Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ April 2014

Azzjoni kkoordinata ta’ infurzar twassal għal konformità ikbar min-naħa tas-siti tal-internet tal-ivvjaġġar mad-drittijiet tal-konsumaturi

F’azzjoni miftiehma li saret mill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumaturi u li ġiet ikkoordinata mill-Kummissjoni Ewropea, b’sorpriża kbira nstab li 382 minn 552 sit tal-internet li ġew iċċekkjati fl-2013 ma kinux qed iħarsu l-liġijiet Ewropej dwar il-konsumaturi. Minħabba l-azzjoni qawwija ta’ infurzar li saret, 62 % mis-siti tal-internet li ġew iċċekkjati issa qed iġibu ruħhom kif imiss fir-rigward tal-konsumaturi. It-38 % tas-siti l-oħra jistgħu jistennew li jittieħdu aktar azzjonijiet kontrihom, hekk kif l-awtoritajiet Ewropej ikomplu jaħdmu biex jiżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi jitħarsu għalkollox.

“Wieħed minn kull tliet utenti tal-internet fl-Unjoni Ewropea jirriżerva l-vjaġġi u l-akkomodazzjoni permezz tal-internet. Kull wieħed minnhom jistħoqqlu jkun jaf li prenotazzjoni magħmula permezz tal-internet hija sikura u affidabbli. Mill-552 sit tal-internet tal-ivvjaġġar li ċċekkjajna, 62 % issa huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumaturi, bis-saħħa tal-isforzi konġunti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. M’iniex se nieqaf naħdem sa ma d-drittijiet tal-konsumaturi jitħarsu għalkollox u se nipprova nuża l-istrutturi eżistenti biex nikseb dan," qal il-Kummissarju tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur, Neven Mimica.

Il-Kummissjoni Ewropea tikkoordina b’mod regolari kontrolli miftiehma (magħrufa wkoll bħala “investigazzjonijiet”) ta’ siti tal-internet, li jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar sabiex jiġu identifikati każijiet ta’ ksur tal-liġijiet dwar il-konsumaturi u biex b’hekk ikun jista’ jiġi żgurat li dawn il-liġijiet jiġu infurzati. Fis-sajf tal-2013, l-awtoritajiet nazzjonali ċċekkjaw siti tal-internet li jintużaw għall-bejgħ tal-vjaġġi bl-ajru u tal-akkomodazzjoni f’lukandi, inklużi siti kemm tan-negozjanti kif ukoll tal-intermedjarji. B’kollox ġew iċċekkjati 552 sit tal-internet.

Wara l-kontrolli u l-verifika, l-awtoritajiet nazzjonali sabu li 382 sit tal-internet ma kinux konformi mal-liġijiet tal-UE dwar il-konsumaturi, filwaqt li kienu biss 31 % is-siti tal-internet analizzati li kienu konformi mar-regoli tal-UE. Wara, l-awtoritajiet nazzjonali jew ikkuntattjaw lill-kumpaniji nazzjonali li jħaddmu s-siti tal-internet li ma kinux konformi biex iġibuhom f’konformità mal-liġijiet tal-UE dwar il-konsumaturi jew, fil-każ ta’ kumpaniji li kienu jinsabu fi Stati Membri oħra, talbu lill-Istat Membru kompetenti għall-għajnuna. Sal-lum, tranġaw 173 sit tal-internet, u b’hekk l-għadd totali ta’ siti konformi tela’ għal 62 % tal-għadd totali ta’ siti tal-internet li ġew iċċekkjati. Bħalissa għaddejjin proċedimenti kontra 209 siti tal-internet, u n-negozjanti impenjaw ruħhom li jirranġaw 52 sit minnhom.

X’ġie ċċekkjat eżattament?

Is-siti tal-internet ġew iċċekkjati biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm aċċess faċli għat-tagħrif dwar il-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi, jekk il-prezz kienx indikat fil-fażi bikrija u kienx jinkludi s-supplimenti fakultattivi, jekk is-siti tal-internet kinux joffru indirizzi tal-posta elettronika fejn wieħed seta’ jibgħat il-mistoqsijiet u l-ilmenti tiegħu, u jekk is-siti tal-internet kinux jinkludu t-termini u l-kundizzjonijiet miktubin fi kliem sempliċi u li jinftiehem faċilment, f’format disponibbli għall-klijenti qabel ix-xiri. Il-problemi ewlenin li nstabu kienu:

in-nuqqas ta’ tagħrif obbligatorju dwar l-identità tan-negozjant, b’mod partikulari l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, li jċaħħad lill-konsumaturi minn mezz ta’ kuntatt effettiv man-negozjant. 162 sit tal-internet (30 %) ma kienx fihom dan it-tagħrif;

in-nuqqas ta’ struzzjonijiet ċari dwar kif wieħed għandu jilmenta. 157 sit tal-internet (28 %) ma kienx fihom dan it-tagħrif;

is-supplimenti fakultattivi tal-prezzijiet, bħall-ħlas għall-bagalji, il-ħlas tal-assigurazzjoni u l-imbark prijoritarju, mhumiex offruti fuq il-bażi ta’ “inklużjoni fakultattiva”. Din il-problema nstabet f’133 sit tal-internet (jiġifieri f’24 % minnhom);

il-prezz totali tas-servizz mhuwiex indikat mill-ewwel meta jintwerew għall-ewwel darba l-elementi ewlenin tal-prenotazzjoni. 112-il sit tal-internet (20 %) naqsu milli jagħtu dan it-tagħrif.

Xi jmiss wara dan?

Bħalissa għadhom għaddejjin proċedimenti amministrattivi jew legali f’livell nazzjonali kontra l-209 sit tal-internet li għadhom mhux konformi. Barra minn hekk, ċerti prattiki fis-settur tal-ivvjaġġar qed jiġu analizzati aktar fil-fond sabiex il-konsumaturi jkun jista’ jkollhom it-tagħrif rilevanti kollu, biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

Sfond

“Investigazzjoni” hija analiżi ta’ siti tal-internet mifruxa mal-Unjoni Ewropea kollha, sabiex jiġu identifikati każijiet ta’ ksur tal-liġijiet dwar il-konsumaturi u biex wara jiġi żgurat li dawn il-liġijiet jiġu infurzati. L-investigazzjoni tiġi kkoordinata mill-Kummissjoni Ewropea u ssir fl-istess ħin mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar abbażi tad-dispożizzjonijiet mogħtija fir-Regolament dwar il-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi. L-Investigazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar seħħet f’27 Stat Membru(1) u fin-Norveġja u l-Iżlanda f’Ġunju tal-2013. Il-“fażi tal-infurzar” għadha għaddejja. Din kienet is-Seba’ investigazzjoni li saret mill-2007 ’l hawn. Ġew iċċekkjati s-siti tal-internet li joffru l-vjaġġi bl-ajru u dawk li joffru l-akkomodazzjoni jew dawk li joffru ż-żewġ servizzi. Is-siti tal-internet li joffru ż-żewġ servizzi ngħaddu darbtejn.

L-għadd ta’ ċittadini Ewropej li jixtru s-servizzi tal-ivvjaġġar permezz tal-internet qed jiżdied: fl-2012, 32 % mill-konsumaturi Ewropej li kellhom aċċess għall-internet irriżervaw il-biljetti tal-ajru tagħhom jew lukanda permezz tal-internet (skont id-dejta tal-Eurostat miġbura waqt l-istħarriġ dwar ix-xiri permezz tal-internet li sar fl-2012). L-ivvjaġġar, it-turiżmu u l-oqsma marbutin magħhom huma responsabbli għal madwar 10 % tal-PDG tal-UE. Fl-2011, iċ-ċittadini Ewropej għamlu iktar minn biljun vjaġġ ta’ vaganza, li kważi 80 % minnhom kienu fl-UE stess.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/14/292

Twitter: @MimicaEU, @EU_Consumer

http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweep/online_travel_booking/

Persuni ta’ kuntatt:

David Hudson (+32 2 296 83 35)

Andreana Stankova (+32 2 295 78 57)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown: 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-posta elettronika

Pajjiż

Siti tal-internet iċċekkjati(2)

L-investigazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar

Siti tal-internet li kienu konformi fit-3 ta’ April 2014, bħala perċentwali tas-siti tal-internet li ġew iċċekkjati fl-2013

Siti tal-internet li kienu diġà konformi

Siti tal-internet li kellhom irregolaritajiet li ġew ikkonfermati

Siti tal-internet li kienu konformi fit-3 ta’ April 2014(3)

Siti tal-internet li għandhom iktar proċedimenti għaddejjin kontrihom

L-Awstrija

9

3

6

4

5

44 %

Il-Belġju

28

11

17

18

10

64 %

Il-Bulgarija

17

17

0

17

0

100 %

Ċipru

14

4

10

4

10

29 %

Ir-Repubblika Ċeka

14

5

9

7

7

50 %

Id-Danimarka

10

7

3

9

1

90 %

L-Estonja

11

2

9

6

5

55 %

Il-Finlandja

10

0

10

0

10

0 %

Franza

33

0

33

15

18

45 %

Il-Ġermanja

33

19

14

22

11

67 %

Il-Greċja

10

2

8

6

4

60 %

L-Ungerija

8

5

3

8

0

100 %

L-Iżlanda

10

0

10

9

1

90 %

L-Irlanda

26

5

21

12

14

46 %

L-Italja

17

9

8

10

7

59 %

Il-Latvja

12

0

12

1

11

8 %

Il-Litwanja

16

11

5

12

4

75 %

Il-Lussemburgu

11

5

6

7

4

64 %

Malta

10

3

7

8

2

80 %

Il-Pajjiżi l-Baxxi

41

1

40

33

8

80 %

In-Norveġja

32

28

4

32

0

100 %

Il-Polonja

17

12

5

14

3

82 %

Il-Portugall

10

6

4

6

4

60 %

Ir-Rumanija

10

3

7

10

0

100 %

Is-Slovakkja

9

2

7

6

3

67 %

Is-Slovenja

14

2

12

8

6

57 %

Spanja

32

8

24

18

14

56 %

L-Iżvezja

14

0

14

11

3

79 %

Ir-Renju Unit

74

0

74

30

44

41 %

L-ammont totali

552

170

382

343

209

62 %

1. Il-Kroazja ma ħaditx sehem f’din l-investigazzjoni minħabba li l-fażi tal-analiżi (li saret f’Ġunju tal-2013) saret qabel ma din issieħbet fl-UE.

2. Ġew iċċekkjati s-siti tal-internet li joffru l-vjaġġi bl-ajru u dawk li joffru l-akkomodazzjoni jew dawk li joffru ż-żewġ servizzi. Is-siti tal-internet li joffru ż-żewġ servizzi ngħaddu darbtejn. Sitt siti tal-internet ma baqgħux joffru s-servizzi tagħhom wara l-kontroll inizjali u m’għadhomx jeżistu. Dawn kienu tliet siti minn Ċipru, tnejn mill-Polonja u sit wieħed mis-Slovakkja.

3. Iċ-ċifri ma jinkludux l-impenji tan-negozjanti f’każijiet li għadhom pendenti.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website