Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ April 2014

Drittijiet Fundamentali: L-importanza tal-Karta tal-UE tikber hekk kif ċittadini jistgħu jibbenefikaw

Ir-raba' rapport annwali ppubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, turi li l-importanza u l-prominenza tal-Karta tal-UE tibqa' tiżdied: il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tapplika aktar il-Karta fid-deċiżjonijiet tagħha filwaqt li imħallfin nazzjonali huma aktar u aktar konxji tal-impatt tal-Karta u jfittxu gwida mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni Ewropea għandha wkoll progressivament tfittex li l-Karta tkun aktar attiva billi tieħu azzjoni sabiex jiġu promossi u difiżi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE kif stabbiliti fil-Karta. Sa mill-2010, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet ‘lista ta’ verifika tad-drittijiet fundamentali’ u bħala riżultat teżamina kull proposta leġiżlattiva biex tiggarantixxi "is-soddezza tad-drittijiet fundamentali". Ir-rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta ssegwi l-progress li sar u tidentifika sfidi u tħassib. Dan juri: li l-Kummissjoni Ewropea tpoġġi d-drittijiet fundamentali fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE.

“Kważi erba’ snin wara li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-istrateġija tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Karta tal-UE, irnexxielna fit-tisħiħ tal-kultura tad-drittijiet fundamentali fl-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kummissarji kollha jieħdu ġurament fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, aħna niċċekkjaw kull proposta leġiżlattiva Ewropea biex jiġi żgurat li jilħqu l-livell standard mal-Karta billi l-qrati Ewropej u nazzjonali progressivament qiegħdu l-Karta bħala punt ta’ referenza fis-sentenzi tagħhom,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Ninsab kuntenta l-Karta issa hija kompletament attiva billi sservi bħala xibka ta’ sikurezza reali għaċ-ċittadini tagħna u bħala kumpass għall-istituzzjonijiet tal-UE, għall-Istati Membri u l-qrati bl-istess mod. Nista’ nimmaġina li xi darba ċ-ċittadini fl-Istati Membri se jkunu jistgħu jorbtu direttament fuq il-karta — mingħajr il-ħtieġa ta’ rabta ċara mal-liġi tal-UE. Il-karta għandha tkun il-Karta tad-Drittijiet proprja tal-Ewropa.”

Ir-rapport tal-lum jagħti ħarsa komprensiva lejn kif id-drittijiet fundamentali ġew implimentati b'suċċess fl-UE matul din l-aħħar sena. Pereżempju tenfasizza l-gwida mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja lill-imħallfin nazzjonali dwar l-applikabbiltà tal-Karta meta tkun qed tiġi implimentata l-liġi tal-UE fuq livell nazzjonali (is-sentenza Akerberg Fransson li tant ġiet diskussa fl-2013). Ir-rapport juri wkoll kif id-drittijiet minquxa fil-Karta jridu dejjem jitqiesu bir-reqqa mill-istituzzjonijiet tal-UE meta dawn ikunu qed jipproponu jew jadottaw leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri huma marbuta mill-Karta biss f'każijiet meta jimplimentaw il-politiki u l-liġijiet tal-UE f'livell nazzjonali. Fl-aħħar nett, ir-rapport jagħti eżempji ta’ fejn id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-UE kellhom rwol f’proċedimenti ta’ ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri.

Ir-rapport juri wkoll li hemm interess kbir fost iċ-ċittadini dwar kwistjonijiet ta 'drittijiet fundamentali: fl-2013 l-aktar kwistjonijiet ta' spiss imqajma miċ-ċittadini fil-korrispondenza tagħhom mal-Ċentri ta' Kuntatt Europe Direct kienu l-moviment liberu u r-residenza (48% tan-numru totali ta' inkjesti), il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-konsumatur (12%), il-kooperazzjoni ġudizzjarja (11%), il-mistoqsijiet relatati maċ-ċittadinanza (10%), anti-diskriminazzjoni u d-drittijiet soċjali (5%) u l-protezzjoni tad-dejta (4%) (ara l-Anness 1).

Żewġ modi biex il-Karta ssir realtà

1. L-azzjoni tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-Karta

Fejn l-UE għandha l-kompetenza li tieħu azzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE li tħares id-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta.

Eżempji ta’ proposti tal-Kummissjoni matul l-2013 jinkludu:

Ħames miżuri legali biex tingħata spinta għas-salvagwardji għaċ-ċittadini tal-UE fi proċedimenti kriminali (IP/13/1157, MEMO/13/1046). Dawn jinkludu miżuri biex jiggarantixxu r-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza taċ-ċittadini kollha suspettati jew akkużati mill-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, id-dritt li jkunu preżenti waqt il-proċess, jiġi żgurat li t-tfal ikollhom salvagwardji speċjali meta jiffaċċjaw proċedimenti kriminali u jiggarantixxi l-aċċess għal għajnuna legali proviżorja fl-istadji bikrija tal-proċedimenti u speċjalment għal persuni suġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Kien hemm ħtieġa biex jibbilanċjaw miżuri tal-liġi kriminali diġà fis-seħħ (bħall-Mandat ta’ Arrest Ewropew) ma' strumenti legali li jagħtu d-drittijiet tad-difiża b’saħħitha għaċ-ċittadini ­ f'konformità mal-Karta. Standards sodi fl-UE kollha għad-drittijiet proċedurali u d-drittijiet tal-vittmi huma ċentrali biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fil-qasam tal-Ġustizzja Ewropea. F’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ Direttiva dwar id-dritt għall-aċċess għal avukat fl-2013 huwa pass importanti ieħor (IP/13/921).

L-integrazzjoni tar-Roma hija qasam ieħor fejn l-UE tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet ugwali u tippromwovi l-adozzjoni ta’ miżuri pożittivi. Il-Kummissjoni tirrevedi l-progress tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma u wasslet l-ewwel riżultati fit-28 pajjiż tal-UE (IP/14/371). Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom biex itejbu l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-komunitajiet tar-Roma, permezz tal-adozzjoni unanima ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li l-Kummissjoni ressqet f’Ġunju 2013 (IP/13/1226, IP/13/607).

Eżempji ta’ azzjoni ta' infurzar (ksur) matul l-2013 jinkludu:

Wara azzjoni legali, il-Kummissjoni żgurat ukoll li l-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta tal-Awstrija m’għadhiex parti tal-Kanċellerija Federali iżda għandha l-baġit u l-persunal tagħha stess u għalhekk hi entità indipendenti; filwaqt li l-Ungerija ħadet miżuri, f’Marzu 2013, biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti dwar l-irtirar bikri furzat ta’ 274 imħallef (MEMO/12/832).

2. Qrati li jibbażaw fuq il-Karta

Il-qrati tal-Unjoni Ewropea qed jagħmlu dejjem iżjed referenza għall-Karta fid-deċiżjonijiet tagħhom u komplew jikkjarifikaw l-applikabbiltà tagħha. In-numru ta’ deċiżjonijiet ta’ qrati tal-UE (il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal tas-Servizz Ċivili) li jikkwotaw il-Karta f’raġunament tagħhom tela’ minn 43 fl-2011 għal 87 fl-2012. Fl-2013, 114 deċiżjoni ikkwotaw il-Karta tal-UE, li huwa kważi tliet darbiet in-numru ta’ każijiet ta’ 2011 (ara l-Anness 2).

Bl-istess mod, il-qrati nazzjonali qed jirreferu aktar għall-Karta meta jindirizzaw mistoqsijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja (deċiżjonijiet preliminari): fl-2012, referenzi bħal dawn żdiedu b'65% meta mqabbel mal-2011, minn 27 għal 41. Fl-2013, in-numru ta’ konsultazzjonijiet baqa’ għal 41, l-istess bħal fl-2012.

Iż-żieda fir-referenza għall-Karta huwa pass importanti fit-triq lejn sistema aktar koerenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li tiggarantixxi livelli indaqs ta’ drittijiet u protezzjoni fl-Istati Membri kollha, kull meta l-liġi tal-UE tkun qed tiġi implimentata.

Aktar referenzi pubbliċi għall-Karta wasslu għal għarfien aħjar tal-karta: Fl-2013, il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 4000 ittra mingħand il-pubbliku fir-rigward id-drittijiet fundamentali. Minn dawn, 31 % biss kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li jaqgħu 'l barra mill-kompetenza tal-UE (kontra 69 % fl-2010 u 42 % fl-2012). Dan juri li l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar kif u fejn il-Karta tapplika qed iħallu r-riżultati meħtieġa: Il-Kummissjoni rċeviet iktar minn 900 mistoqsija mill-Parlament Ewropew u madwar 120 petizzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-progress li sar dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). F’April 2013, l-abbozz tal-Ftehim dwar l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB kien iffinalizzat, li huwa pass importanti fil-proċess ta’ adeżjoni. Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti biex tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ ftehim.

Ir-rapport maħruġ illum huwa akkumpanjat minn rapport ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel matul l-2013 (ara IP/14/423).

Sfond

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti. Il-Karta tistabbilixxi d-drittijiet fundamentali - bħalma huma l-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali – li jirriflettu l-valuri komuni tal-Ewropa u l-patrimonju kostituzzjonali tagħha.

F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat strateġija biex tiżgura li l-Karta tkun implimentata b'mod effettiv. Hija żviluppat "Lista ta' Kontroll tad-Drittijiet Fundamentali" (l-Anness 3) sabiex issaħħaħ il-valutazzjonijiet tal-impatti fuq id-drittijiet fundamentali tal-proposti leġiżlattivi tagħha. Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini dwar meta hija tkun tista' tintervjeni fi kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali u li tippubblika Rapport Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta sabiex tissorvelja l-progress miksub.

Il-Kummissjoni qed taħdem mal-awtoritajiet rilevanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll fil-livell tal-UE biex tinfurma aħjar lin-nies dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom u dwar għand min għandhom jirrikorru jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura. Il-Kummissjoni issa tipprovdi informazzjoni prattika dwar l-infurzar tad-drittijiet personali permezz ta’ portal dwar is-sistema ta' ġustizzja Elettronika u stabbilixxiet djalogu dwar kif ikunu ttrattati l-ilmenti dwar id-drittijiet fundamentali ma’ ombudsmen, korpi tal-ugwaljanza u istituzzjonijiet tad-drittijiet umani.

Il-Karta hija indirizzata, l-ewwel u qabel kollox, lill-istituzzjonijiet tal-UE. Hija tikkumplimenta u ma tiħux post is-sistemi nazzjonali. L-Istati Membri huma suġġetti għas-sistemi kostituzzjonali tagħhom stess u d-drittijiet fundamentali stabbiliti f’dawn. Passi konkreti biex timplimenta l-Karta rawmu rifless tad-drittijiet fundamentali meta l-Kummissjoni tħejji proposti leġiżlattivi u politiċi ġodda. Dan l-approċċ huwa essenzjali matul il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE, inkluż meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fejn l-Istati Membri huma rrappreżentati, biex jagħmlu emendi għal proposti mħejjija mill-Kummissjoni.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/14/284

Pakkett għall-istampa: Rapporti dwar id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn is-sessi: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/fundamental-rights/news/140414_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Id-drittijiet fundamentali: http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/index_mt.htm

Il-Viċi President Reding dwar id-Drittijiet Fundamentali: Minn kliem għal azzjonijiet: http://ec.europa.eu/justice/events/assises-justice-2013/files/factsheets/fundamental_rights_en.pdf

Il-paġna ewlenija tal-Viċi-President u Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, Viviane Reding: http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Joshua Salsby (+32 2 297 24 59)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika

ANNESSI

Anness 1: Mistoqsijiet taċ-ċittadini relatati mad-drittijiet fundamentali

Iċ-ċifri miġbura miċ-Ċentri ta' Kuntatt Europe Direct (EDCC) jikkonfermaw li hemm livell għoli ta' interess fost iċ-ċittadini dwar il-ġustizzja, iċ-ċittadinanza u d-drittijiet fundamentali. Fl-2013, l-EDCC wieġeb għal 11974 mistoqsija minn ċittadini dwar is-suġġetti mniżżla hawn fuq.

Anness 2: Il-Qrati tal-Unjoni Ewropea li jirreferu għall-Karta

Il-Qrati tal-Unjoni Ewropea qed jirreferu aktar għall-Karta fid-deċiżjonijiet tagħhom. In-numru ta' deċiżjonijiet li jikkwotaw il-Karta fir-raġunament tagħhom żviluppa minn 43 fl-2011 għal 87 fl-2012. Fl-2013, in-numru ta' dawn id-deċiżjonijiet li jikkwotaw il-Karta ammonta għal 114, li huwa kważi t-triplu tan-numru ta' każijiet fl-2011.

Anness 3: "Lista ta’ kontroll tad-Drittijiet Fundamentali" għal proposti tal-Kummissjoni


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website