Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta’ Jannar 2014

Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment: il-Kummissjoni tixpruna r-rwol tal-imsieħba fl-ippjanar u fl-infiq

Illum, il-Kummissjoni Ewropea approvat sett ta' standards komuni biex itejbu l-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u d-djalogu mal-imsieħba, fosthom awtoritajiet pubbliċi reġjonali, lokali, urbani u oħrajn, trade unions, impjegaturi, organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljenza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni matul l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF).

Dawn il-fondi jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS).

Dan il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropew dwar il-Prinċipju tas-Sħubija jirrikjedi li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-infiq tal-fondi strutturali u ta' investiment tal-UE u bejn l-imsieħba tal-proġetti, bil-għan li jiffaċilitaw il-qsim ta' informazzjoni, esperjenza, riżultati u prassi tajba fil-perjodu ta' programmar 2014-20, u b'hekk jgħinu jiżguraw li dawn il-flus jintefqu b'effiċjenza.

Il-Kummissarju Andor stqarr: "Irridu niżguraw li l-Istati Membri jaħdmu fi sħubijiet kostruttivi ma' partijiet interessati rappreżentattivi, fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-programmi bl-użu tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, sabiex nimmassimizzaw l-impatt ta' dawn il-flus".

Il-Kodiċi tal-Kondotta, li għandu l-forma ta' Regolament tal-Kummissjoni vinkolanti, jistipula għanijiet u kriterji biex jiżguraw li l-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipju tas-sħubija. Dan ifisser li l-Istati Membri huma mitluba li:

jiżguraw it-trasparenza fl-għażla tal-imsieħba li jirrappreżentaw awtoritajiet pubbliċi reġjonali, lokali jew oħrajn, imsieħba soċjali u ekonomiċi, u entitajiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, li għandhom jinħatru bħala membri bis-sħiħ tal-kumitati tal-monitoraġġ tal-programmi;

jagħtu lill-imsieħba biżżejjed informazzjoni u żmien bħala prerekwiżit għal proċess ta' konsultazzjoni xieraq;

jiżguraw li l-imsieħba jkunu involuti realment f'kull stadju tal-proċess, jiġifieri sa mit-tħejjija u matul l-implimentazzjoni (inklużi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni) tal-programmi kollha;

jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità tal-imsieħba biex itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, fid-dawl tal-involviment attiv tagħhom tal-proċess; u

joħolqu pjattaformi għat-tagħlim reċiproku u għall-iskambju tal-prassi tajba u ta' strateġiji innovattivi.

Ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom japplikaw l-Istati Membri, iżda jagħti ħafna flessibbiltà lill-Istati Membri biex jorganizzaw id-dettalji prattiċi preċiżi għall-involviment ta' msieħba relevanti fl-istadji differenti tal-ipprogrammar.

Sfond

Is-sħubija, wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, timplika l-kooperazzjoni fil-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi fuq il-livelli nazzjonali, reġjunali u lokali fl-Istati Membri, u bejn is-settur privat u partijiet interessati oħra. Minkejja li dan il-prinċipju kien parti integrali tal-Politika ta' Koeżjoni, sal-lum, il-kummenti li waslu mingħand il-partijiet interessati jindikaw li l-implimentazzjoni tiegħu tvarja ħafna fost l-Istati Membri differenti, l-aktar skont jekk il-kultura istituzzjonali u politika fi Stat Membru kinitx diġà tippromwovi l-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u d-djalogu mal-partijiet interessati relevanti.

Għaldaqstant, ir-regoli l-ġodda, fil-forma ta' Regolament tal-Kummissjoni vinkolati u direttament applikabbli (l-hekk imsejjaħ "Att Iddelegat"), iseddqu r-rekwiżit tas-sħubija fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS), għall-perjodu 2014-2020.

Aktar tagħrif

L-aħbar fuq is-sit tal-internet tad-DĠ għall-Impjiegi:
Is-sit ta' László Andor: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Abbona għall-bullettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=2019&furtherNews=yes

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website