Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent u l-Klima: Il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi EUR 282,6 miljun għal 225 proġett ġdid relatati mal-ambjent u l-klima

European Commission - IP/14/486   30/04/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta’ April 2014

L-Ambjent u l-Klima: Il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi EUR 282,6 miljun għal 225 proġett ġdid relatati mal-ambjent u l-klima

Il-Kummissjoni Ewropea llum approvat il-finanzjament għal 225 proġett ġdid bħala parti mill-programm LIFE+, il-fond tal-ambjent tal-Unjoni Ewropea. Il-proġetti magħżula ġew ippreżentati minn benefiċjarji mit-28 Stat Membru u jkopru azzjonijiet fl-oqsma tal-konservazzjoni tan-natura, tat-tibdil fil-klima, tal-politika ambjentali, u tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali fl-UE kollha. Globalment, dawn jirrappreżentaw investiment totali ta’ madwar EUR 589,3 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi EUR 282,6 miljun.

Janez Potočnik, il-Kummissarju għall-Ambjent qal: “Fl-aħħar sena tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, il-programm LIFE+ għal darb’ oħra juri l-kapaċità tiegħu li jagħti appoġġ finanzjarju essenzjali għal proġetti ambjentali u ta’ konservazzjoni tan-natura b’valur miżjud sinifikanti għall-UE. Il-proġetti li saru dan l-aħħar se jagħtu kontribut essenzjali lejn il-preservazzjoni, il-konservazzjoni u t-titjib tal-kapital naturali tal-Ewropa, u se jgħinu biex jinkiseb tkabbir sostenibbli permezz ta’ investiment f'ekonomija b'emissjoni baxxa ta' karbonju u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi. Is-suċċess ferm rikonoxxut ta’ LIFE+ u tal-proġetti tiegħu wassal biex dan l-aħħar jiġi adottat Regolament LIFE ġdid għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika, b’baġit akbar, għall-perjodu 2014-2020”

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika Connie Hedegaard stqarret: "Ninsab kuntenta li qed nara daqstant proġetti innovattivi anke din is-sena. U biex dawn żgur jirnexxu, se nagħtu kontribuzzjoni ta' aktar minn EUR 41,2 miljun, b'baġit totali ta' EUR 109,4 miljun. Parti dejjem akbar ta' proġetti LIFE qed jikkontribwixxu lejn l-azzjoni klimatika. U aħna nixtiequ ntejbu din is-sitwazzjoni dejjem aktar: għall-programm LIFE il-ġdid, li se jsir mill-2014 sal-2020, aktar minn EUR 850 miljun se jiġu allokati għall-azzjoni klimatika. Dan bejn wieħed u ieħor se jittrippla l-ammont li qed jintnefaq fuq l-azzjoni klimatika bħalissa."

Il-Kummissjoni rċeviet 1 468 applikazzjoni b'rispons għall-aħħar sejħa ta' proposti tagħha, li għalqet f'Ġunju 2013. Minn fost dawn, intgħażlu 225 proposta għal kofinanzjament permezz tat-tliet komponenti tal-programm: LIFE+ Natura u Bijodiversità, LIFE+ Politika u Governanza Ambjentali, u LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni.

1) Il-proġetti LIFE+ Natura u Bijodiversità jtejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats mhedda. Minn fost it-342 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 92 proġett għall-finanzjament, li ġejjin minn sħubiji ta’ entitajiet għall-konservazzjoni, awtoritajiet tal-gvern u partijiet oħrajn. Immexxija minn benefiċjarji tal-proġett f'25 Stat Membru, dawn jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 262,5 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar EUR 147,9 miljun. Il-maġġoranza (79) huma proġetti Natura, li jikkontribwixxu lejn l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u/jew il-Ħabitats kif ukoll lejn l-implimentazzjoni tan-netwerk Natura 2000. It-tlettax l-oħra huma proġetti Bijodiversità, li hija kategorija ta' proġetti LIFE+ għal skemi pilota li jindirizzaw kwistjonijiet usa’ ta’ bijodiversità.

2) Il-proġetti LIFE+ Politika u Governanza Ambjentali huma proġetti pilota li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' ideat ta' politika, teknoloġiji, metodi u strumenti innovattivi. Mid-961 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 125 proġett għall-finanzjament, minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet mis-settur pubbliku u mis-settur privat. Il-progġetti rebbieħa, immexxija minn benefiċarji tal-proġett fi 22 Stat Membru, jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 318,5 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar EUR 130,8 miljun.

Bħala parti minn dan il-komponent, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi aktar minn EUR 41,2 miljun għal 33 proġetti li jindirizzaw, b’mod dirett, it-tibdil fil-klima b'baġit totali ta’ EUR 109,4 miljun. Il-proġetti magħżula, li jinsabu l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, l-Isvezja u r-Renju Unit, huma indikati fl-Anness ta' din l-istqarrija għall-istampa. Barra minn hekk, bosta proġetti oħrajn li jiffukaw fuq kwistjonijiet oħra wkoll se jkollhom impatt indirett fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Oqsma importanti oħra ta’ interess jinkludu l-iskart u r-riżorsi naturali, l-innovazzjoni, l-ilma u s-sustanzi kimiċi.

3) Il-proġetti LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni jxerrdu l-informazzjoni u jagħtu aktar viżibilità lil kwistjonijiet ambjentali. Minn fost il-165 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 8 proġetti għall-finanzjament minn firxa ta' organizzazzjonijiet mis-settur pubbliku u dak privat li huma attivi fl-oqsma tan-natura u/jew tal-ambjent. Il-proġetti huma bbażati f’sitt Stati Membri — l-Awstrija, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija — u jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 8,3 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar EUR 3,9 miljun.

Erba' minn dawn il-proġetti huma relatati mal-kampanji tal-politika ambjentali tal-UE, filwaqt li l-għan tat-tlieta l-oħra huwa s-sensibilizzazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' natura u ta' bijodiversità. Il-proġett l-ieħor huwa ffukat fuq il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti.

Sfond

LIFE+ huwa l-istrument finanzjarju Ewropew għall-ambjent u għandu baġit totali ta’ EUR 2,1 biljun għall-perjodu 2007-2013. Il-Kummissjoni toħroġ sejħa għall-proposti għal proġetti LIFE+ darba fis-sena.

Il-Programm LIFE se jkompli mill-2014 sal-2020 skont ir-Regolament LIFE il-ġdid għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika. Għal dan il-perjodu l-Programm għandu baġit totali ta’ EUR 3,4 biljun bil-prezzijiet ta' Diċembru 2013, u miegħu se jiġu implimentati sottoprogramm għall-ambjent u sottoprogramm għall-azzjoni klimatika.

Aktar tagħrif

Ara ġabra fil-qosor u l-emails ta' kuntatt tal-proġetti l-ġodda kollha ffinanzjati bħala parti minn LIFE+, maqsuma skont il-pajjiż: MEMO/14/320

Għal iktar informazzjoni dwar LIFE+: http://ec.europa.eu/life

Ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti:

http://ec.europa.eu/environment/life/contact/nationalcontact/index.htm

Persuni ta’ kuntatt:

Għall-istampa:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93) - Andreja Skerl (+32 2 295 14 45)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website