Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2014

L-impjiegi u l-iżviluppi soċjali: l-analiżi annwali tenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji tal-faqar fost dawk li jaħdmu

Waħda mill-konsegwenzi l-iktar tanġibbli tal-kriżi ekonomika hija żieda sinifikanti fil-faqar fost il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Jista’ jkun li t-tnaqqis gradwali fil-livelli tal-qgħad ma jkunx biżżejjed biex ireġġa’ lura din is-sitwazzjoni jekk tkompli għaddejja l-polarizzazzjoni tal-pagi, l-iktar minħabba żieda fix-xogħol part-time. Din hija waħda mis-sejbiet ewlenin tal-Analiżi tal-impjiegi u l-iżviluppi soċjali fl-Ewropa tal-2013, li tħares ukoll lejn l-impatt pożittiv tal-benefiċċji soċjali fuq il-probabbiltà li wieħed jerġa' jsib xogħol, lejn il-konsegwenzi tal-iżbilanċi persistenti bejn is-sessi, u lejn id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

L-analiżi turi kif il-fatt li wieħed isib xogħol jista’ jgħin lil dak li jkun jegħleb il-faqar, iżda dan iseħħ biss f'nofs il-każijiet. Fil-fatt, dan jiddependi ħafna fuq it-tip ta' xogħol li wieħed isib, iżda wkoll fuq l-istruttura tal-familja u l-qagħda tas-sieħeb jew tas-sieħba b’rabta mas-suq tax-xogħol.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor, enfasizza li “Jeħtieġ li nagħtu każ mhux biss il-ħolqien tal-impjiegi, iżda wkoll il-kwalità tagħhom, sabiex ikun hemm irkupru sostenibbli li jnaqqas mhux biss il-qgħad iżda wkoll il-faqar”.

Impatt pożittiv tal-qgħad u l-benefiċċji soċjali

L-Analiżi fiha wkoll studju analitiku li juri li, għall-kuntrarju tat-twemmin komuni, dawk li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad għandhom iktar ċans isibu xogħol milli dawk li ma jirċevux benefiċċji (dejjem jekk il-fatturi l-oħra jkunu l-istess). Dan jgħodd l-iktar għas-sistemi ta’ benefiċċji mfasslin tajjeb (bħal dawk li fihom jitnaqqsu l-livelli tal-benefiċċju maż-żmien), li jkollhom magħhom kundizzjonijiet xierqa, bħar-rekwiżit li wieħed ifittex xogħol. Hemm it-tendenza li sistemi bħal dawn jappoġġaw aħjar it-tqabbil tal-ħiliet u għaldaqstant ukoll l-adozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità ogħla, li mbagħad jgħinu lin-nies jegħlbu l-problema tal-faqar.

Din l-analiżi turi wkoll li f’ċerti pajjiżi (bħal pereżempju l-Polonja u l-Bulgarija), għadd kbir ta’ nies bla xogħol mhumiex koperti mis-sistemi standard ta’ protezzjoni soċjali (mill-benefiċċji tal-qgħad u l-assistenza soċjali) u dawn x’aktarx jispiċċaw jiddependu fuq is-solidarjetà tal-familji tagħhom jew fuq ix-xogħol informali. In-nies bla xogħol li ma jirċevux benefiċċji tal-qgħad għandhom inqas ċans isibu xogħol minħabba li x’aktarx ma jkunux daqshekk fil-mira ta’ miżuri ta’ attivazzjoni u minħabba li mhumiex obbligati jfittxu xogħol biex jirċievu l-benefiċċji.

Differenzi persistenti bejn is-sessi

Għalkemm il-kriżi rat tnaqqis f’xi wħud mid-differenzi bejn is-sessi li storikament kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa (l-aktar minħabba s-setturi ddominati mill-irġiel li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi), għad hemm differenzi bejn is-sessi marbutin mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, mal-pagi u mar-riskju ta’ faqar. Barra minn hekk, għad hemm it-tendenza li n-nisa jaħdmu inqas sigħat totali mill-irġiel. Filwaqt li dan jista’ jirrifletti l-preferenzi individwali tagħhom, xorta waħda jwassal għal opportunitajiet inqas marbutin mal-karrieri tagħhom, għal pagi aktar baxxi u inqas pensjonijiet prospettivi, għal użu insuffiċjenti tal-kapital uman u b’hekk ukoll għal inqas tkabbir ekonomiku u prosperità. Għalhekk, id-differenzi bejn is-sessi joħolqu kemm spejjeż ekonomiċi u kemm spejjeż soċjali u għandhom jiġu ttrattati b’mod effettiv kull meta dawn jkunu ġejjin minn ostakli jew restrizzjonijiet istituzzjonali jew tas-soċjetà.

Jeżistu ċerti xejriet distinti fost l-Istati Membri b’rabta mad-differenzi bejn is-sessi f’termini tas-sigħat tax-xogħol. F’ċerti każijiet hemm iktar nisa jaħdmu, iżda dawn jaħdmu sigħat relattivament iqsar (pereżempju fl-Olanda, il-Ġermanja, l-Awstrija u r-Renju Unit). F’każijiet oħrajn, hemm inqas nisa jaħdmu, iżda meta jkollhom xogħol, dawn x’aktarx jaħdmu sigħat relattivament itwal (dan huwa l-każ fi Spanja u fl-Irlanda u f'ħafna mill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant). Huma biss ftit dawk l-Istati Membri li jirnexxilhom jgħaqqdu rati għolja ta’ nisa li jaħdmu ma’ ftit differenza bejn is-sessi f’termini tas-sigħat maħduma (dawn huma l-iktar il-pajjiżi Nordiċi u dawk tal-Baltiku). X'aktarx li taħlita effettiva tal-politika tinkludi l-ugwaljanza fil-ħin tax-xogħol bejn is-sessi, xogħol flessibbli disponibbli b’mod wiesa’, inċentivi għad-diviżjoni ta’ xogħol mhux imħallas fi ħdan koppja, u faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li jkunu favorevoli għall-impjiegi, aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd u li fihom it-tfal jinżammu għal ħinijiet itwal matul il-jum.

Id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Id-differenzi makroekonomiċi, soċjali u li jirrigwardaw l-impjiegi li għadhom qegħdin dejjem jikbru jheddu l-għanijiet ewlenin tal-UE kif stabbiliti fit-Trattati, jiġifieri li tippromwovi l-konverġenza ekonomika għall-benefiċċju tal-membri kollha tagħha u li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini fl-Istati Membri tagħha. L-aħħar analiżi turi kif iż-żerriegħa tad-differenzi attwali kienet diġà nżergħat fl-ewwel snin tal-euro, minħabba li t-tkabbir żbilanċjat f’xi Stati Membri, ibbażat fuq dejn dejjem jiżdied xprunat minn rati baxxi tal-imgħax u influssi qawwija tal-kapital, ħafna drabi kien assoċjat ma’ żviluppi diżappuntanti fil-produttività u ma’ problemi marbutin mal-kompetittività.

Fin-nuqqas tal-għażla li jiżvalutaw il-munita, il-pajjiżi taż-żona tal-euro li qed jippruvaw jerġgħu jiksbu l-kompetittività fl-ispejjeż se jkollhom jiddependu fuq l-iżvalutar intern (it-trażżin tas-salarji u tal-prezzijiet). Madankollu, din il-politika għandha l-limitazzjonijiet u l-iżvantaġġi tagħha, fosthom f’termini ta’ żieda fil-qgħad u iktar tbatija soċjali, u l-effikaċja tagħha tiddependi fuq ħafna fatturi bħal kemm hija miftuħa l-ekonomija, il-qawwa tad-domanda esterna u l-preżenza ta’ politiki u investimenti li jtejbu l-kompetittività li mhix marbuta mal-ispejjeż.

Il-Kummissjoni pproponiet sorveljanza aħjar tal-impjiegi u l-iżviluppi soċjali fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ottubru tal-2013 imsejħa It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-unjoni ekonomika u monetarja (ara d-dokument bir-referenza IP/13/893). Fuq medda twila taż-żmien u wara bidliet fit-Trattat, kapaċità fiskali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja kollha li tassorbi x-xokkijiet tista’ tikkumplimenta l-istrumenti eżistenti ta’ koordinazzjoni tal-politika.

Aktar tagħrif

L-aħbarijiet fuq is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

Impjiegi u analiżi soċjali

Is-sit tal-internet ta’ László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona b’xejn għall-bulettin tal-Kummissjoni Ewropea mibgħut bil-posta elettronika dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=371&langId=mt

Persuni ta’ kuntatt:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Għall-pubbliku: Ikkuntattja lil Europe Direct bit-telefown fuq in-numru 00 800 6 7 8 9 10 11 jew billi tibgħat ittra bil-posta elettronika


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site