Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Impjiegi: Il-Kummissjoni turi s-sodisfazzjon tagħha bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Istazzjonar tal-Ħaddiema mill-Kunsill

Commission Européenne - IP/14/542   13/05/2014

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2014

L-Impjiegi: Il-Kummissjoni turi s-sodisfazzjon tagħha bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Istazzjonar tal-Ħaddiema mill-Kunsill

L-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE ta' miżuri ġodda għal infurzar aħjar tar-regoli tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li saret b'mod definit illum, intlaqgħet tajjeb mill-Kummissjoni. Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Infurzar tal-Istazzjonar tal-Ħaddiema se tħares ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, u se ssaħħaħ il-qafas legali għall-fornituri tas-servizzi. Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Infurzar trid tiġi implimentata mill-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sa mhux aktar tard minn sentejn u għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

"Fiż-żmien meta l-elezzjonijet Ewropej jinsabu kważi magħna, l-adozzjoni tad-Direttiva għall-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-ħaddiema stazzjonati turi biċ-ċar li l-Ewropa ma taċċettax frodi jew abbuż għas-skapitu tal-ħaddiema stazzjonati jew forom oħra ta' 'dumping soċjali'", qal il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni László Andor. "Inħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw dawn ir-regoli mill-aktar fis u niddikjara s-sodisfazzjon tiegħi għall-passi li qed isiru biex jittieħdu dawn il-miżuri u li diġà tħabbru minn Franza."

Fid-Direttiva dwar l-Impjiegi tal-Ħaddiema (96/71/KE) tal-1996, li tippreżenta r-regoli obbligatorji ewlenin dwar il-patti u l-kundizzjonijiet tal-impjiegi li għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor, ġew stabbiliti salvagwardji sodi li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema u li jevitaw id-"dumping soċjali". Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Infurzar se tgħin biex jiġi żgurat li dawn ir-regoli jiġu applikati aħjar fil-prattika, speċjalment f'xi setturi bħall-kostruzzjoni u t-trasport tal-merkanzija bit-triq, fejn pereżempju kumpaniji "letter box" (li ma jkollhom l-ebda attività ekonomika reali fil-pajjiż ta' "oriġini" tagħhom) jinqdew bi "stazzjonament" falz biex jevitaw ir-regoli nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Se ttejjeb il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati billi tevita l-frodi, speċjalment fil-katini tas-subkuntrattar fejn kultant id-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati ma jkunux irrispettati.

B'mod partikolari, id-Direttiva dwar l-Infurzar:

iżżid l-għarfien tal-ħaddiema u tal-kumpaniji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom rigward il-patti u l-kundizzjonijiet tal-impjieg

ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-istazzjonar (obbligu li jingħataw risposti għal talbiet għal assistenza mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra; limitu ta' żmien ta' jumejn ta' xogħol biex jingħataw risposti għal talbiet urġenti għal informazzjoni u limitu ta' żmien ta' 25 jum ta' xogħol għal talbiet mhux urġenti)

tiċċara d-definizzjoni ta' stazzjonament biex iżżid iċ-ċertezza legali tal-ħaddiema stazzjonati u tal-fornituri tas-servizzi, filwaqt li fl-istess ħin tindirizza l-kumpaniji "letter box" li qed jistazzjonaw in-nies biex iduru mal-liġi

tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri biex jivverifikaw il-konformità mar-regoli stabbiliti bid-Direttiva tal-1996 (l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet tal-infurzar speċifiċi responsabbli mill-verifika tal-konformità; u l-Istati Membri li fihom ikunu stabbiliti l-fornituri tas-servizzi jintalbu jieħdu l-miżuri ta' superviżjoni u ta' infurzar neċessarji)

titlob li l-kumpaniji li jistazzjonaw in-nies:

jaħtru persuna ta' kuntatt għall-koordinazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar

jiddikjaraw l-identità tagħhom, l-għadd ta’ ħaddiema li għandhom jiġu stazzjonati, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar, l-indirizz tal-post tax-xogħol u n-natura tas-servizzi

iżommu disponibbli dokumenti bażiċi bħall-kuntratti tal-impjieg, il-karti tas-salarju u l-iskedi bil-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema stazzjonati

ittejjeb l-infurzar tad-drittijiet u l-ġestjoni tal-ilmenti, billi titlob kemm lill-Istati Membri tal-oriġini u kemm lill-Istati Membri ospitanti jiżguraw li l-ħaddiema stazzjonati, bl-appoġġ ta’ trejdjunjins u partijiet terzi interessati oħrajn, ikunu jistgħu jippreżentaw l-ilmenti tagħhom u jieħdu azzjoni legali u/jew amministrattiva kontra min iħaddimhom jekk id-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati

tiżgura li pieni u multi amministrattivi, imposti fuq il-fornituri tas-servizzi minn Stat Membru, għal nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-1996, ikunu jistgħu jiġu infurzati u rkuprati fi Stat Membru ieħor. Is-sanzjonijiet għal nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Kuntest

Id-dritt li kumpaniji joffru servizzi fi Stat Membru ieħor tal-UE, u li jistazzjonaw ħaddiema b'mod temporanju biex ifornu dawn is-servizzi, huwa bbażat fuq l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Fid-Direttiva dwar l-Impjiegi tal-Ħaddiema (id-Direttiva 96/71/KE) eżistenti ġew stabbiliti salvagwardji li jħarsu d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema stazzjonati u li jevitaw id-dumping soċjali, u kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema stazzjonati jkunu suġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż ospitanti dwar:

il-perjodi massimi ta' xogħol u l-perijodi minimi ta' mistrieħ

it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa

ir-rati minimi ta' ħlas, li jinkludu rati ta' sahra

il-kundizzjonijiet tal-kiri ta' ħaddiema, b'mod partikolari l-provvista ta' ħaddiema minn impriżi ta' impjieg temporanju

is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq il-post tax-xogħol

il-miżuri ta' protezzjoni fil-patti u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta' nisa tqal jew nisa li welldu reċentement, ta' tfal u ta' żgħażagħ

it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u dispożizzjonijiet biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni.

Għal aktar tagħrif

Ara wkoll MEMO/14/344

L-aħbarijiet fuq il-websajt tad-DĠ EMPL

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site