Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Istati Membri għad iridu jsaħħu l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, jgħid rapport tal-Kummissjoni

European Commission - IP/14/558   15/05/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 15 ta’ Mejju 2014

L-Istati Membri għad iridu jsaħħu l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, jgħid rapport tal-Kummissjoni

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat analiżi tal-amministrazzjoni tal-ilmenti u l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fis-settur Ewropew tat-trasport bl-ajru bejn l-2010 u l-2012. L-analiżi turi li l-ilmenti lill-awtoritajiet nazzjonali għall-kumpens u l-assistenza reġgħu niżlu għal-livelli baxxi li kien hemm qabel l-eċċezzjoni tas-sena 2010 (il-kriżi minħabba s-sħaba tal-irmied, il-problemi kkawżati mill-borra). Barra minn hekk, il-linji tal-ajru weħlu sanzjonijiet biss f'1% tal-każijiet għaliex, biex jiġu żgurat l-infurzar, ħafna mill-ilmenti jiġu riżolti mingħajr ma jkun hemm għalfejn jintużaw miżuri bħal dawn. L-ilmenti minn persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa dwar problemi fit-trasport bl-ajru b'mod ġenerali għadhom baxxi ħafna u l-ebda sanzjoni ma ġiet imposta fuq il-linji tal-ajru f'każijiet bħal dawn.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mit-trasport, Siim Kallas, qal: "Jien kuntent bil-kisbiet tal-Ewropa fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-aħħar ħames snin. Iżda d-drittijiet jgħoddu biss meta jiġu infurzati b'mod effettiv. Il-Kummissjoni se tibqa' taħdem biex tiżgura li l-passiġġieri jkunu kompletament konxji tad-drittijiet tagħhom u jkunu jafu kif għandhom jilmentaw, jekk ikun hemm bżonn. L-għan ewlieni ta' din l-analiżi tad-drittijiet tal-passiġġieri, waħda li għadha għaddejja, huwa wkoll it-tisħiħ tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dawn id-drittijiet."

L-istatistika hija bbażata fuq dejta pprovduta mill-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar tat-28 Stat Membru u tal-Iżlanda, in-Norveġja u l-Isvizzera. Is-sejbiet ewlenin tar-rapport huma:

L-għadd ta' ilmenti li waslu għand il-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar skont ir-Regolament li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (ir-Regolament (KE) Nru 261/2004) kien 91,726 fl-2010, 52,675 fl-2011 u 56,478 fl-2012.

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Fil-perjodu ta' rapportar, il-Korpi Nazzjonali tal-Infruzar ma kinux entużjasti li jwaħħlu s-sanzjonijiet lit-trasportaturi bl-ajru li kienu qed jiksru r-regoli. Is-sanzjonijiet ġew applikati biss fi ftit iktar minn 1% tal-każijiet. Dan juri li s-sanzjonijiet għandhom jitqiesu bħala l-aħħar miżura li għandha tiġi applikata, u dan wara li l-mezzi l-oħrajn kollha biex jiżguraw il-konformità jkunu fallew.

Iżda s-sanzjonijiet imposti mill-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar fuq il-linji tal-ajru li jiksru r-regoli qegħdin jiġu rrispettati u applikati b'iktar reqqa. Dan ifisser li minkejja l-għadd żgħir tagħhom, is-sanzjonijiet qed isiru iktar minn sempliċiment twissija bil-miktub.

L-għadd ta' ilmenti li waslu għand il-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar skont ir-Regolament dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006) kien 128 fl-2010 u 111 fl-2011. Dan żdied għal 275 fl-2012 iżda din iż-żieda hija sempliċiment effett tal-istatistika - minn dik is-sena ġiet inkluża wkoll id-dejta tar-Renju Unit u – għaldaqstant l-istatistika ma tirriflettix xejra sottostanti. L-ebda sanzjoni ma ġiet imposta fuq it-trasportaturi bl-ajru.

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Dan ir-rapport jistà jiġi kkonsultat billi tmur hawn

Informazzjoni ta' sfond

Id-dejta tkopri ż-żewġ regolamenti tad-drittijiet tal-passiġieri bl-ajru: Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li ċ-ċittadini jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effettiv meta jivvjaġġaw bl-ajru. Fl-istess ħin tara li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi fost it-trasportaturi bl-ajru madwar l-UE, fost l-oħrajn billi tħeġġeġ il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Id-dokument tal-istatistika jwieġeb għas-sejħiet minn diversi sorsi (fost l-oħrajn il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, l-industrija tat-trasport bl-ajru) għal dejta affidabbli dwar kif l-Istati Membri qed iwettqu d-doveri tagħhom fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-ilmenti u l-infurzar.

Passi li jmiss

Fit-13 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta' miżuri sabiex tiżgura li l-passiġġieri bl-ajru jkollhom drittijiet ġodda u aħjar għall-informazzjoni, tingħatalhom l-attenzjoni xierqa u rotta ġdida meta jibqgħu l-art, u fl-istess ħin proċeduri aħjar ta' kif jiġu pproċessati l-ilmenti u miżuri ta' infurzar aħjar.

Bħalissa l-proposta qed tiġi diskussa mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Segwi lill-Viċi-President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website