Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta’ April 2014

Kundizzjonijiet tax-xogħol: minn stħarriġ ġdid joħroġ li s-sodisfazzjon tal-ħaddiema qed jonqos u li hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri

Filwaqt li ftit iktar minn nofs il-ħaddiema Ewropej iqisu li l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'pajjiżhom huma tajba (53 %), maġġoranza ta' 57 % madankollu taħseb li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha marru għall-agħar f’dawn l-aħħar ħames snin. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat illum, li jagħti ħarsa lejn kif il-kwalità tax-xogħol ġiet affettwata mill-kriżi. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema huma sodisfatti mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom (medja ta’ 77 % fl-UE), hemm differenzi kbar ħafna bejn l-Istati Membri: minn 94 % fid-Danimarka għal 38 % fil-Greċja. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema jesprimu livelli għoljin ta’ sodisfazzjon bil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom (80 %) u bis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (85 %).

Ir-riżultati tal-Ewrobarometru se jintużaw fil-konferenza li se ssir fi Brussell fit-28 ta’ April fejn se jiġu diskussi l-prospetti attwali u futuri għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-konferenza se tipprovdi opportunità biex jiġi diskuss kif għandu jiġi żviluppat approċċ aktar konsistenti u progressiv għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-UE, biex fuq il-postijiet tax-xogħol jiġu żgurati livelli għoljin ta’ kwalità, sigurtà u ekwità.

Il-ħarsien u l-promozzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-UE huma importanti biex nieħdu ħsieb il-kapital uman tagħna. Għandna wirt notevoli ta' liġijiet u politiki li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin li jippermettu livelli għoljin ta’ sodisfazzjon fost il-ħaddiema Ewropej. Iżda hemm ukoll biża' - u riskju reali - li l-kundizzjonijiet tax-xogħol se jsofru b’riżultat tal-kriżi ekonomika. Flimkien mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema, jeħtieġ li nġeddu l-isforzi tagħna biex nippreservaw u ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol", qal László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar fit-28 Stat Membru, juri li:

aktar minn 80 % ta’ min wieġeb fid-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Finlandja u l-Pajjiżi l-Baxxi jaħsbu li l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżhom huma tajbin. Fuq il-livell tal-ħaddiema individwali d-Danimarka tinsab fuq quddiem ukoll, b’94 % tal-ħaddiema sodisfatti bil-kundizzjonijiet tagħhom stess fuq il-post tax-xogħol — l-Awstrija u l-Belġju jinsabu fit-tieni post, b'disa' minn kull 10 ħaddiema sodisfatti, segwiti mill-qrib mill-Finlandja (89 %), ir-Renju Unit u l-Estonja (it-tnejn 88 %)

min-naħa l-oħra, il-Greċja għandha l-inqas rata ta’ sodisfazzjon fil-livell nazzjonali (16 %) u hija l-uniku pajjiż fejn anqas minn nofs ta' min wieġeb huma sodisfatti bil-kundizzjonijiet attwali tagħhom (38 %)

il-livelli ta’ sodisfazzjon fil-livell nazzjonali huma baxxi wkoll, għalkemm mhux sa dak il-punt, fil-Kroazja (18 %), Spanja (20 %), l-Italja (25 %), il-Bulgarija (31 %), is-Slovenja, il-Portugall u r-Rumanija (32 % kull wieħed), iżda wkoll fis-Slovakkja (36 %) u l-Polonja (38 %).

Din id-diverġenza fil-livelli ta' sodisfazzjon hija r-riżultat ta' għadd ta' fatturi: il-kuntest soċjali u ekonomiku influwenzat mill-kriżi, iżda wkoll il-fatturi strutturali bħad-djalogu soċjali, il-politika soċjali u l-liġi tax-xogħol, li jistgħu jkunu iktar b'saħħithom jew iktar dgħajfa skont is-sitwazzjonijiet nazzjonali madwar l-UE.

Sejbiet ewlenin oħra tal-istħarriġ jindikaw li għad hemm lok għal titjib, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

Għadd ta’ sejbiet jikkonfermaw żieda fl-intensità tax-xogħol. Joħroġ biċ-ċar li l-istress jitqies bħala l-aktar riskju importanti fuq il-post tax-xogħol (għal 53 % ta’ min wieġeb li għandu impjieg). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ sodisfazzjon fir-rigward tal-ammont ta’ xogħol, tar-ritmu tax-xogħol u tal-jiem twal ta’ xogħol (iktar minn 13-il siegħa) huwa aktar mifrux minn kwistjonijiet oħra bħan-nuqqas ta’ interess fl-attivitajiet jew perjodi ta’ mistrieħ inadegwati fil-ġimgħa jew fis-sena;

Rigward l-organizzazzjoni tax-xogħol, f'dak li għandu x'jaqsam mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, 40 % ta’ min wieġeb iddikjaraw li ma ngħatawx il-possibbiltà li jużaw arranġamenti tax-xogħol flessibbli;

Fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inqas minn wieħed minn kull tliet ħaddiema ddikjaraw li fil-post tax-xogħol tagħhom hemm miżuri fis-seħħ biex jindirizzaw ir-riskji l-ġodda (pereżempju dawk ikkawżati min-nanoteknoloġiji jew il-bijoteknoloġija), jew miżuri apposta għall-ħaddiema aktar anzjani jew dawk b’mard kroniku. Flimkien mal-istress, l-ergonomija ħażina titqies bħala wieħed mir-riskji l-aktar importanti fuq il-post tax-xogħol, u 28 % ta’ min wieġeb semmew il-movimenti ripetittivi u l-pożizzjonijiet skomdi jew li jikkawżaw l-uġigħ bħala riskju ewlieni għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol tagħhom, u 24 % semmew l-irfigħ, il-ġarr jew iċ-ċaqliq tat-tagħbijiet kuljum.

Konferenza tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol

Fil-konferenza tat-28 ta' April se jattendu madwar 300 parti interessata. Se jkun hemm ħames workshops fejn se jsiru dibattiti fil-fond dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ir-ristrutturazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-apprendistati u d-dimensjoni internazzjonali tal-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

It-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u dawk li jfasslu l-politika, fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, huma mistiedna jirriflettu u jieħdu inizjattivi komuni għall-apoġġ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-kwalità tal-impjiegi - fattur essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, inkluż ambjent favorevoli għas-saħħa u s-sigurtà, ħafna drabi jiġu assoċjati ma’ motivazzjoni għolja tal-ħaddiema, mal-kreattività u mal-impenn u, fl-aħħar mill-aħħar, dawn iwasslu għal livelli għoljin ta’ produttività.

Sfond

Dan l-istħarriġ sar fit-28 Stat Membru bejn it-3 u l-5 ta’ April 2014. 26,571 persuna minn gruppi soċjali u demografiċi differenti ġew intervistati bit-telefown (linji fissi u tal-mowbajl) bil-lingwa materna tagħhom.

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-iskop ta’ dan l-Ewrobarometru ġew definiti bħala l-ħin tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ir-rappreżentanza tal-impjegati u r-relazzjonijiet ma’ min iħaddem.

L-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi miri ambizzjużi għaż-żieda tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar. Is-Semestru Ewropew, il-Pakkett dwar l-Impjiegi u l-Pakkett ta' Investiment Soċjali kollha jikkontribwixxu biex jindirizzaw l-isfidi li qed jevolvu għall-impjiegi u s-soċjetà b'mod sistematiku u mill-perspettiva tal-interess pan-Ewropew.

L-UE sserraħ fuq ġabra komprensiva ta’ politiki u leġiżlazzjoni li għandha l-għan li tappoġġa kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fl-UE, inklużi standards minimi tal-liġi tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll żewġ Oqfsa ta’ Kwalità dwar ir-ristrutturazzjoni (IP/13/1246) u dwar l-apprendistati (IP/13/1200). Dan tal-aħħar ġie adottat mill-Kunsill tal-Ministri f’Marzu 2014 (IP/14/236).

Fis-7 ta’ April 2014, l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) nediet il-kampanja “Inqas Stress għal Aktar Saħħa fuq ix-Xogħol” biex tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji psikoloġiċi, fiżiċi u soċjali marbuta mal-istress fuq il-post tax-xogħol (ara IP/14/386).

Għal aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_404_391_en.htm - 398Ewrobarometru "Il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-UE" u l-iskedi tal-pajjiżi fil-lingwi nazzjonali

Konferenza dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, Brussell, it-28 ta’ April 2014

Drittijiet tax-xogħol

Ristrutturazzjoni

Impjiegi għaż-żgħażagħ

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona mingħajr ħlas għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Għall-pubbliku: Europe Direct bin-numru tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-email


Side Bar