Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ambjent: Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda prinċipji minimi għall-gass tax-shale

European Commission - IP/14/55   22/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Jannar 2014

Ambjent: Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda prinċipji minimi għall-gass tax-shale

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni bil-għan li tiżgura li jiġu implimentati salvagwardji ambjentali u klimatiċi adegwati għall-'fratturazzjoni' — it-teknika ta' fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli użata partikolarment fl-operazzjonijiet biex jinkiseb il-gass tax-shale. Ir-Rakkomandazzjoni għandha tgħin lill-Istati Membri li juru interess f'din il-prassi jindirizzaw ir-riskji ambjentali u jtejbu t-trasparenza għaċ-ċittadini. Twitti wkoll it-triq għal kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni għall-industrija u tistabbilixxi qafas aktar ċar għall-investituri.

Ir-Rakkomandazzjoni hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni li tqis l-opportunitajiet u l-isfidi marbuta mal-'fratturazzjoni' biex jiġu estratti l-idrokarburi. Iż-żewġ dokumenti huma parti minn inizjattiva usa’ min-naħa tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas ta’ politika integrata dwar il-klima u l-enerġija sal-2030.

Janez Potočnik, il-Kummissarju għall-Ambjent qal: "F'xi partijiet fl-Ewropa l-gass tax-shale qiegħed joffri xi naqra tat-tama, imma huwa wkoll sors ta' tħassib fost il-pubbliku. Il-Kummissjoni qiegħda twieġeb għas-sejħiet li qed isirulha biex tintervjeni, u dan qed tagħmlu billi tindika prinċipji minimi li l-Istati Membri qed jintalbu jsegwu sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta mal-ambjent u mas-saħħa u biex ikunu jistgħu jagħtu lill-operaturi u lill-investituri l-prevedibbiltà li jeħtieġu."

Filwaqt li tkompli tibni fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE u billi tikkumplementaha fejn meħtieġ, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex, b'mod partikulari:

Jippjanaw minn qabel b'rabta mal-iżviluppi li jkunu se jseħħu u jagħmlu valutazzjoni tal-effetti kumulattivi li jista' jkun hemm qabel ma jingħataw il-liċenzji;

Jevalwaw b'attenzjoni l-impatti u r-riskji ambjentali;

Jiżguraw li l-integrità tal-bir tikkonforma mal-istandards tal-aqwa prassi;

Qabel jibdew l-operazzjonijiet jivverifikaw il-kwalità tal-ilma lokali, l-arja lokali, u l-ħamrija lokali biex isegwu t-tibdil li jseħħ u jkunu jistgħu jindirizzaw ir-riskji li jixirfu;

Jikkontrollaw l-emissjonijiet fl-arja, inklużi l-emissjonijiet tal-gass serra, permezz tal-qbid tal-gassijiet;

Jinformaw lill-pubbliku dwar is-sustanzi kimiċi użati fil-bjar individwali, u

Jiżguraw li matul il-proġett kollu l-operaturi jħaddmu dejjem l-aqwa prassi.

Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-iskambjar tal-informazzjoni mal-Istati Membri, mal-industrija u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-effetti li l-proġetti li jinvolvu l-gass tax-shale iħallu fuq l-ambjent.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna japplikaw il-prinċipji fi żmien sitt xhur u, minn Diċembru 2014 ‘il quddiem, jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sena bil-miżuri li jkunu implimentaw. Il-Kummissjoni se tkun qed issegwi l-applikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta' tabella ta' valutazzjoni li se tkun qed tqabbel is-sitwazzjoni fi Stati Membri differenti. Dan l-approċċ se tkun qed teżaminah mill-ġdid fi żmien 18-il xahar.

Sfond

Il-gass naturali konvenzjonali jinqabad f’ġibjuni taħt l-art. Il-gass tax-shale hu differenti — għalkemm ukoll hu gass naturali, dan jinqabad fi blat li, biex minnu jinħareġ il-gass, 'jinfetaħ' billi jitkisser (jiġi "fratturat" jew inkella "fracked"). Sal-lum, fl-UE ftit li xejn hemm esperjenza tat-teknika ta' fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli fuq skala kbira u f’intensità għolja. Il-prattika tinvolvi l-injettar ta' volumi kbar ta’ ilma, ramel u sustanzi kimiċi f’toqba fil-blat biex il-blata tinqasam u tiffaċilita l-estrazzjoni tal-gass. Sal-lum l-esperjenza fl-Ewropa kienet waħda ffukata l-aktar fuq kif il-fratturazzjoni idrawlika b'volum baxx f'xi blat ġibjun ta' gass konvenzjonali jew ta' gass kompressat fi blat b'permeabbiltà baxxa (tight gas), l-aktar fil-bjar vertikali, li jikkostitwixxu biss parti żgħira mill-operazzjoni taż-żejt u tal-gass fl-UE tal-passat. Abbażi tal-esperjenza fl-Amerka ta' Fuq, fejn il-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli ilha tintuża sew, l-operaturi llum qed ikomplu jittestjaw din il-prattika fl-UE.

L-impatti u r-riskji ambjentali jeħtieġ jiġu mmaniġġati sew. L-impatti kumulattivi jeħtieġ jiġu vvalutati tajjeb, u jitrażżnu kemm jista' jkun, minħabba li biex jinkiseb l-istess ammont ta’ gass bħalma jittella' minn bjar konvenzjonali se jkun hemm għadd akbar ta' bjar li jeħtieġ jitħaffru fuq erja usa’.

Il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE saret qabel il-prattika ta' fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli. Għal din ir-raġuni ċerti aspetti ambjentali mhumiex indirizzati b’mod komprensiv fil-leġiżlazzjoni tal-UE attwali. Dan wassal għal xi tħassib min-naħa tal-pubbliku u għal sejħa biex ikun hemm intervent min-naħa tal-UE.

Għal iżjed informazzjoni:

Il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni tinsab f':

http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/unconventional_en.htm

Aktar dettalji dwar il-politika tal-klima u l-enerġija:

http://ec.europa.eu/clima/policies/2030/index_en.htm

Ara wkoll:

Materjal awdjoviżiv, inkluż VNR dwar il-gass tax-shale u B-roll estensiv, jista’ jitniżżel minn tvlink.org

MEMO/14/42

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website