Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014

Strateġija Ewropea ġdida għall-films bil-għan li ssaħħaħ id-diversità kulturali u l-kompetittività fl-era diġitali

Żewġ terzi tal-films li joħorġu fiċ-ċinemas tal-UE huma films Ewropej, iżda jirrappreżentaw biss terz tal-biljetti mibjugħa. Filwaqt li l-għadd ta' films prodotti fl-Ewropa żdied minn madwar 1100 fl-2008 għal 1300 fl-2012, il-biċċa l-kbira tal-films Ewropej jintwerew biss fil-pajjiż fejn ikunu nħadmu, u ftit li xejn jixxandru lil hinn mill-fruntieri. L-istrateġija ġdida tal-UE "Il-films Ewropej fl-era diġitali", imnedija llum mill-Kummissjoni Ewropea, tfittex li taqbad din l-isfida minn qrunha, billi tissottolinja l-ħtieġa li jiġu sfruttati kemm jista' jkun il-metodi l-ġodda ta' distribuzzjoni, bil-għan li jissaħħu d-diversità kulturali u l-kompetittività.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Multilingwiżmu, Androulla Vassiliou, qalet: "Huwa kruċjali li ntejbu d-distribuzzjoni internazzjonali tal-films Ewropej, mhux biss f'termini ta' ekonomija iżda anki ta' diversità. "Dan huwa wieħed mill-għanijiet tal-programm tagħna MEDIA Ewropa Kreattiva, u huwa qasam fejn nagħtu valur miżjud reali fil-livell Ewropew. Madankollu, jidher ċar li baqgħalna ħafna x'naqdfu sabiex inżidu l-udjenza għall-films maħdumin fl-Ewropa, u sabiex intejbu l-kooperazzjoni trasfruntiera. Għandi seba' mitt sena biex niddiskuti din l-istrateġija l-ġdida għall-ewwel darba mar-rappreżentanti tas-settur fil-jiem li ġejjin waqt il-Festival tal-Films ta' Cannes."

Il-komunikazzjoni ta' strateġija tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-finanzjament pubbliku għandu jiffoka iktar fuq it-twessigħ tal-udjenza għall-films Ewropej, kif ukoll fuq iż-żieda tal-appoġġ għall-iżvilupp, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni internazzjonali. Bħalissa, kważi 70% mill-finanzjament pubbliku nazzjonali huwa ddedikat għall-produzzjoni tal-films, minflok għat-tkattir tal-udjenza potenzjali. Huma rakkomandati wkoll aktar flessibbiltà u sperimentazzjoni fir-rigward ta' kemm u meta jintwerew il-films, fid-dawl tal-popolarità dejjem tikber tal-video-on-demand u t-tniżżil tal-films minn fuq l-internet.

L-istrateġija se tħeġġeġ proċess ġdid ta' djalogu – l-hekk imsejjaħ Forum Ewropew tal-Films – sabiex jinkoraġġixxi skambju ta' ideat dwar kif il-politiki awdjoviżivi nazzjonali, reġjonali u tal-UE jistgħu jikkomplementaw aħjar lil xulxin, u jirrispondu aħjar għal ċerti sfidi, fosthom id-diġitizzazzjoni u d-diffikultajiet li ħafna kumpaniji jħabbtu wiċċhom magħhom meta jitolbu finanzjament.

Il-Forum, li jibda llum b'konferenza fi ħdan il-festival tal-films ta' Cannes, se jlaqqa' esperti mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, fondi tal-films nazzjonali u reġjonali, u rappreżentanti oħra tas-settur. Se jibbenefika minn appoġġ permezz tal-programm Ewropa Kreattiva għas-seminars, il-ġbir tad-dejta u l-iskambju tranżnazzjonali.

Ċifri ewlenin

  • Jingħataw €2.1 biljun kull sena b'appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew, mingħand fondi tal-films Ewropej (sors: L-Osservatorju Ewropew tal-Awdjoviżiv, "Public Funding for Film and Audiovisual Works in Europe"). Dan jinkludi madwar €110 miljun fis-sena mingħand il-programm MEDIA Ewropa Kreattiva.

  • Fl-2012, madwar 1300 film ġew prodotti fl-UE, imqabbel ma' ftit iktar minn 800 fl-Istati Uniti.

  • 8% biss tal-films Ewropej joħorġu f'ċinema barra mill-UE.

  • Fl-2012, iktar minn 60% tal-films kollha maħruġin fl-UE kienu Ewropej, iżda terz biss mill-biljetti mibjugħa kienu għal films Ewropej. Bħala paragun, il-produzzjonijiet tal-Istati Uniti rrappreżentaw 20% mill-films maħruġin u 65% mill-biljetti mibjugħa fl-UE.

  • Tipikament, inqas minn 10% tal-baġit ta' film jintefaq fuq id-distribuzzjoni.

  • It-televiżjoni għadha l-iktar pjattaforma użata u mifruxa għall-wiri ta' films. Fl-2011, iktar minn 40% tal-122 000 film sħiħ murija fuq it-televixin fl-UE kienu ta' oriġni Ewropea (8% kienu produzzjonijiet nazzjonali, 15% ġew prodotti f'pajjiżi Ewropej oħra, u kważi 20% kienu parzjalment jew għalkollox koproduzzjonijiet Ewropej).

  • Fl-2012, is-suq tal-video-on-demand kellu rata ta' tkabbir ta' 60% fil-Ġermanja, u ta' 15% fi Franza.

  • Il-baġit medju għall-produzzjoni fl-UE jvarja bejn kważi €11-il miljun fir-Renju Unit, €5 miljun fil-Ġermanja u fi Franza, u €300 000 fl-Ungerija u fl-Estonja. Il-baġit medju għall-films prodotti fl-Istati Uniti huwa $15-il miljun (€11-il miljun).

Sfond

Ewropa Kreattiva

Ewropa Kreattiva huwa l-ħames ġenerazzjoni ta' programmi ta' finanzjament tal-UE għall-appoġġ tas-setturi kulturali u kreattivi. Tnieda fl-1 ta' Jannar, b'baġit ta' kważi €1.5 biljun għall-perjodu 2014-2020. Il-programm se jalloka tal-anqas 56% minn dan il-baġit lis-subprogramm MEDIA.

Mill-1991 'l hawn, MEDIA (akronimu għal "Mesures pour encourager le développement de l'industrie audiovisuelle" – miżuri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-industrija awdjoviżiva) investa €1.7 biljun fl-iżvilupp, fid-distribuzzjoni, fit-taħriġ u fl-innovazzjoni tal-films, bil-għan li jsaħħaħ id-diversità u l-kompetittività internazzjonali tal-films Ewropej u tas-settur awdjoviżiv. Minbarra l-appoġġ għall-produtturi tal-films, il-fond ta' MEDIA se jappoġġja iktar minn 2 000 ċinema fl-Ewropa fejn tal-anqas 50% mill-films murija jkunu Ewropej.

Illum, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-films Ewropej fl-era diġitali. Din ser tikkomplementa l-programm permezz ta' dibattitu ta' politika bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati fl-Istati Membri, il-fondi tal-films u fassala oħra tal-politika, kif ukoll il-professjonisti tal-films. L-għan huwa li tiżdied il-kapaċità li l-attivitajiet ta' appoġġ imwettqa fil-livelli tal-UE u nazzjonali jikkomplementaw lil xulxin, u li jitkattar kemm jista' jkun il-valur miżjud tagħhom għall-films Ewropej b'mod ġenerali, kif ukoll għall-pubbliku tagħhom.

Għal aktar tagħrif

Komunikazzjoni dwar il-films Ewropej fl-era diġitali

Il-Kummissjoni Ewropea: Ewropa Kreattiva

Studju tal-UE dwar l-iżvilupp tal-udjenza u d-drawwiet tal-ispettaturi tal-films

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website