Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' April 2014

Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tal-leġiżlazzjoni tal-Ippjanar Spazjali Marittimu

Il-Parlament Ewropew illum approva Direttiva għall-Ippjanar Spazjali Marittimu li għandha tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet biex jikkoordinaw aħjar id-diversi attivitajiet li jseħħu fuq il-baħar u biex jiġi żgurat li huma effiċjenti u sostenibbli kemm jista’ jkun. Fiż-żoni kostali u marittimi, ħafna attivitajiet jikkompetu għall-istess spazji u riżorsi: postijiet tas-sajd, stabbilimenti tal-akkwakultura, żoni protetti tal-baħar jikkoeżistu flimkien ma' infrastrutturi marittimi bħal kejbils, pajpijiet, passaġġi tat-tbaħħir u istallazzjonijiet taż-żejt, tal-gass u tar-riħ. Id-Direttiva l-ġdida se tgħin biex jiġi evitat kull kunflitt li jista' jinqala' minn dawn l-użi differenti kollha u biex jinħoloq ambjent stabbli u attraenti għall-investituri, u b’hekk tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli.

Id-domanda dejjem akbar għall-ispazju marittimu għal attivitajiet ġodda, bħall-enerġija rinnovabbli u l-impjanti tal-akkwakultura, teħtieġ ippjanar aħjar u iktar koerenti tal-attivitajiet marittimi fuq il-baħar. Id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-tfassil ta’ pjanijiet spazjali marittimi nazzjonali. Dawn il-pjanijiet se jqisu l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar biex jidentifikaw l-attivitajiet umani eżistenti kollha u l-aktar mod effettiv għall-ġestjoni tagħhom. Minħabba li ħafna mill-attivitajiet huma mmexxija fuq livell traskonfinali, id-Direttiva se tgħin lill-Istati Membri jikkooperaw aħjar.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki u l-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qalu: “Il-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew huwa pass importanti biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir fis-setturi marittimi kollha sempliċiment permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-ibħra tagħna u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tagħhom. Jekk aħna nikkoordinaw id-diversi attivitajiet li jseħħu fl-ibħra tagħna nkunu nistgħu nagħmlu aċċess għal spazju marittimu aktar prevedibbli għall-investituri u fl-istess ħin innaqqsu l-impatt tal-attivitajiet marittimi fuq l-ambjent.”

Sfond

L-Ippjanar Spazjali Marittimu (ISM) huwa l-pedament tal-Istrateġija ta' 'Tkabbir Blu' tal-Kummissjoni u tal-Politika Marittima Integrata tal-UE. Jippermetti għarfien aħjar tat-tqassim tar-riżorsi marittimi u jagħti aktar ċertezza lill-investituri fejn jidħol l-iżvilupp ekonomiku potenzjali. Mal-ISM, l-operaturi se jkunu jafu liema attivitajiet jistgħu iseħħu, fejn jistgħu iseħħu u t-tul ta' żmien li jistgħu jieħdu. L-Ippjanar Spazjali Marittimu se jnaqqas ukoll ir-regolamentazzjoni żejda li teżisti u l-kumplessità amministrattiva li din iġġib magħha. Pereżempju, f’ċerti pajjiżi, biex jinkiseb permess għal sit tal-akkwakultura fil-baħar iridu jiġu kkuntattjati sa disa’ aġenziji eżekuttivi. It-titjib fil-koordinazzjoni se jħaffef il-proċeduri, u dan se jiġġenera qligħ ekonomiku. Pereżempju, l-aċċellerazzjoni tal-investimenti fl-attività marbuta mal-akkwakultura fil-baħar jew l-enerġija rinnovabbli, b'sena, tnejn jew tlieta, sal-2020 jistgħu jiġu ġġenerati gwadanji ekonomiċi ta' bejn EUR 60 miljun u aktar minn EUR 600 miljun.

L-Ippjanar Spazjali Marittimu se jikkontribwixxi wkoll għal implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE fuq il-baħar u se jgħin lill-Istati Membri jiksbu status ambjentali tajjeb tal-ibħra tagħhom sal-2020. Dan għandu jgħin biex jiġu stabbiliti netwerks koerenti ta’ Żoni Marini Protetti li fil-każ tagħhom il-kooperazzjoni fl-ippjanar traskonfinali hija essenzjali, u għandu jiżgura l-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha involuti fil-proċessi tal-ippjanar.

Il-passi li jmiss

Ladarba tiġi adottata finalment mill-Ministri, l-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sal-2016 u jinnominaw l-awtorità kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tal-ISM. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-pjanijiet spazjali marittimi nazzjonali tagħhom sal-2021. Huma liberi li jfasslu l-kontenut tal-pjanijiet u l-istrateġiji skont il-prijoritajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom, u skont l-għanijiet ta’ politika settorjali nazzjonali u t-tradizzjonijiet legali tagħhom, iżda jridu jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva.

Għal aktar tagħrif

MEMO/14/313 : Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu

L-Ippjanar Spazjali Marittimu: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/maritime_spatial_planning/index_mt.htm

Ġestjoni Kostali Integrata: http://ec.europa.ue/environment/iczm/home.htm

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil- posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website