Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta’ April 2014

Mix-xemx għall-fjuwil tal-ġettijiet: Proġett tal-UE jagħmel l-ewwel pitrolju “solari”

www.solar-jet.aero #Solarjet #FP7

Proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-UE li jġib l-isem ta' SOLAR-JET ipproduċa l-ewwel fjuwil tal-ġettijiet “solari” fid-dinja mill-ilma u d-dijossidu tal-karbonju (CO2). Għall-ewwel darba, riċerkaturi wrew b’suċċess il-katina sħiħa ta’ produzzjoni għall-pitrolju rinnovabbli, bl-użu tad-dawl ikkonċentrat bħala sors ta’ enerġija b’temperatura għolja. Il-proġett għadu fl-istadju sperimentali, u fil-kundizzjonijiet tal-laboratorju, bl-użu tad-dawl tax-xemx simulat, ipproduċa ammont ċkejken ta' fjuwil tal-ġettijiet. Madankollu, ir-riżultati jimlewna bit-tama li fil-futur kull fjuwil likwidu tal-idrokarburi jista’ jiġi prodott mid-dawl tax-xemx, id-CO2 u l-ilma.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Din it-teknoloġija tfisser li xi darba nistgħu nipproduċu fjuwil abbundanti u aktar nadif għall-ajruplani, il-karozzi u forom oħra ta' trasport. Barra minn hekk, tista' iżżid bil-bosta is-sigurtà tal-enerġija u b'hekk wieħed mill-gassijiet serra ewlenin responsabbli għat-tisħin globali jsir riżorsa utli.”

Ir-reattur solari jikkonverti d-CO2 u l-ilma f'“Syngas”

Il-proċess

Fl-ewwel stadju ntuża dawl ikkonċentrat, daqslikieku dawl tax-xemx, biex jikkonverti d-dijossidu tal-karbonju u l-ilma f'gass ta’ sinteżi (syngas) f’reattur solari b’temperatura għolja (ara l-istampa hawn fuq) li fih materjali bbażati fuq ossidi tal-metall żviluppati f'ETH ta' Zürich. Imbagħad is-syngas (taħlita ta’ idroġenu u monossidu tal-karbonju) inqaleb f’pitrolju minn Shell bl-użu tal-proċess stabbilit "Fischer-Tropsch".

Għalkemm il-produzzjoni tas-syngas permezz ta’ radjazzjoni solari kkonċentrata għadha fi stadju bikri ta’ żvilupp, hemm xi kumpaniji li diġà qed jipproċċessawh għall-pitrolju fuq skala globali, inkluża Shell. It-twaħħid taż-żewġ approċċi għandu l-potenzjal li jipprovdi provvista sikura, sostenibbli u adattabbli ta' fjuwil tal-avjazzjoni kif ukoll tad-diżil u l-petrol, jew saħansitra tal-plastik. Il-fjuwils derivati minn Fischer-Tropsch diġà huma ċċertifikati u jistgħu jintużaw minn vetturi eżistenti u inġenji tal-ajru mingħajr modifiki fil-magni jew fl-infrastruttura tal-fjuwil tagħhom.

Sfond

Il-proġett SOLAR-JET, li jkopri erba' snin, tnieda f’Ġunju 2011 u se jirċievi EUR 2.2 miljun f’fondi tal-UE mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7). Il-proġett SOLAR-JET ilaqqa' flimkien organizzazzjonijiet tar-riċerka mill-akkademja u mill-industrija (ETH Zürich, Bauhaus Luftfahrt, Deutsches Zentrum für Luft- und Raumfahrt (DLR), Shell Global Solutions u s-sieħeb amministrattiv ARTTIC).

Fil-fażi li jmiss tal-proġett, is-sħab qed jippjanaw li jottimizzaw ir-reattur solari u jivvalutaw jekk it-teknoloġija hix se taħdem fuq skala akbar u bi prezz kompetittiv.

Is-sejbien ta' sorsi ġodda u sostenibbli ta' enerġija se jibqa’ prijorità ta' Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE, li jkopri seba' snin u li tnieda fl-1 ta’ Jannar 2014. Fis-sejħa 'L-enerġija kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju' ippubblikata fil-11 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni pproponiet investiment f'dan il-qasam ta’ EUR 732 miljun mifrux fuq sentejn. Is-sejħa tinkludi tema dwar l-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati għall-bijofjuwils u fjuwils alternattivi sostenibbli.

Kuntatt għall-istampa rigward il-proġett

Dr. Andreas Sizmann

Bauhaus Luftfahrt e.V.

+49 (0)89 307 4849 38

andreas.sizmann@bauhaus-luftfahrt.net

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew l-e­mail


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site