Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tappella biex jittejbu r-regoli tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għall-industrija, is-sewwieqa u l-ambjent

European Commission - IP/14/425   14/04/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ April 2014

Il-Kummissjoni tappella biex jittejbu r-regoli tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għall-industrija, is-sewwieqa u l-ambjent

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-trasport, appella għas-simplifikazzjoni u l-iċċarar tar-regoli tal-UE dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq. Is-Sur Kallas qal dan il-kliem wara li llum ġie ppubblikat rapport dwar l-integrazzjoni tas-suq intern għat-trasport bit-triq. Ir-rapport jikkonkludi li, filwaqt li sar xi progress, ir-restrizzjonijiet li fadal jeħtieġ jitneħħew għall-benefiċċju tal-ekonomija Ewropea u tal-ambjent.

Fi kwalunkwe jum partikolari kważi kwart tat-trakkijiet kollha fit-toroq tal-Ewropa jkunu vojta, fi triqthom lura d-dar jew bejn tagħbija u oħra. Skont ir-rapport, il-ftuħ tas-swieq nazzjonali tat-trasport bit-triq għal aktar kompetizzjoni jista' jgħin biex jitnaqqsu l-vjaġġi bla tagħbija u biex tiżdied l-effiċjenza fis-settur.

Il-Viċi President Kallas qal: “Ir-regoli attwali jwasslu għall-ħela għall-kumpaniji Ewropej, jaffettwaw lill-utenti kollha tat-triq u huma ta’ ħsara għall-ambjent. Neħtieġu regolamenti ċari għall-industrija u, fl-istess ħin, għandna bżonn kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għas-sewwieqa. Nittama li l-Kummissjoni li jmiss tissokta b’din il-ħidma.”

Is-sejbiet ewlenin tar-rapport huma:

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti b’mod aktar effettiv u konsistenti.

Il-Kummissjoni u l-UE jistgħu jgħinu billi jiċċaraw ir-regoli li huma mifhuma, interpretati u implimentati b’mod differenti fi Stati Membri differenti.

Biex is-settur jattira s-sewwieqa ġodda u biex ikun jista’ jilqa' għad-domanda futura mistennija għat-trasport tal-merkanzija, ir-regoli soċjali għandhom jiġu applikati aħjar fis-settur tat-trasport bit-triq.

L-UE għandha l-opportunità biex ittejjeb l-effiċjenza tal-ekonomija tagħha u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li jiġu mit-trasport.

Fatti u Figuri:

It-trasport bit-triq iċaqlaq kważi tliet kwarti (72 %) tal-merkanzija ttrasportata fuq l-art fl-UE, b’fatturat annwali ta’ EUR 300 biljun, u jirrappreżenta madwar 2 % tal-PDG tal-UE.

It-trasport fuq l-art, li t-trasport bit-triq jagħmel parti minnu, huwa l-uniku mod tat-trasport fejn il-produttività tax-xogħol naqset mill-2001 'l hawn (-0.2 %).

It-trasport nazzjonali jammonta għal 67 % tat-trasport bit-triq fl-UE. Madankollu, l-aċċess minn trasportaturi tal-merkanzija barranin għas-swieq nazzjonali għadu limitat ħafna.

Il-vetturi tqal tal-merkanzija ta’ spiss jinstaqu vojta: 20 % tat-trakkijiet kollha fl-UE jinstaqu vojta. Fit-trasport nazzjonali din ir-rata titla’ għal 25 %.

Fis-settur tat-trasport bit-triq hemm madwar 600,000 kumpanija - li sehem kbir ħafna minnhom huwa magħmul minn SMEs - u dawn jimpjegaw kważi 3 miljun ruħ.

It-trasport bit-triq qed jaffaċċja nuqqas ta’ sewwieqa fil-futur qrib. Is-sewwieqa huma popolazzjoni li qed tixjieħ u t-trasport bit-triq mhuwiex meqjus bħala professjoni attraenti. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma meqjusa bħala diffiċli, u l-Istati Membri ma jimplimentawx id-dispożizzjonijiet soċjali b’mod konsistenti.

Skont studju riċenti mill-Parlament Ewropew1, ir-restrizzjonijiet li għad baqa' fuq il-kabotaġġ2 qed jiġu jiswew madwar EUR 50 miljun fis-sena.

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-kabotaġġ tgħin biex jitnaqqsu l-vjaġġi bla tagħbija billi ssir iktar faċli biex it-trasportaturi tal-merkanzija jgħaqqdu t-tagħbijiet u jutilizzaw il-vjaġġi tar-ritorn.

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet tippermetti wkoll l-aħjar ġestjoni tal-flotta, u b’hekk tiżdied l-effiċjenza tal-loġistika ġenerali tal-ekonomija tal-UE. Dan jgħin lill-UE biex tibqa' post attraenti għall-manifattura u l-kummerċ.

Il-passi li jmiss

Ir-rapport se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għal aktar diskussjoni.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/transport/modes/road/haulage/index_en.htm

MEMO/14/286

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e-mail

2 :

Meta l-kumpaniji tat-trasport iwettqu operazzjonijiet nazzjonali fi Stat Membru ieħor.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website