Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-miri tal-klima u l-enerġija għall-2030 għal ekonomija tal-UE kompetittiva, sigura u b’livell baxx ta’ karbonju

European Commission - IP/14/54   22/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 22 ta’ Jannar 2014

Il-miri tal-klima u l-enerġija għall-2030 għal ekonomija tal-UE kompetittiva, sigura u b’livell baxx ta’ karbonju

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) b’40 % taħt il-livell tal-1990, mira vinkolanti għall-UE kollha għall-enerġija rinnovabbli ta' mill-inqas 27%, ambizzjonijiet imġedda għall-politiki tal-effiċjenza enerġetika, sistema ta’ governanza ġdida u ġabra ta’ indikaturi ġodda biex jiżguraw sistema tal-enerġija kompetittiva u sigura. Dawn huma l-pilastri tal-qafas il-ġdid tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-2030, ippreżentat illum mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-qafas tal-2030 se jkun appoġġjat minn analiżi dettaljata tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, u se jiżgura ċ-ċertezza regolatorja għall-investituri u approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri, li jwasslu għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda. Il-qafas jimmira li jixpruna l-issuktar tal-progress lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u sistema tal-enerġija kompetittiva u sigura li tiżgura li l-enerġija tkun għall-but il-konsumaturi kollha, iżżid is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija tal-UE, tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u toħloq opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-impjiegi, billi tqis l-impatti potenzjali fuq il-prezzijiet fit-tul.

Il-Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-qafas tal-2030 se tiġi diskussa fl-ogħla livell, b’mod partikolari fil-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew. Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva għal riżerva ta’ stabbiltà tas-suq għall-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (l-ETS tal-UE) li tibda fl-2021. Ir-riżerva mistennija ttejjeb is-solidità tal-iskema. Flimkien mal-Komunikazzjoni ġie ppubblikat rapport fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa li jissuġġerixxi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tista' tittaffa parzjalment bis-saħħa ta' politiki dwar l-enerġija u l-klima li jkunu effikaċi ekonomikament, bi swieq tal-enerġija kompetittivi u b'titjib fl-effiċjenza enerġetika.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: L-azzjoni fil-qasam tal-klima hija ċentrali għall-futur tal-pjaneta tagħna, filwaqt li politika tal-enerġija tassew Ewropea hija essenzjali għall-kompetittività tagħna. Il-pakkett tal-lum juri li ż-żewġ kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati f'daqqa b'mod li mhux kontradittorju, iżda ta' għajnuna reċiproka. Huwa fl-interess tal-UE li tibni ekonomija għanja fl-impjiegi li hija inqas dipendenti fuq l-enerġija impurtata, permezz ta' effiċjenza akbar u iktar serħan fuq l-enerġija nadifa prodotta fl-Ewropa stess. Il-mira ambizzjuża għall-2030 tat-tnaqqis ta' 40% fil-gassijiet serra hija l-aktar stadju effikaċi ekonomikament fi triqitna lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. U l-mira ta' mill-inqas 27% għall-enerġija rinnovabbli hija sinjal importanti: biex lill-investituri nagħtuhom l-istabbiltà, biex nagħtu spinta lill-impjiegi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u biex nappoġġaw is-sigurtà tal-provvista tagħna.

Günther Oettinger, il-Kummissarju għall-Enerġija, qal: "Il-qafas tal-2030 huwa l-ixprun tal-UE għall-progress lejn ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju, lejn l-istabbiltà tal-investimenti u lejn is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. L-għan tiegħi huwa li niżgura li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għall-but tal-familji u l-kumpaniji. Il-qafas tal-2030 jistabbilixxi livell għoli ta' ambizzjoni għall-azzjoni kontra l-bidla fil-klima, iżda jirrikonoxxi wkoll li din għandha ssir bl-inqas spejjeż possibbli. Is-suq intern tal-enerġija jipprovdi l-bażi għall-ksib ta' dan l-għan u jien se nkompli naħdem biex is-suq jitlesta u nkunu nistgħu nużaw il-potenzjal sħiħ tiegħu. Dan jinkludi l-'Ewropreanizzazzjoni' tal-politiki tal-enerġija rinnovabbli".

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, qalet: "Minkejja dawk kollha li qed jargumentaw li llum ma joħroġ xejn ambizzjuż mill-Kummissjoni, irnexxielna. Tnaqqis ta' 40% fl-emissjonijiet huwa l-iktar mira effikaċi ekonomikament għall-UE u tqis ir-responsabbiltà globali tagħna. U, ovvjament, l-Ewropa għandha tkompli tiffoka bis-saħħa fuq l-enerġija rinnovabbli. Huwa għal din ir-raġuni li huwa daqshekk importanti li l-Kummissjoni llum qed tipproponi mira li torbot fil-livell tal-UE. Issa jonqos li jsir qbil dwar id-dettalji tal-qafas, iżda d-direzzjoni għall-Ewropa ġiet stabbilita. Jekk ir-reġjuni l-oħra jkunu daqstant ieħor ambizzjużi dwar il-bidla tal-klima, id-dinja tkun f'kundizzjoni ferm aħjar".

L-elementi ewlenin tal-qafas politiku tal-2030 stabbilit mill-Kummissjoni huma kif ġej:

  • Mira vinkolanti għat-tnaqqis tal-gassijiet serra: Il-mira tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 40% taħt il-livell tal-1990, li hija parti ċentrali tal-politika tal-enerġija u l-klima tal-UE għall-2030, ser tintlaħaq permezz ta' miżuri domestiċi biss. It-tnaqqis annwali fil-limitu tal-emissjonijiet għas-setturi tal-ETS tal-UE se jiżdied minn 1.74% issa għal 2.2% wara l-2020. L-emissjonijiet mis-setturi barra mill-ETS tal-UE jeħtieġ li jitnaqqsu bi 30% taħt il-livell tal-2005, u dan l-isforz għandu jinqasam b’mod ġust bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex, sa tmiem l-2014, jaqblu li l-UE għandha timpenja ruħha għat-tnaqqis ta' 40% kmieni fl-2015 bħala parti min-negozjati internazzjonali dwar ftehim globali ġdid dwar il-klima li mistenni jiġi konkluż f'Pariġi fi tmiem l-2015.

  • Mira vinkolanti għall-UE kollha għall-enerġija rinnovabbli: L-enerġija rinnovabbli se jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija kompetittiva, sigura u sostenibbli. Il-mira vinkolanti għall-UE kolllha għall-enerġija rinnovabbli ta' mill-inqas 27% fl-2030, xprunata minn approċċ aktar orjentat lejn is-suq b’kundizzjonijiet favorevoli għat-teknoloġiji emerġenti, iġġib magħha benefiċċji sinifikanti f’termini ta’ bilanċi kummerċjali tal-enerġija, id-dipendenza fuq sorsi indiġeni tal-enerġija, l-impjiegi u t-tkabbir. Il-mira għall-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE tinħtieġ sabiex jibqa' jsir investiment fis-settur. Madankollu, din il-mira mhux se tiġi tradotta f’miri nazzjonali permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE, u b’hekk l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà biex jittrasformaw is-sistema tal-enerġija b’mod li din tkun adattata għall-preferenzi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-ksib tal-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli se jiġi żgurat mis-sistema l-ġdida ta' governanza bbażata fuq il-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija (ara taħt).

  • L-effiċjenza enerġetika: It-titjib fl-effiċjenza enerġetika għandu jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet kollha tal-politika tal-enerġija tal-UE u ma jistax ikun hemm tranżizzjoni għal sistema enerġetika kompetittiva, sigura u sostenibbli mingħajru. Ir-rwol tal-effiċjenza enerġetika fil-qafas tal-2030 se jiġi studjat iktar f'reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika li mistennija tiġi konkluża aktar tard din is-sena. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa potenzjali għall-emendi lid-Direttiva ladarba titlesta r-reviżjoni. Il-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija tal-Istati Membri se jkollhom ikopru wkoll l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

  • Ir-riforma tal-ETS tal-UE: Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita riżerva ta' stabbiltà tas-suq fil-bidu tal-perjodu tan-negozjar tal-ETS li jmiss fl-2021. Ir-riżerva tkun tindirizza kemm l-eċċess tal-kwoti ta’ emissjonijiet li akkumula fis-snin reċenti u, kif ukoll, ittejjeb ir-reżiljenza tas-sistema għad-disturbi l-kbar billi taġġusta awtomatikament il-provvista tal-kwoti li jridu jiġu rkantati. Il-ħolqien ta’ riżerva bħal din - flimkien mad-dewmien li sar qbil dwaru dan l-aħħar fl-irkantar ta’ 900 miljun kwota sal-2019-2020 (“backloading”) - huwa appoġġjat minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Skont il-leġiżlazzjoni li qiegħda tiġi proposta llum, ir-riżerva tkun topera kompletament skont regoli definiti minn qabel li ma jħallu l-ebda marġni ta' diskrezzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha.

  • Enerġija sigura, kompetittiva u għal but kulħadd: Il-Kummissjoni tipproponi ġabra ta' indikaturi ewlenin biex jiġi evalwat il-progress maż-żmien u biex tipprovdi bażi fattwali għar-rispons politiku potenzjali. Dawn l-indikaturi huma marbutin ma’, pereżempju, id-differenzjali tal-prezz tal-enerġija mal-imsieħba kummerċjali ewlenin, id-diversifikazzjoni tal-provvista u d-dipendenza fuq sorsi indiġeni tal-enerġija, kif ukoll il-kapaċità ta’ interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri. Permezz ta’ dawn l-indikaturi, il-politiki għandhom jiżguraw sistema kompetittiva u sigura tal-enerġija f’perspettiva tal-2030 li ser tkompli tibni fuq l-integrazzjoni tas-suq, id-diversifikazzjoni tal-provvista, it-titjib fil-kompetizzjoni, l-iżvilupp tas-sorsi indiġeni tal-enerġija, kif ukoll l-appoġġ lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

  • Sistema ġdida ta’ governanza: Il-qafas tal-2030 jipproponi qafas ġdid ta' governanza bbażat fuq il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija kompetittiva, sigura u sostenibbli. Dawn il-pjanijiet se jitħejjew mill-Istati Membri b'approċċ komuni, abbażi ta' gwida li se tingħata mill-Kummissjoni, b'tali mod li jiggarantixxu iktar ċertezza għall-investituri u aktar trasparenza, u jsaħħu l-koerenza, il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-UE. Proċess iterattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandu jiżgura li l-pjanijiet ikunu ambizzjużi biżżejjed, u jiżgura wkoll il-konsistenza u l-konformità tagħhom matul iż-żmien.

Il-Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-qafas tal-2030 hija akkumpanjata minn Rapport dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, li jevalwa l-muturi ewlenin u jqabbel il-prezzijiet tal-UE ma’ dawk tal-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha. Il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu fi kważi kull Stat Membru mill-2008 'l hawn - l-aktar minħabba t-taxxi u l-imposti, iżda wkoll minħabba l-ispejjeż ogħla tan-netwerks. It-tqabbil mal-imsieħba internazzjonali jenfasizza ż-żieda fid-differenzjali tal-prezz - b’mod partikolari mal-prezzijiet tal-gass tal-Istati Uniti - li tista’ thedded il-kompetittività tal-Ewropa, partikolarment għall-industriji li jużaw ħafna enerġija. Madankollu, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tista’ tiġi parzjalment ikkumpensata b'politiki tal-enerġija u l-klima effikaċi ekonomikament, swieq tal-enerġija kompetittivi u miżuri tal-effiċjenza enerġetika mtejba, bħall-użu ta’ prodotti li huma aktar effiċjenti fl-enerġija. Jista' jkun il-każ li l-isforzi tal-industrija Ewropea fl-effiċjenza enerġetika se jeħtiġilhom ikunu saħansitra ikbar, fil-limiti fiżiċi tagħhom, hekk kif il-kompetituri jagħmlu l-istess u l-industrija Ewropea tiddeċiedi li tinvesti barra biex tkun eqreb tas-swieq li qed jikbru. Il-qafas tal-2030 huwa bbażat fuq dawn is-sejbiet.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill Ewropew huwa mistenni li jqis dan il-qafas fil-laqgħa tar-rebbiegħa tiegħu fl-20-21 ta’ Marzu.

Sfond

Il-qafas jibni fuq il-miri eżistenti tal-‘pakkett dwar il-klima u l-enerġija’ għall-2020, kif ukoll fuq il-pjanijiet direzzjonali tal-2050 tal-Kummissjoni għall-enerġija u għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju. Il-Komunikazzjoni dwar il-qafas politiku tal-2030 issegwi l-Green Paper tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2013, li tat bidu għal konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar l-aktar firxa u struttura xierqa għall-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2030. Dawn id-dokumenti jirriflettu l-għan tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 80-95 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050 bħala parti mill-isforz meħtieġ mill-pajjiżi żviluppati.

Għal aktar tagħrif:

Dwar l-aspetti tal-qafas marbutin mal-enerġija:

http://ec.europa.eu/energy/2030_en.htm

Dwar l-aspetti tal-qafas marbutin mal-klima:

http://ec.europa.eu/clima/policies/2030/index_en.htm

Ara wkoll:

MEMO/14/39 – Q&A dwar ir-riżerva ta' stabbiltà tas-suq tal-ETS

MEMO/14/40 – Q&A dwar il-qafas tal-2030

MEMO/14/38 - Q&A dwar l-istudju dwar il-prezzijiet tal-enerġija

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70) - Alejandro Ulzurrun (+32 2 295 48 67)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71) - Mirna.bratoz (+32 2 298 72 78)

Sabine Berger (+32 2 299 27 92) - Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-email


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website