Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2014

Is-Sajd: Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi projbizzjoni sħiħa tal-użu tal-għażel tat-tisqif

Il-Kummissjoni Ewropea trid li mill-1 ta' Jannar 2015 jiġi pprojbit l-użu ta’ kull tip ta’ għażel tat-tisqif fl-ilmijiet kollha tal-UE. Għalkemm ir-regoli li diġà hemm fis-seħħ jipprojbixxu l-użu tal-għażel tat-tisqif biex jinqabdu ċertu ħut migratorju, il-prattika għadha sors ta' tħassib minħabba l-qbid inċidentali ta’ mammiferi tal-baħar, fkieren tal-baħar u għasafar tal-baħar li l-biċċa l-kbira tagħhom huma protetti bil-leġiżlazzjoni tal-UE. Sabiex tiġġieled kontra l-evażjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi projbizzjoni sħiħa tas-sajd bl-għażel tat-tisqif fl-UE kif ukoll il-projbizzjoni tal-għażel tat-tisqif abbord il-bastimenti tas-sajd. Barra minn hekk, biex tiġi evitata kull ambigwità, il-proposta tirfina d-definizzjoni attwali tal-għażel tat-tisqif.

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd qalet: “Is-sajd bl-għażel tat-tisqif jgħarraq il-ħabitats tal-baħar, jipperikola l-annimali selvaġġi tal-baħar u jhedded is-sajd sostenibbli. Ninsab konvinta li l-uniku mod biex dan jinqered darba għal dejjem huwa li jkun hemm regoli ċari li ma jħallu l-ebda lok għall-interpretazzjoni. Għandna bżonn nagħlqu kwalunkwe lakuna possibbli, u nissimplifikaw il-kontroll u l-infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan fl-aħħar mill-aħħar se jsalva l-għajxien ta’ dawk is-sajjieda li matul l-aħħar snin imxew mar-regoli. Il-projbizzjoni tibgħat messaġġ ċar li mhux se nittolleraw iktar l-ebda prattika irresponsabbli.

L-għażel tat-tisqif huwa tip ta' xbiek li jinġarr mill-kurrent u li jopera qrib wiċċ l-ilma jew f'wiċċ l-ilma, maħsub biex fih jinqabdu speċijiet ta’ ħut li jgħumu fil-parti ta’ fuq tal-kolonna tal-ilma. Sa mill-2002, l-għażel tat-tisqif, indipendentement mid-daqs tiegħu, ġie pprojbit fl-ilmijiet tal-UE meta kien hemm il-ħsieb li jintuża għall-qbid ta’ speċijiet li jpassu ħafna bħat-tonn u l-pixxispad.

Madankollu, il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE wera xi nuqqasijiet u lakuni. L-iskala żgħira li fuqha joperaw il-bastimenti tas-sajd involuti u l-fatt li ma joperawx flimkien fl-istess żoni jiffaċilita li jiġi evitat il-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar xieraq. Għadhom qed jidħlu rapporti dwar attivitajiet illegali bl-għażel tat-tisqif minn bastimenti tas-sajd tal-UE u dawn kienu s-suġġett ta’ kritika dwar il-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali applikabbli.

Il-projbizzjoni tal-għażel tat-tisqif twieġeb għall-għan il-ġdid tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u biex kemm jista' jkun jitnaqqas il-qbid mhux mixtieq. Skont il-prijoritajiet tal-Istati Membri, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS) jista’ jintuża biex jappoġġja t-tranżizzjoni lejn projbizzjoni totali sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifiċi.

Sfond

Wara r-riżoluzzjonijiet speċifiċi tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU), li sejħu għal moratorju fuq “għażel tat-tisqif pelaġiku fuq skala kbira” (jiġifieri ta’ aktar minn 2.5 km), fis-snin 90, l-UE żviluppat serje ta’ dispożizzjonijiet li jimplimentaw it-tali projbizzjoni għall-għażel tat-tisqif fuq skala kbira.

Il-qafas legali attwali tal-UE dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002. Dan jipprojbixxi l-użu tal-għażel tat-tisqif kollu, indipendentement mid-daqs tiegħu, fl-ilmijiet tal-UE meta jkun hemm l-ħsieb li jintuża għall-qbid ta’ speċi li jpassu ħafna bħat-tonn u l-pixxispad.

Sa mill-1 ta’ Jannar 2008, fil-Baħar Baltiku, ġie kompletament ipprojbit l-użu tal-għażel tat-tisqif u ż-żamma abbord ta’ kwalunkwe tip ta’ għażel tat-tisqif.

Minkejja li dan il-qafas regolatorju kollu kien fis-seħħ, ir-regoli ma ġewx kompletament rispettati. Għalhekk, f’April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan direzzjonali dwar reviżjoni tar-reġim tal-UE dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif u nediet żewġ studji1, kif ukoll konsultazzjoni pubblika (li ngħalqet f’Settembru 2013) dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif fuq skala żgħira sabiex ikollha ħarsa ġenerali tas-settur, biex ikun valutat l-impatt tal-għażel tat-tisqif fuq speċijiet protetti u pprojbiti u biex jiġi deċiż jekk u kif għandha tiġi rreveduta l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif fuq skala żgħira.

Għal aktar tagħrif

MEMO/14/351

Proposta għall-projbizzjoni tas-sajd bl-għażel tat-tisqif

Pjan direzzjonali dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif (April 2013)

Konsultazzjoni pubblika (Settembru 2013)

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-e­mail

1 :

"Identification and characterisation of the small scale driftnet fisheries in the Mediterranean" (Identifikazzjoni u karatterizzazzjoni tas-sajd bl-għażel tat-tisqif fuq skala żgħira fil-Mediterran) u "Study in support of the review of the EU regime on the small-scale driftnet fisheries" (Studju b’appoġġ għar-reviżjoni tar-reġim tal-UE dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif fuq skala żgħira).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website