Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta’ Mejju 2014

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tapprova l-mappa tal-għajnuna reġjonali 2014 - 2020 għal Malta

Il-Kummissjoni Ewropea approvat skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat il-mappa ta' Malta għall-għoti ta' għajnuna mill-Istat bejn l-2014 u l-2020 fil-qafas tal-linji gwida ġodda tal-Kummissjoni għall-għajnuna reġjonali, adottati f'Ġunju 2013 (ara IP/13/569). Il-linji gwida ġodda stabbilixxew il-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat lin-negozji għal finijiet ta' żvilupp reġjonali. Dawn jimmiraw għat-trawwim tat-tkabbir u għal koeżjoni ikbar fis-Suq Uniku.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia qal: “Taħt il-linji gwida l-ġodda, it-territorju kollu ta’ Malta jkompli jibqa' eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet Maltin biex jappoġġaw l-investiment reġjonali b'konformità mal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u b'tali mod li tiġi żgurata wkoll il-kontinwità tal-politika reġjonali Maltija."

Mappa ta’ għajnuna reġjonali tiddefinixxi r-reġjuni ta’ Stat Membru eliġibbli għall-għajnuna ta’ investiment reġjonali nazzjonali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u tistabbilixxi l-livelli massimi ta’ għajnuna għal kumpaniji fir-reġjuni eliġibbli. Skont il-linji gwida, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu żoni bi PDG per capita tal-medja tal-UE eliġibbli għal għajnuna biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali tagħhom stess, sakemm dawn jikkonformaw ma’ xi livell ta' kopertura ġenerali tal-popolazzjoni.

Il-mappa l-ġdida ta' Malta tidħol fis-seħħ bejn l-1 ta' Lulju 2014 u l-31 ta' Diċembru 2020. Hi tiddefinixxi t-territorju kollu ta' Malta bħala eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skont din id-dispożizzjoni.

Il-livell massimu ta’ għajnuna mill-Istat (l-hekk imsejħa “l-intensitajiet tal-għajnuna”) għal proġetti ta’ investiment imwettqa minn kumpaniji kbar huwa ta’ 15 % sal-31 ta’ Diċembru 2017 u ta' 10 % bejn l-1 ta’ Jannar 2018 u l- 31 ta’ Diċembru 2020. Dawn l-intensitajiet ta' għajnuna jistgħu jiġu miżjuda b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar.

Meta kkumparata mal-mappa preċedenti, l-intensità ġenerali ta' għajnuna waqgħet bi 15-il punt perċentwali għall-perjodu 2014 - 2017 u b'20 punt perċentwali għall-perjodu 2018 - 2020, filwaqt li l-kopertura tal-popolazzjoni tibqa' identika. Din hija f'konformità mal-approċċ ġenerali tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali, li għandu l-għan li jippromwovi l-iktar reġjuni żvantaġġati tal-Ewropa.

Tagħrif eżistenti

Il-linji gwida tal-għajnuna reġjonali jistabbilixxu r-regoli li skonthom l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat lil kumpaniji biex jappoġġaw investimenti f'faċilitajiet ta' produzzjoni ġodda fir-reġjuni l-inqas ivvantaġġati tal-Ewropa, jew biex jestendu jew jimmodernizzaw faċilitajiet eżistenti. L-għan aħħari tal-għajnuna reġjonali mill-Istat huwa li din tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u x-xogħol. Il-linji gwida tal-għajnuna reġjonali jħaddnu regoli li fuqhom l-Istati Membri jistgħu jfasslu mapep ta' għajnuna reġjonali validi matul il-perjodu ta' validità tal-linji gwida. Il-mapep jidentifikaw f'liema żoni ġeografiċi kumpaniji jistgħu jirċievu għajnuna reġjonali mill-Istat u b'liema proporzjoni tal-ispejjeż eliġibbli ta' investiment (l-intensità tal-għajnuna). L-ispejjeż eliġibbli huma l-parti tal-ispejjeż totali tal-investiment li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-għajnuna. Abbażi tal-linji gwida, il-Kummissjoni tadotta mappa ta' għajnuna reġjonali għal kull Stat Membru.

L-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Istati Membri biex jagħtu għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku f'żoni fejn il-livell ta' għajxien huwa baxx wisq jew fejn hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg. Il-linji gwida ta' għajnuna reġjonali jiddefinixxu lil dawn bħala reġjuni bi PDG per capita taħt il-75 % tal-medja tal-UE u tal-iktar reġjuni mbiegħda. Attwalment m'hemmx reġjuni bħal dawn f'Malta.

L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jippermetti għajnuna reġjonali mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, meta din ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ li jmorru kontra l-interess komuni. Il-linji gwida ta' għajnuna reġjonali jiddefinixxu lil dawn bħala żoni ta' Stat Membru li huma żvantaġġati jew fir-rigward tal-medja tal-UE (taħt id-90 % tal-medja tal-UE), jew fir-rigward tal-medja nazzjonali. Il-kopertura tal-popolazzjoni hija ddistribwita bejn l-Istati Membri skont kriterji soċjoekonomiċi li jieħdu inkonsiderazzjon id-differenzi reġjonali, inkluż il-qgħad, kemm f'livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Imbagħad huwa f'idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedi kif fil-mappa reġjonali tiegħu jista' juża dan l-ispazju għall-immanuvrar biex jiddefinixxi żoni aktar eliġibbli sabiex jindirizza d-differenzi reġjonali interni. It-territorju kollu ta' Malta huwa eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont din id-dispożizzjoni fil-perjodu 2014 - 2020.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-lum se ssir disponibbli taħt in-numru tal-każ SA.38468 fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat fuq il-websajt tal-kompetizzjoni ladarba kull kwistjoni ta' kunfidenzjalità tkun riżolta. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet rigward l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fl-Aħbarijiet Elettroniċi ta' Kull Ġimgħa dwar l-Għajnuna mill-Istat

Kuntatti :

Antoine Colombani (+32 2 297 45 13, Twitter: @ECspokesAntoine )

Olga Leszczynska-Vargin (+32 2 296 55 20)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website