Navigation path
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea Stqarrija għall-istampa Brussell, l-22 ta’ Jannar 2014 Il-Kummissjoni ssejjaħ għal azzjoni immedjata għal Qawmien mill-Ġdid Industrijali Ewropew Il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħrfu l-importanza ċentrali tal-industrija biex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir u biex it-tħassib b'rabta mal-kompetittività tal-industrija jiddaħħal fl-oqsma kollha tal-politika. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-komunikazzjoni Għal Qawmien mill-Ġdid Industrijali Ewropew, adottata llum. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Kunsill u lill-Parlament biex jadottaw proposti dwar l-enerġija, it-trasport, l-ispazju u n-netwerks tal-komunikazzjoni diġitali kif ukoll biex jadottaw jew jinfurzaw leġiżlazzjoni ħalli jitlesta s-suq intern. Għandha ssir ħidma għal aktar modernizzazzjoni industrijali billi jsir investiment fl-innovazzjoni, l-effiċjenza tar-riżorsi, it-teknoloġiji ġodda, il-ħiliet u l-aċċess għall-finanzjament, li għandu jitħaffef bl-użu ta' fondi dedikati tal-UE. Il-Komunikazzjoni tippromwovi Ewropa li tagħmilha iktar faċli għan-negozji permezz ta' azzjonijiet għas-simplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Kwistjonijiet ewlenin oħra huma aċċess iktar faċli għal swieq ta' pajjiżi terzi permezz tal-armonizzazzjoni ta' standards internazzjonali, l-akkwist pubbliku miftuħ, il-ħarsien tal-privattivi u d-diplomazija ekonomika. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, reponsabbli mill-industrija u l-imprenditorija, saħaq li: "L-Ewropa għadha 'l bogħod milli tilħaq il-mira ta' 20% tas-sehem tal-industrija mill-PDG Ewropew sal-2020. Din hija r-raġuni għala l-kompetittività industrijali għandha tkun fil-qalba tal-aġenda politika tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2014. Bl-inizjattiva tal-lum il-Kummissjoni tibgħat sinjal ċar li l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija tagħna huma indispensabbli jekk irridu noħolqu impjiegi ġodda. Neħtieġu impenn b'saħħtu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex ikunu żgurati l-koerenza u l-prijoritizzazzjoni tal-għodod kollha li nistgħu nużaw. Strateġija industrijali għandha tinkludi bosta setturi oħra, hekk kif dawn qed isiru iktar marbutin ma' xulxin u għandhom impatt maġġuri fuq is-suċċess industrijali." Għal iktar tagħrif: Communication For a European industrial renaissance MEMO/14/37: Member States need to act to boost European industry Bażi industrijali b'saħħitha hi kundizzjoni għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi L-UE ħierġa mill-itwal riċessjoni tagħha, li wriet biċ-ċar l-importanza ta' settur industrijali b'saħħtu għar-reżiljenza ekonomika. Ir-rwol tal-industrija fl-Ewropa jmur lil hinn mill-manifattura u għandu firxa wiesgħa, mill-materja prima u l-enerġija sas-servizzi tan-negozju (eż: il-loġistika), is-servizzi tal-konsumatur (eż: is-servizzi ta' wara l-bejgħ għal oġġetti li jdumu) jew it-turiżmu. L-industrija hi responsabbli minn 80% tal-esportazzjonijiet u r-riċerka u l-innovazzjoni privati tal-Ewropa. Dan jenfasizza li l-importanza tal-industrija hija ferm ikbar minn dak li jissuġġerixxi sehemha mill-PDG. Kważi wieħed minn kull erba' impjiegi fis-settur privat huwa fl-industrija. Ħafna drabi dawn ikunu impjiegi li jeħtieġu ħiliet tajbin. Barra minn hekk, kull impjieg ieħor fil-manifattura joħloq bejn 0.5 u 2 impjiegi f'setturi oħra. Iżda bi 15.1% matul is-sajf tal-2013 il-kontribut tal-manifattura għall-PDG tal-UE baqa' jonqos u għadu 'l bogħod mill-mira ta' 20% sal-2020 li għamlet mill-Kummissjoni fl-2012. Industrija kompetittiva fuq nett tal-aġenda Ewropea L-importanza tal-isfidi għall-futur tal-Ewropa titlob l-attenzjoni u l-gwida tal-politika fl-ogħla livell politiku, jiġifieri l-Kunsill Ewropew. Dan huwa vitali biex ikunu żgurati l-koerenza u l-prijoritizzazzjoni tal-istrumenti kollha li tista' tuża l-UE. Il-Kummissjoni Ewropea ssejjaħ lill-Istati Membri biex jagħrfu l-importanza ċentrali tal-industrija biex tingħata spinta lill-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa u biex it-tħassib b'rabta mal-kompetittività tal-industrija jiddaħħal b'mod aktar sistematiku fl-oqsma kollha tal-politika. Il-Kummissjoni tqis li għandu jkun hemm ħidma biex jinkisbu dawn il-prijoritajiet ħalli tiġi sostnuta l-kompetittività tal-industrija Ewropea:
Għandha tissaħħaħ il-kompetittività industrijali sabiex jerġgħu jibdew jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi bil-għan li l-manifattura jkollha sehem daqs 20% mill-PDG sal-2020.
|
Side Bar