Navigation path

Left navigation

Additional tools

Imrobbija fl-UE - Il-Kummissarju Ewropew Damanaki tappoġġja l-akkwakulturi fl-Ewropa fis-Seafood Expo Global 2014

European Commission - IP/14/522   07/05/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 7 ta’ Mejju 2014

Imrobbija fl-UE - Il-Kummissarju Ewropew Damanaki tappoġġja l-akkwakulturi fl-Ewropa fis-Seafood Expo Global 2014

L-akkwakultura hija b’saħħitha u tista' tgħin biex jiġi indirizzat is-sajd eċċessiv u biex jiġu protetti l-istokkijiet ta’ ħut selvaġġ. Dan huwa l-messaġġ li se jiġi ppreżentat illum mill-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki, waqt avveniment organizzat apposta fis-Seafood Expo Global fi Brussell.

Waqt l-avveniment, parti mill-kampanja tal-Kummissjoni 'Inseparable' biex tippromwovi frott tal-baħar sostenibbli, il-Kummissarju Ewropew Damanaki se tenfasizza l-kwalitajiet speċifiċi tat-trobbija tal-ħut Ewropea, jew l-akkwakultura: “Hekk kif il-popolazzjoni qed tiżdied, id-domanda għal ħut ukoll qed tiżdied. Mingħajr l-akkwakultura ma jkunx hawn biżżejjed ħut biex nieklu u biż-żmien is-sostenibbiltà tal-istokkijiet ta’ ħut selvaġġ tagħna se titqiegħed f’riskju. Il-ħut imrobbi fl-UE huwa lokali, frisk u tajjeb għas-saħħa, jilħaq standards għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur u t-togħma tiegħu hija tajba għall-gosti tagħna."

Bħala parti mir-riforma għall-Politika Komuni tas-Sajd, l-UE impenjat ruħha li tappoġġja iżjed s-settur tal-akkwakultura. Sett reċenti ta’ linji gwida jippreżenta l-prijoritajiet komuni u l-objettivi ġenerali fis-settur tal-akkwakultura fl-Ewropa, li jinkludi t-titjib tal-aċċess għall-ispazju u l-ilma, li jinżammu standards għolja tas-saħħa u ambjentali, li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiżdied il-kompetittività. Biex jintlaħqu dawn, se jiġi provdut appoġġ finanzjarju permezz tal-Fond Ewropew ġdid għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, filwaqt li se tiġi finanzjata wkoll riċerka għal għajnuna għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea.

Waqt l-avveniment imsemmi, il-Kummissarju Ewropew Damanaki se tiltaqa' ma' żewġ kokijiet primi: Gianfranco Vissani mill-Italja u Kevin MacGillivray mir-Renju Unit. Aktar tard matul is-sena, proġett skolastiku mmexxi mill-UE madwar 10 pajjiżi se jqajjem aktar għarfien dwar il-benefiċċji meta wieħed jiekol ħut imrobbi.

L-informazzjoni kuntestwali

It-trobbija tal-ħut, imsejħa wkoll akkwakultura, hija l-kultivazzjoni ta’ annimali tal-ilma ħelu u tal-baħar u tal-pjanti. L-akkwakultura hija prattikata madwar l-Ewropa u tipproduċi ħafna speċi ta’ ħut, molluski, krustaċji u algi, u fiha tintuża firxa ta’ metodi differenti ta’ trobbija, inklużi dawk tradizzjonali bħalma huma ħbula, xbieki, u tankijiet, kif ukoll dawk iktar sofistikati bħal sistemi ta’ riċirkolazzjoni tal-ilma.

Madwar nofs il-produzzjoni tal-UE tikkonsisti fi frott tal-baħar, molluski u l-gajdri fost l-iktar popolari, flimkien ma’ speċi oħrajn inklużi ħut tal-baħar bħas-salamun, l-awrat u l-ispnott u ħut tal-ilma ħelu u bħat-trota u l-karpjun. Regoli stretti tal-EU dwar l-iġjene u l-protezzjoni tal-konsumatur, li japplikaw b’mod indaqs għal ħut selvaġġ u għal dak imrobbi, jiżguraw li prodotti sikuri u tajbin għas-saħħa biss jaslu fuq l-imwejjed tagħna.

Fl-UE, 68% tal-frott tal-baħar li nieklu huwa importat, filwaqt li 10% biss huwa mrobbi lokalment. Billi nieklu ħut imrobbi lokalment, inkunu qed niddependu inqas fuq l-importazzjoni minn barra u jkollna aċċess għall-prodotti friski. Aktar minn 80,000 persuna diġà huma impjegati direttament fis-settur tal-akkwakultura Ewropew, u dan l-ammont huwa mistenni li jikber hekk kif dejjem aktar frott tal-baħar qed jiġi provdut minn akkwakulturi fl-UE.

Is-Seafood Expo Global, li jseħħ f’Heysel, Brussell fis-6 sat-8 ta’ Mejju, hija l-akbar fiera tal-kummerċ tal-frott tal-baħar fid-dinja u tgħaqqad flimkien iktar minn 1,600 eżibitur minn aktar minn 70 pajjiż. Il-Kummissjoni Ewropea se jkollha l-istand tagħha (Fis-Sala 7, Nru 1411), fejn il-membri tal-pubbliku u tal-istampa se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-esperti u jiddiskutu firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet dwar is-sajd u l-affarijiet marittimi.

Għal aktar tagħrif

Kampanja 'Inseparable' - Imrobbija fl-UE:

http://ec.europa.eu/fisheries/inseparable/en/farmed-eu

MEMO/14/335

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil- posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website