Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta’ April 2014

Imħabbra r-rebbieħa tal-5 Premju tal-UE għall-Ġurnalisti

Ir-rebbieħa tal-ħames Premju tal-UE għall-Ġurnalisti fil-qasam tas-Saħħa tħabbru l-bieraħ filgħaxija minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni fi Brussell. Ġuriji f'kull pajjiż tal-UE għażlu 28 finalisti nazzjonali minn fost 'il fuq minn 850 artiklu li ddaħħlu għall-kompetizzjoni. Minn fost it-28 artikli finalisti eċċellenti, ir-rebbieħa huma:

Fl-ewwel post: Henk Blanken għall-artiklu tiegħu "Carel's Head" miktub għall-ġurnal Dagblad van het Noorden (il-Pajjiżi Baxxi). Din hija l-istorja ta' żagħżugħ li għandu l-marda Parkinson's, u ssegwi l-ħajja tiegħu minn meta saret id-dijanjożi sat-trattament li ngħata. L-artiklu jirrakkonta fid-dettall, u b'mod li jqajjem l-emozjoni, dwar l-operazzjoni kirurġika pijuniera li jgħaddi minnha dan iż-żagħżugħ.

Fit-tieni post: Christiane Hawranek u Marco Maurer, għal artiklu inċiżiv miktub għall-ġurnal Die Zeit (il-Ġermanja) bi stil ta' dokumentarju. "It-Traffikanti tal-Pazjenti" jenfasizza l-prattiki dubjużi fil-kura medika transkonfinali mhux irregolata.

Fit-tielet post: Mette Dahlgaard, għal artiklu miktub għall-gazzetta Berlingske (id-Danimarka) bit-titoli "Jien qed noqtol lil xi ħadd?". Din hija storja ta' donatur tal-isperma li jiskopri li għandu ġene ta' forma ta' kanċer ereditarju, iżda meta jipprova jsib mezz biex javża lit-tfal li potenzjalment jistgħu jkunu affettwati jsib il-bibien magħluqin f'wiċċu.

Il-Kummissarju Borg qal: "Għal darb'oħra, il-ġurnalisti madwar l-Ewropa kkontribwixxew għall-għarfien pubbliku ta' kwistjonijiet importanti tas-saħħa. Huma ppreżentaw bosta artikli affaxxinanti fuq suġġetti bħalma huma l-marda Alzheimer's, il-perikli taz-zokkor, l-użu tar-robots biex joperaw, il-mard rari u l-ewtanażja. L-aħjar tliet artikli, magħżulin b'diffikultà kbira mill-ġurija minn fost ħafna artikli tajbin, spikkaw għall-intensità, l-oriġinalità u l-kapaċità tagħhom li jsaħħru lill-qarrej".

Kuntest

Il-Premju tal-UE għall-Ġurnalisti fil-qasam tas-Saħħa ilu jingħata għal dawn l-aħħar ħames snin. Dan għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar kwistjonijiet importanti tas-saħħa li jaffettwaw il-ħajja tan-nies fl-UE kollha – kwistjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea tindirizza permezz ta' leġiżlazzjoni jew inizjattivi oħra. Dan qiegħed ukoll biex iħeġġeġ u jippremja l-ġurnaliżmu eċċellenti fil-qasam tas-saħħa madwar l-Ewropa.

It-tema ewlenija ta' din l-edizzjoni tal-Premju kienet "L-Ewropa għall-Pazjenti", li fiha s-suġġetti: il-kura tas-saħħa transkonfinali, il-mard rari, id-donazzjoni u t-trapjant tal-organi, il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa, is-sikurezza tal-pazjenti u l-infezzjonijiet li jittieħdu fl-isptarijiet, il-mard kroniku, it-tilqim, l-użu prudenti tal-antibijotiċi, it-tixjiħ attiv u f'saħħtu, il-farmaċewtiċi u d-determinanti tas-saħħa: it-tabakk, l-alkoħol u n-nutrizzjoni u l-attività fiżika.

L-għażla tar-rebbieħa kienet proċedura f'żewġ stadji. Il-ġuriji nazzjonali għażlu finalista nazzjonali, imbagħad ġurija fil-livell tal-UE magħmula minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, esperti tas-saħħa pubblika, u ġurnalisti, iltaqgħet fi Brussell biex tiddeċiedi dwar min għandu jieħu l-ewwel, it-tieni u t-tielet premju.

Il-premijiet li ngħataw lill-ewwel, it-tieni u t-tielet rebbieħa kienu €6,500, €4,000 u €2,5001rispettivament.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Premju tal-UE għall-Ġurnalisti fil-Qasam tas-Saħħa:

http://ec.europa.eu/health-eu/journalist_prize/index_mt.htm

L-artikli kollha jinsabu f'dan il-ktejjeb:

http://ec.europa.eu/health-eu/journalist_prize/2013/docs/booklet_2013_en.pdf

Agħfas “Like” fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook:

Segwina fuq Twitter: @EU_Health

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 or bl-e­mail

1 :

Il-Premju huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Programm tas-Saħħa tal-UE.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website