Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussel, is-16 ta’ Mejju 2014

Niċċelebraw il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea Erba’ fruntieri, erba’ problemi, erba’ soluzzjonijiet

L-isfidi partikolari li jiffaċċaw terz taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu u jaħdmu fir-reġjuni fil-fruntieri tal-Ewropa se jiġu enfasizzati f’avveniment li għandu l-għan li juri kif il-Politika Reġjonali tal-UE qed tgħin lin-nies lokali jsibu soluzzjonijiet permezz tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE).

Aktar minn 8,000 proġett tal-KTE ġew appoġġati fir-reġjuni tal-Ewropa bejn l-2007 u l-2013 — fl-Istati Membri tal-UE u l-Istati mhux membri tal-UE bl-istess mod. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn kienu kkonċentrati madwar is-60 fruntiera interna tal-UE u ċ-ċittadini li jgħixu hemmhekk. B'baġit relattivament żgħir, il-proġetti jiksbu riżultati konkreti ħafna: it-tneħħija tal-ostakoli biex jitjiebu s-sigurtà, it-trasport, l-edukazzjoni, l-enerġija, il-kura tas-saħħa, it-taħriġ u l-ħolqien tal-impjiegi.

Fid-19 u l-20 ta’ Mejju se ssir il-laqgħa annwali fi Brussell tal-Awtoritajiet Maniġerjali tal-Programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) li jimmonitorjaw dawn il-proġetti. Se jingħaqdu magħhom individwi li bbenefikaw minn u pparteċipaw f’erba’ proġetti reġjonali transfruntiera ewlenin. Dawn it-tobba, pulizija, artiġjani u studenti, wara li vvjaġġaw minn diversi partijiet tal-UE, se jingħaqdu mar-rappreżentanti tar-reġjuni tal-fruntieri, inkluża l-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni Konfinali Ewropej, biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ta’ kif proġetti transfruntiera tal-UE għenu biex jindirizzaw l-isfidi tal-eżodu ta' mħuħ, is-sigurtà, is-saħħa, il-qgħad u n-nuqqas ta’ kwalifiki.

Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, li tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha s-sena d-dieħla, normalment magħrufa ukoll bħala Interreg, saret pedament importanti tal-Politika Reġjonali Ewropea.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali tal-UE Johannes Hahn qal: “Il-kooperazzjoni territorjali hija fil-qalba tal-ideal Ewropew. Dawn it-tipi ta’ proġetti juru lill-Ewropa tieħu azzjoni, mhux biss bejn il-gvernijiet iżda fil-kooperazzjoni fuq l-aktar livell lokali. Għandna nżommu dan f’moħħna hekk kif qed inħejju ruħna biex nivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej. Dan huwa eżempju konkret ta’ x’inhi tagħmel l-Ewropa għaċ-ċittadini tagħha — kemm fl-oqsma tas-saħħa, is-sigurtà u l-edukazzjoni kif ukoll fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna. Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea hija dwar il-bini tal-fiduċja, kultant bejn ġirien li xi darba kienu għedewwa, u tgħaqqad flimkien lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u tiżgura li l-problemi komuni jissolvew flimkien.

Huwa żied jgħid, "Element importanti ieħor ta’ dawn il-proġetti kien ir-rwol li kellhom fl-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda tal-UE. Billi l-fruntieri esterni tal-UE dejjem jevolvu, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE kellha u għad għandha rwol kruċjali fil-proċess tat-tkabbir u l-ħolqien ta’ rabtiet aktar b’saħħithom għal aktar integrazzjoni, bħal pereżempju mal-Balkani.”

Mill-2014 sal-2020, ġew allokati kważi EUR 10 biljun għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea li minnhom madwar EUR 6.6 biljun se jmorru għar-reġjuni transfruntiera. Għalkemm il-programmi tal-Interreg ħolqu riżultati sinifikanti matul is-snin, il-perjodu l-ġdid se jirrikjedi li kull wieħed mill-91 programm ikun aktar iffukat f’termini ta’ riżultati u prijoritajiet skont il-Politika ta’ Koeżjoni riformata l-ġdida tal-UE. Dan għandu jiżgura impatt massimu u użu aktar effettiv tal-investimenti.

F’din il-laqgħa tad-19 u l-20 ta' Mejju, kompetizzjoni tal-vidjow “Kwistjonijiet dwar il-Fruntieri, Soluzzjonijiet dwar il-Fruntieri” se tiġi mnedija biex tenfasizza r-riżultati u l-benefiċċji tal-kooperazzjoni reġjonali. Ir-rebbieħa se jitħabbru waqt il-Jiem ta’ Kooperazzjoni Ewropea f'nofs Settembru f’Milan (l-Italja). Il-parteċipanti tal-proġett u r-rappreżentanti lokali se jkunu disponibbli wkoll biex jitkellmu mal-ġurnalisti matul l-avveniment.

L-erba' proġetti ppreżentati

Il-proġett tal-“Università tar-Reġjun il-Kbir" — BE/DE/FR/LUX

Filwaqt li l-infiq pubbliku fl-edukazzjoni għolja qed jonqos f’ħafna Stati Membri, sitt universitajiet (Universität des Saarlandes, Université de Liège, Université du Luxembourg, Technische Universität Kaiserslautern, Universität Trier, Université de Lorraine) minn erba’ pajjiżi ġirien ħadmu flimkien biex iżommu l-eċċellenza fl-istandards akkademiċi u ta’ riċerka għal aktar minn 125,000 student u 6,500 riċerkatur u letturi tagħhom. Din il-kooperazzjoni żiedet il-mobilità transfruntiera u għaqqdet l-istudenti u r-riċerkaturi, u se tkompli tiżviluppa r-Reġjun il-Kbir f'mutur għat-tkabbir ekonomiku.

Il-proġett tat-“Tneħħija tal-mini” — HU/HR

Fl-2011, inkixfu mini tal-art li huma ta' periklu għall-ħajja tul il-fruntiera ta' bejn il‑Kroazja u l-Ungerija matul il-kunflitt 1990 fl-eks Jugoslavja. L-awtoritajiet Ungeriżi ddikjaraw parti miż-żona tal-fruntiera bħala żona ta' periklu fejn in-nies ma għandhomx imorru. Il-fondi tal-UE għenu biex jitneħħew il-mini u b'hekk tiġi mħarsa l-popolazzjoni u jwittu t-triq għal ħafna żoni transfruntiera ta’ konservazzjoni “Natura 2000” li jagħtu spinta lit-turiżmu sostenibbli. Il-proġett huwa parti mill-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR).

Il-proġett “Telediag” — RO/SR

Bl-appoġġ tal-investimenti tal-UE, l-istituzzjonijiet tas-saħħa fir-Rumanija u s-Serbja issa huma fost l-akbar ċentri mediċi ta’ madwar id-dinja tat-telemediċina. Il-proġett jinvolvi l-qsim ta’ sistema unika ta' telemediċina, li jippermetti li t-tobba tagħhom jużaw teknoloġiji innovattivi tal-informazzjoni onlajn biex jipprovdu l-kura tas-saħħa fuq distanzi twal għall-pazjenti. Dan naqqas l-ispejjeż mediċi, ipprovda dijanjostiċi aħjar, aktar imħaffa u aktar sikuri, b’titjib reali fil-qasam tas-servizzi tal-kura tas-saħħa fil-fruntiera ta’ bejn ir-Rumanija u s-Serbja.

Il-proġett “Akkademja tas-Snajja’ — SI/HU

Theddida lit-tradizzjoni antika tal-artiġjanat f’din il-parti tas-Slovenja u l-Ungerija wasslet għal dan il-proġett. Anqas nies kienu qed isegwu taħriġ professjonali, u dan ġiegħel lil xi skejjel tal-arti u l-artiġġanat jagħlqu. Il-proġett tal-“Akkademja tas-Snajja”, għen biex din ix-xejra titreġġa’ lura u ħoloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ filwaqt li ppreserva dan il-wirt kulturali. Madwar 1,000 intraprenditur ħadu sehem f’dan il-proġett.

Sfond

Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija objettiv ċentrali fil-Politika Reġjonali tal-UE. Ir-reġjuni u l-bliet Ewropej huma mħeġġa jaħdmu flimkien u jitgħallmu minn xulxin permezz ta’ programmi, proġetti u netwerks konġunti. It-tipi ewlenin ta’ programm ta’ kooperazzjoni huma:

Aktar tagħrif

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65) - (mowbajl : +32 460766565)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10) - (mowbajl: +32 460 793 310)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website