Navigation path

Left navigation

Additional tools

Kummissjoni li tikkonsulta mal-pubbliku Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-investiment u soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat.

European Commission - IP/14/56   21/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2014

Kummissjoni li tikkonsulta mal-pubbliku Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-investiment u soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht illum ħabbar id-deċiżjoni li jikkonsulta lill-pubbliku dwar id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, magħruf bħala s-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (Transatlantic Trade and Investment Partnership, TTIP). Id-deċiżjoni ttieħdet wara interess mhux mistenni tal-pubbliku waqt id-diskussjonijiet. Dan jirrifletti wkoll id-determinazzjoni tal-Kummissarju li jiżgura l-aħjar bilanċ bejn il-ħarsien tal-interessi tal-investimenti Ewropej u ż-żamma tad-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku. Kmieni f'Marzu, hu se jippubblika test propost tal-UE għall-parti tad-diskussjonijiet dwar l-investiment li se tinkludi taqsimiet dwar il-ħarsien tal-investiment u soluzzjonijiet għat-tilwim bejn l-investitur u l-istat, jew ISDS (investor-to-state dispute settlement). Dan l-abbozz se jkun akkumpanjat minn spjegazzjonijiet ċari għal dawk li ma jkunux esperti. In-nies minn madwar l-UE mbagħad ikollhom tliet xhur sabiex jikkummentaw.

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Karel De Gucht qal: "Il-Gvernijiet iridu jkunu dejjem ħielsa li jirregolaw sabiex ikunu jistgħu iħarsu n-nies u l-ambjent. Iżda jridu jsibu wkoll l-aħjar bilanċ u jittrattaw lill-investituri b'mod ġust, sabiex ikunu jistgħu jattiraw l-investiment. Ftehimiet ta' investiment internazzjonali bħat-TTIP għandhom jiżguraw li dawn it-tnejn iseħħu. Iżda xi arranġamenti eżistenti kkawżaw problemi fil-prattika, hekk kif ħallew kumpaniji li jisfruttaw minn lakuni fejn it-test ġuridiku kien vag. Jien naf li xi nies fl-Ewropa jinsabu ġenwinament inkwetati dwar din il-parti tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti. Issa rrid li huma jagħtu l-opinjoni tagħhom. Ingħatajt l-inkarigu mill-Istati Membri tal-UE sabiex insolvi l-problemi li jeżistu fl-arranġamenti dwar l-investiment attwali u jien determinat li nagħmel is-sistema tal-ħarsien tal-investiment iktar trasparenti u imparzjali, u li nagħlaq dawk il-lakuni ġuridiċi darba għal dejjem. It-TTIP se tħaddan b'saħħa d-dritt tal-Istati Membri tal-UE li jirregolaw fl-interess tal-pubbliku."

F'Ġunju 2013, il-gvernijiet tal-UE taw struzzjonijiet lill-Kummissjoni tal-UE sabiex tinnegozja ftehim ġdid dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti, f'isimhom. Dan kien jinkludi miżuri dwar it-trattament ta' investituri magħrufa bħala l-ħarsien tal-investiment u soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat (ISDS).

Il-Kummissjoni tixtieq tinqeda b'din l-opportunità sabiex ittejjeb id-dispożizzjonijiet b'rabta mal-investiment li diġà huma fis-seħħ sabiex tħares l-investimenti minn kumpaniji tal-UE fl-Istati Uniti u viċe versa. Fil-prattika dan ikun ifisser li jkun hem riferiment speċifiku fil-ftehim għad-dritt tal-istati li jirregolaw fl-interess tal-pubbliku. Dan iġib miegħu wkoll regoli ġodda u mtejba, inkluż kodiċi ta' kondotta, sabiex jiġi żgurat li l-arbitri jintgħażlu b'mod ġust u jaġixxu b'mod imparzjali, u sabiex jiftħu l-proċedimenti tagħhom lill-pubbliku.

L-ebda parti oħra tan-negozjati ma ġiet affettwata permezz ta' din il-konsultazzjoni pubblika u n-negozjati tat-TTIP se jkompli skont il-pjan.

Sa minn Ġunju 2013, il-Kummissjoni kellha tliet laqgħat ta' konsultazzjoni mill-partijiet interessati, kemm qabel kif ukoll waqt id-diskussjonijiet dwar il-ftehim, sabiex tiġbor l-opinjonijiet u x-xewqiet tal-pubbliku u tal-partijiet interessati fl-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni għamlet ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi qabel inbdew in-negozjati tat-TTIP.

Sfond

L-UE hija l-ikbar investitur dirett barrani fid-dinja u l-ikbar riċevitur ta' investiment dirett barrani fid-dinja. L-investiment huwa essenzjali għat-tkabbir, għax-xogħol u għall-ħolqien tal-ġid li jagħmel tajjeb għas-servizzi pubbliċi tagħna, l-iskejjel tagħna, l-isptarijiet tagħna, u l-pensjonijiet tagħna.

Għalhekk l-UE trid tiżgura li l-kumpaniji tagħna huma mħarsa sew meta jinvestu f'pajjiżi lil hinn mill-UE, inklużi l-Istati Uniti. Ħafna mill-investimenti jibqgħu għaddejjin mingħajr problemi u huma ta' benefiċċju kemm għall-istat fejn ikun seħħ l-investiment kif ukoll għall-investitur. Iżda xi drabi l-investituri jaffaċċaw problemi fil-pajjiż in kwistjoni. Il-gvern jista' jieħu l-proprjetà tal-kumpanija f'idejh mingħajr ma jagħti kumpens għaliha. Jew jista' jagħti vantaġġ inġust lin-negozji lokali, jew iwaqqaf lill-kumpaniji barranin milli jagħmlu użu tas-sistema tal-ġustizzja meta l-affarijiet imorru żmerċ.

Għal dawn il-każijiet, il-kumpaniji jistrieħu fuq ftehimiet bilaterali ta' investiment. Dawn joffrulhom il-ħarsien, inkluż iċ-ċans li jagħmlu użu minn għażla oħra – Soluzzjonijiet tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) - jekk ma jkunx irnexxielhom isibu soluzzjoni amikevoli mal-gvern tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) diġà għandhom mal-1,400 ftehimiet bħal dan fis-seħħ ma' pajjiżi lil hinn mill-UE inkluż mal-Istati Uniti. Xi wħud imorru lura sas-snin 60. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-investiment u l-ISDS. Huma ħarsien importanti kontra dawn l-azzjonijiet inġusti mill-gvernijiet. U jistgħu jkunu neċessarji: Kumpaniji Ewropej kienu wara nofs il-każijiet ta' investimenti mnedijin fl-2012.

Il-politika tal-UE għall-investiment internazzjonali, inkluża l-politika tagħha mal-Istati Uniti, tfittex li żżomm il-valur tas-sistema attwali għall-ħarsien tal-investituri internazzjonali. Iżda timmira wkoll li trendi dawn ir-regoli iktar ċari, iktar trasparenti, u imparzjali iktar milli huma llum. Dan ifisser li jiġi żgurat li r-regolament dwar in-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-interess tal-pubbliku ma jkunx suġġett għal sfidi ta' suċċess.

Jiġifieri sa mill-2010 l-Kummissjoni Ewropea kienet qed taħdem fuq il-kjarifika u t-titjib tas-sistema għall-ħarsien tal-investiment internazzjonali – ir-regoli nfushom, u l-mod kif dawn ġew infurzati. Fil-ġejjieni, il-ftehimiet dwar l-investiment tal-UE, inkluż it-TTIP, se tistabbilixxi regoli ġodda, inkluż kodiċi tal-kondotta, sabiex jiġi żgurat li l-arbitri jintgħażlu b'mod ġust jew jaġixxu imparzjalment. U dawn jibdew proċedimenti ta' arbitraġġ għall-pubbliku.

In-negozjati bejn l-UE jew l-Istati Uniti għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) bdew f'Lulju 2013 u jimmiraw li jneħħu l-ostakli kummerċjali f'firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi sabiex issir iktar faċli li jinxtraw u jinbiegħu prodotti u servizzi bejn l-UE u l-Istati Uniti. It-tielet laqgħa ta' negozjati saret f'Washington DC f'Diċembru 2013 (stqarrija għall-istampa) u l-laqgħa li jmiss hija skedata għal Marzu 2014.

Informazzjoni ulterjuri

Din l-Iskeda ta' Fatti toffri taqsira tal-bidliet tal-UE fir-regoli eżistenti għall-ħarsien tal-investiment u s-sistema ISDS.

Għal aktar informazzjoni fuq is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP):

http://ec.europa.eu/trade/policy/in-focus/ttip/

Konsultazzjonijiet pubbliċi mid-DĠ Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea

http://trade.ec.europa.eu/consultations/

Kuntatti:

John Clancy (+32 2 295 37 73)

Helene Banner (+32 2 295 24 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website