Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ugwaljanza bejn is-sessi: L-azzjoni tal-UE tistimula progress kontinwu

European Commission - IP/14/423   14/04/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropa

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' April 2014

L-ugwaljanza bejn is-sessi: L-azzjoni tal-UE tistimula progress kontinwu

Fl-2013 il-Kummissjoni Ewropea kompliet tieħu azzjoni biex ittejjeb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inklużi passi biex tagħlaq id-distakk bejn l-inugwaljanzi tas-sessi fil-qasam tal-impjiegi, il-paga u l-pensjonijiet, biex tikkumbatti l-vjolenza u tippromwovi l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn l-isforzi taw il-frott: sar progress konkret fil-qasam tal-indirizzar tad-differenza fil-paga bejn is-sessi – l-aktar permezz ta' inizjattiva tal-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza fil-pagi (IP/14/222) – jew biż-żieda fin-numru ta' nisa fil-bords tal-kumpaniji (ara l-Anness). Dawn huma r-riżultati ewlenin tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ppubblikat illum flimkien mar-rapport annwali dwar id-drittijiet fundamentali (ara IP/14/422). Iżda l-isfidi jibqgħu: skont ir-rati attwali ta' progress, iridu jgħaddu kważi 30 sena sakemm tintlaħaq il-mira tal-UE ta' 75% tan-nisa fl-impjieg, 70 sena sakemm l-ugwaljanza fil-paga ssir realtà u 20 sena sakemm ikun hemm numru ndaqs ta' nisa u rġiel fil-parlamenti nazzjonali (mill-inqas 40% ta' kull sess).

"L-Ewropa ilha tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi sa mill-1957 – hija parti mid-"DNA" tal-Unjoni Ewropea. U l-kriżi ekonomika ma biddlitx id-DNA tagħna," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Għalina l-Ewropej l-ugwaljanza bejn is-sessi mhix għażla, mhix lussu, hija essenzjali. Nistgħu nkunu kburin b'dak li kisbet l-Ewropa f'dawn l-aħħar snin. L-ugwaljanza bejn is-sessi mhix xi ħolma għall-ġejjieni iżda hija realtà Ewropea. Ninsab konvinta li flimkien nistgħu nindirizzaw l-aħħar differenzi li fadal fil-pagi, fl-impjiegi u fil-karigi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet."

Ir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi juri li d-differenzi bejn is-sessi naqsu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin iżda l-progress mhux l-istess fost l-Istati Membri u d-differenzi għadhom jeżistu f'oqsma differenti – bi ħsara għall-ekonomija tal-Ewropa.

L-azzjoni tal-UE tħaffef il-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi

Iż-żieda fir-rata ta' mpjieg tan-nisa: ir-rata ta' impjieg tan-nisa fl-UE żdiedet għal 63% minn 58% fl-2002. Il-finanzjament tal-UE għen: fil-perjodu ta' finanzjament 2007-2013, ġew allokati madwar EUR 3.2 biljun mill-Fondi Strutturali għall-investiment fil-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li kellu effett ta' xprunar sinifikanti (ara l-Anness).

Tnaqqis tad-differenza fil-paga li madwar l-Ewropa kollha għadha ta' 16.4%: il-Kummissjoni Ewropea żiedet l-isforzi tagħha billi qajjmet għarfien dwar id-differenza fil-pagi li għad hemm, waqqfet Ġurnata Ewropa għall-Pagi Ndaqs (IP/14/190) u wettqet monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel (IP/13/1227). Il-Kummissjoni imbuttat għal aktar progress f'Marzu 2014 fejn issuġġerixxiet lill-Istati Membri biex itejbu t-trasparenza fil-pagi u b'hekk jindirizzaw id-differenza fil-pagi(IP/14/222).

Il-ġlieda kontra limiti għall-progress fil-karriera: il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva biex ikun hemm 40% tal-membri tas-sess l-inqas rappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi sal-2020 għamlet progress tajjeb fil-proċess leġiżlattiv u rċeviet approvazzjoni b'saħħitha mill-Parlament Ewropew f'Novembru 2013 (IP/13/1118). B'hekk, kien hemm żieda kontinwa fin-numru ta' nisa fil-bords minn mindu l-Kummissjoni ħabret il-possibiltà ta' azzjoni leġiżlattiva f'Ottubru 201: minn 11% fl-2010 għal 17.8% fl-2014; ir-rata ta' progress kienet ta' erba' darbiet ogħla milli bejn is-snin 2003 u 2010 (ara l-Anness).

Fl-2013, l- UE ħadet passi biex tħares lin-nisa u t-tfajliet mill-vjolenza bbażata fuq is-sess permezz ta' leġiżlazzjoni, miżuri prattiċi għad-drittijiet tal-vittmi u pakkett politiku komprensiv kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili (IP/13/1153). Hija kofinanzjat ukoll 14-il kampanja nazzjonali statali kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess (bi EUR 3.7 miljun), kif ukoll proġetti mmexxija minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (bi EUR 11.4 miljun).

Indukrar tat-tfal: Sa mill-2007, il-proporzjon ta' tfal li jattendu faċilitajiet formali ta' indukrar żdied b'mod sinifikanti (minn 26% fl-2007 għal 30% fl-2011 għat-tfal taħt it-tliet snin, u minn 81% għal 86% għat-tfal bejn it-tliet snin u l-età skolastika obbligatorja (IP/13/495) Il-Kummissjoni adottat rapport komprensiv fl-2013 dwar il-kisba tal-"miri ta' Barċellona" dwar il-provvista ta' faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal.

Xi sfidi fadal?

Minkejja li 60% ta' dawk li jiggradwaw mill-Università huma nisa, huma jibgħu jiġu mħallsa 16% inqas mill-irġiel għal kull siegħa xogħol. Barra minn hekk, in-nisa x'aktarx li jaħdmu aktar part-time (32% kontra 8.2% tal-irġiel li jaħdmu part-time) u jwaqqfu l-karriera tagħhom biex jieħdu ħsieb ħaddieħor. B'hekk, id-differenza bejn is-sessi fil-pensjonijiet hija ta' 39%. Ir-romol u l-ġenituri waħedom — l-aktar l-ommijiet — huma grupp partikolarment vulnerabbli, u aktar minn terz tal-ġenituri waħedhom ma għandhomx dħul suffiċjenti.

Minkejja li r-rata ta' impjieg tan-nisa żdiedet, xorta hija ta' 63% kontra 75% għall-irġiel. Dan huwa riżultat tal-kriżi ekonomika li wasslet għal deterjorazzjoni fil-qagħda tal-impjieg tal-irġiel.

In-nisa għadhom iġorru l-piż tax-xogħol mhux imħallas fid-dar u fil-familja. In-nisa jqattgħu madwar 26 siegħa fil-ġimgħa f'attivitajiet ta' kura u faċendi tad-dar, meta mqabbla mad-disa' siegħat tal-irġiel.

In-nisa x'aktarx li ma jokkupawx karigi għolja. In-nisa jiffurmaw madwar 17.8% tal-membri tal-bords tad-diretturi fl-akbar kumpaniji kkwotati fuq il-Borża, 2.8% tal-Kapijiet Uffiċjali Eżekuttivi, 27% tal-ministri għolja tal-gvern, u 27% tal-membri tal-parlamenti nazzjonali.

Ir-riżultati tal-ewwel stħarriġ għall-Ewropa kollha dwar il-vjolenza fuq in-nisa, li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u bbażat fuq intervisti ma' madwar 42,000 mara juri li waħda minn kull tliet nisa (33%) għaddiet minn vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta' 15-il sena.

Sfond

Ir-rapport li ġie ppubblikat illum jagħti ħarsa ġenerali tal-iżviluppi ewlenin fil-politika u l-liġi tal-UE fl-ugwaljanza bejn is-sessi matul l-aħħar sena, kif ukoll jagħti eżempji ta' politiki u miżuri li ttieżdu mill-Istati Membri. Ir-rapport janalizza wkoll xejriet riċenti, fuq il-bażi ta' provi xjentifiċi u indikaturi ewlenin li jipprovdu l-pedament għad-dibattitu fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jinkludi anness statistiku b'aktar dettalji dwar il-prestazzjonijiet nazzjonali.

Ir-rapport huwa msejjes madwar il-ħames prijoritajiet tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015: indipendenza ekonomika ndaqs; paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali; ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; dinjità, integrità u t-tmiem tal-vjolenza bbażata fuq is-sess, l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika għall-azzjoni esterna, u l-kwistjonijiet orizzontali.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/14/284

Pakkett għall-Istampa: Drittijiet fundamentali u r-rapporti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/fundamental-rights/news/140414_en.htm

Skedi informattivi dwar Xprunar tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u dwar Il-Bilanċ bejn is-Sessi fil-Bords Korporattivi

Il-paġna ewlenija tal-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE: http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi-President Reding fuq Twitter: @VivianeRedingEU Segwi l-Ġustizzja UE fuq Twitter: @EU_Justice

Kummissjoni Ewropea – Ugwaljanza bejn is-sessi: http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/index_en.htm

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Joshua Salsby (+32 2 297 24 59)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika

Anness

Anness 1: Ir-rata ta' mpjieg tan-nisa qiegħda tiżdied:

Ir-rata ta' impjieg tal-UE-28 għan-nisa u l-irġiel (%) u d-differenza bejn is-sessi fir-rata ta' impjieg, persuni b'età ta' bejn 20-64, 2002-2013Q3; Sors: Eurostat, Labour Force Survey

Iżda d-differenzi fl-impjieg għadhom jeżistu

Ir-rati ta' impjieg tan-nisa u l-irġiel (f'%) u d-differenza bejn is-sessi fir-rata tal-impjieg, persuna b'età ta' bejn 20-64, 2013Q3; Sors: Eurostat, LFS

Anness 2: Il-ġlieda kontra l-limiti għall-progress fil-karriera għan-nisa fil-bords

Anness 3: Id-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi għadha persistenti

Sors: Figuri tad-Differenza fil-Pagi bejn is-Sessi bbażati fuq l-iStructure of Earnings Database tal-Eurostat għall-2012, ħlief għall-Greċja (2010). Id-differenza fid-dħul mill-pensjonijiet bejn is-sessi hija bbażata fuq id-dejta tal-UE-SILC 2011, u kkalkulata min-Netwerk Ewropew ta' Esperti dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website