u tat-tfal, hija ggwidata mill-:

  • Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs), li jindirizzaw il-faqar globali, jinkludu mira speċifika biex titnaqqas ir-rata tal-mortalità materna bi tliet kwarti sal-2015 u biex jinkiseb aċċess universali għas-saħħa riproduttiva.

  • Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD), li jgħid li l-abort m’għandu fl-ebda każ jiġi promoss bħala metodu tal-ippjanar tal-familja, li l-kura tal-abort jeħtieġ li sseħħ fil-kuntest legali ta’ kull pajjiż, u li jekk mhux kontra l-liġi, l-abort għandu jsir f’kundizzjonijiet sikuri.

Il-prijoritajiet ta' finanzjament tal-UE fil-qasam tas-saħħa jiġu deċiżi flimkien mal-gvern tal-pajjiżi msieħba, b’enfasi fuq it-titjib u ż-żieda tal-aċċess għas-sistemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom. L-UE nefqet EUR 3.2 biljun ta’ fondi għall-iżvilupp fis-settur tas-saħħa bejn l-2008 u l-2012. Minn dawn, EUR 1.5 biljun intefqu fuq is-saħħa tal-ommijiet, tat-trabi tat-twelid, u tat-tfal, EUR 87 miljun marru għall-kura tas-saħħa riproduttiva u EUR 17 miljun għall-ippjanar tal-familja.

L-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin ta’ finanzjament tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp. Jipprovdi appoġġ bilaterali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex koperti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u appoġġ tematiku lill-pajjiżi msieħba kollha dwar temi ta’ prijorità bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba, u t-tkabbir inklussiv u sostenibbli. Barra mill-valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjonijiet interni oħra, bejn l-2010 u l-2011 il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika dwar finanzjament għall-azzjoni esterna tal-UE fil-ġejjieni. Ir-Regolament tad-DCI ġie adottat f’Marzu 2014 wara li ġie rratifikat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill Ewropew. Id-DCI se jirċievi allokazzjoni ta’ EUR 19.7 biljun mill-baġit tal-UE għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.

Sfond

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) tnediet f'April 2012 bħala għodda b'saħħitha li tistabbilixxi aġenda f'idejn iċ-ċittadini. Tippermetti miljun ċittadin minn kważi kwart mill-Istati Membri tal-UE biex jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni fl-oqsma fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan.

L-hekk imsejħa sentenza Brüstle tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (il-Kawża C-34/10) issemmiet mill-organizzaturi meta ppreżentaw il-kawża tagħhom. Madankollu, f’din is-sentenza, li tikkonċerna d-Direttiva dwar il-bijoteknoloġiji (98/44/KE), il-Qorti nnutat li l-għan tal-leġiżlazzjoni Ewropea inkwistjoni mhuwiex li tirregola l-użu tal-embrijuni umani fil-kuntest tar-riċerka xjentifika; id-deċiżjoni kienet sempliċement limitata għall-brevettabbiltà tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi u ma kinitx tittratta l-kwistjoni dwar jekk din ir-riċerka tistax titwettaq u jekk tistax tiġi ffinanzjata.

Aktar tagħrif

MEMO/14/385

Ħolqa għall-Komunikazzjoni: http://ec.europa.eu/research/eci/one-of-us_en.html

Is-sit elettroniku tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/welcome?lg=mt

Is-sit elettroniku ta' Wieħed Minna: http://www.oneofus.eu/

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Alexandre Polack (+32 2 299 06 77)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)

Maria Sanchez Aponte (+32 2 298 10 35)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website