Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta’ April 2014

Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni mill-Parlament tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd il-ġdid

Il-Parlament Ewropew illum approva l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) b'maġġoranza kbira. B’baġit ta’ EUR 6,5 biljun għall-2014-2020, il-fond se jiffinanzja proġetti biex tiġi implimentata r-riforma ġdida tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u jingħata appoġġ finanzjarju lis-sajjieda, lill-operaturi tal-farms tal-ħut u lill-komunitajiet kostali biex jadattaw ruħhom għar-regoli mibdula. Il-Fond se jiffinanzja wkoll proġetti biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi "blu" fi ħdan il-Politika Marittima Integrata (PMI) tal-UE.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, laqgħet l-adozzjoni: "Il-politika tas-sajd riformata tagħna qed tqiegħed is-sajd Ewropew fuq bażi sostenibbli, darba għal dejjem. Sabiex nilħqu dan l-għan, jinħtieġ tibdil radikali għas-sajjieda tagħna u għas-settur kollu, u dan jirrikjedi l-appoġġ finanzjarju tagħna. Aħna se nikkofinanzjaw proġetti konkreti fl-Istati Membri biex ngħinu lis-sajjieda u lill-komunitajiet kostali jiżviluppaw industrija tal-frott tal-baħar sostenibbli — mix-xibka għal ġol-platt."

Niffinanzjaw is-sajd sostenibbli

Permezz tar-riforma tal-Polika Komuni tas-Sajd (PKS) tagħha, l-UE ħadet azzjoni kontra s-sajd żejjed u l-prattika li l-ħut mhux mixtieq jintrema lura fil-baħar. Il-FEMS il-ġdid se jipprovdi opportunitajiet ta' investiment u finanzjament għas-sajjieda, l-operaturi tal-farms tal-ħut u l-komunitajiet kostali biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar u għall-bini mill-ġdid tal-istokkijiet tal-ħut. Billi jiffinanzja, pereżempju, tagħmir tas-sajd aktar selettiv, il-fond se jgħin ukoll essenzjalment biex jiġu eleminati l-prattiki tar-rimi ħalja – aspett ewlieni tal-politika l-ġdida.

Mhux se jintefqu flus tal-UE fuq il-bini ta' bastimenti tas-sajd ġodda jew inizjattivi oħra li jikkontribwixxu biex tiżdied il-kapaċità għas-sajd. Il-prijorità hija pjuttost li jiġu megħjuna s-sajjieda ta' skala żgħira, li se jibbenefikaw minn rata ogħla ta' intensità tal-għajnuna, kif ukoll is-sajjieda żgħażagħ u l-familji tas-sajjieda. Il-Fond se jgħin ukoll lill-operaturi tal-farms tal-ħut isiru aktar kompetittivi billi jappoġġahom biex jilħqu swieq ġodda. Għaldaqstant, il-FEMS se jgħin biex jiżgura provvista stabbli ta’ prodotti tal-frott tal-baħar sostenibbli għall-konsumaturi, jistimola l-innovazzjoni, jgħin lill-komunitajiet sabiex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, jiffinanzja proġetti li joħolqu impjiegi ġodda, u finalment itejjeb il-kwalità tal-ħajja mal-kosta Ewropea.

Barra minn hekk, dan se jiffinanzja wkoll il-ġbir ta’ dejta dwar is-sajd sabiex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jissejsu fuq evidenza b’saħħitha, u jsaħħaħ il-programmi għall-kontroll tas-sajd biex jiżgura li r-regoli dwar is-sajd responsabbli u sostenibbli jiġu rrispettati u mħarsa minn kulħadd. Il-fond se jappoġġa wkoll it-tfassil ta’ politika reġjonalizzata tal-PKS il-ġdida u jippermetti l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet interessati kollha.

Nagħtu spinta lit-tkabbir blu

Għall-ewwel darba, il-fond se jagħti spinta wkoll lill-Politika Marittima Integrata billi jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn il-fruntieri u bejn is-setturi. Il-finanzjament se jiffoka fuq dawk l-inizjattivi li jibbenefikaw minnhom diversi setturi fl-oqsma kollha, iżda li ma jistgħux jitwettqu minn kwalunkwe politika abbażi ta’ settur wieħed jew minn Stat Membru wieħed bħall-ippjanar spazjali marittimu, is-sorveljanza marittima integrata u l-għarfien dwar il-baħar.

Il-passi li jmiss

Wara l-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew, il-Fond issa se jgħaddi għand il-Ministri tas-Sajd fil-Kunsill għall-adozzjoni finali sabiex il-FEMS ikun jista' jidħol fis-seħħ f’Ġunju ta’ din is-sena.

Il-FEMS se jikkofinanzja proġetti flimkien ma' sorsi ta' finanzjament nazzjonali ma' kull Stat Membru li jirċievi sehem tal-baġit totali. L-Istati Membri se jfasslu l-programmi operattivi nazzjonali tagħhom, fejn jispeċifikaw kif beħsiebhom jonfqu l-flus allokati u, ladabra jiġu approvati mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali se jiddeċiedu liema proġetti jixtiequ jappoġġaw.

Għal aktar tagħrif

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform/emff/index_mt.htm

MEMO/14/311

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website