Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta’ April 2014.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li ssaħħaħ l-impenn tal-azzjonisti u tintroduċi "l-vot dwar ir-remunerazzjoni" ("say on pay") fl-akbar kumpaniji tal-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat miżuri sabiex ittejjeb il-governanza korporattiva ta’ madwar 10,000 kumpanija elenkati fil-Boroż Ewropej. Dan jikkontribwixxi għall-kompetittività u għas-sostenibbiltà fit-tul ta’ dawn il-kumpaniji. Proposti oħra jistgħu wkoll jagħtu soluzzjonijiet kosteffikaċi marbutin mad-dritt soċjetarju għal dawk l-SMEs li joperaw bejn il-fruntieri. Il-pakkett tal-miżuri jimplimenta l-azzjonijiet prinċipali li ġew identifikati fil-Komunikazzjoni dwar il-finanzjament għat-tul tal-ekonomija Ewropea tas-27 ta' Marzu (IP/14/320).

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "L-aħħar snin urew għal diversi drabi kif in-nuqqas ta' viżjoni jagħmel ħsara lil kumpaniji Ewropej u lill-ekonomija. Governanza korporattiva tajba tista’ tgħin biex dan jinbidel. Il-proposti tal-lum se jinkoraġġixxu lill-azzjonisti biex ikunu aktar involuti fil-kumpaniji li jinvestu fihom, u biex ikollhom perspettiva aktar fit-tul għall-investiment tagħhom. Biex isir dan, jeħtieġ li jkollhom id-dritt li jeżerċitaw kontroll tajjeb fuq il-maniġment, fejn ikunu jistgħu wkoll jiddeċiedu dwar ir-remunerazzjoni. Jiena naraha wkoll bħala prijorità li d-dritt soċjetarju joffri lill-SMEs Ewropej qafas effiċjenti għall-operat u t-tkabbir tagħhom. Il-Kumpanija b’Membru Uniku tal-Ewropa se tgħin lill-imprendituri jnaqqsu l-ispejjeż u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż."

Reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti

Il-proposta sabiex id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti attwali tiġi riveduta (id-Direttiva 2007/36/KE) tindirizza nuqqasijiet relatati ma' nuqqasijiet fil-governanza korporattiva tal-kumpaniji elenkati u l-bordijiet tagħhom, tal-azzjonisti (l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi), tal-intermedjarji u tal-konsulenti bi prokura (jiġifieri impriżi li jagħtu servizz lill-azzjonisti, b’mod partikolari l-konsulenza fil-votazzjoni). Ta’ spiss, kif uriet il-kriżi, l-azzjonisti appoġġaw il-maniġers li jieħdu riskju eċċessiv għal-terminu qasir u ma żammewx taħt monitoraġġ mill-qrib il-kumpaniji li investew fihom.

Il-proposti se jagħmluha aktar faċli għall-azzjonisti sabiex jużaw id-drittijiet eżistenti tagħhom fuq il-kumpaniji kif ukoll se jsaħħu dawn id-drittijiet fejn meħtieġ. Dan ikun ta' għajnuna biex l-azzjonisti jimpenjaw aktar ruħhom, jikkontrollaw aħjar lill-maniġment tal-kumpanija li jrid jagħti kont tal-operat, u jaġixxu fl-interess tal-kumpanija fuq terminu twil. Perspettiva aktar fit-tul toħloq kundizzjonijiet tal-operat aħjar għall-kumpaniji elenkati u ttejjeb il-kompetittività tagħhom. L-elementi ewlenin tal-proposta jinkludu rekwiżiti ta’ trasparenza aktar qawwija għall-investituri istituzzjonali u għall-maniġers tal-assi dwar il-politiki ta' investiment u ta' impenn tagħhom marbutin mal-kumpaniji li jinvestu fihom kif ukoll qafas sabiex isir aktar faċli li jiġu identifikati l-azzjonisti biex hekk huma jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod aktar faċli (pereż. id-drittijiet tal-vot), b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet transkonfinali (mal-44 % tal-azzjonisti huma barranin jew minn Stat Membru ieħor tal-UE). Il-konsulenti bi prokura għandhom ukoll isiru aktar trasparenti dwar il-metodoloġiji li jużaw meta jħejju r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom, u dwar kif jiġġestixxu l-kunflitti ta’ interess.

Għall-ewwel darba, se jiġi introdott f'livell Ewropew il-vot dwar ir-remunerazzjoni ("say on pay"). Illum, ir-remunerazzjoni tal-maniġment u l-prestazzjoni li jagħti mhumiex marbutin biżżejjed, u dan jinkoraġġixxi tendenzi ħżiena fuq terminu qasir. Il-proposti jobbligaw lill-kumpaniji biex jiżvelaw informazzjoni ċara, komparabbli u komprensiva dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni tagħhom u kif dawn ġew implimentati. Mhu se jkun hemm l-ebda limitu massimu li jorbot dwar ir-remunerazzjoni fil-livell tal-UE, iżda kull kumpanija se jkollhom tqiegħed il-politika tar-remunerazzjoni tagħha għall-vot vinkolanti tal-azzjonisti. Il-politika hemm bżonn li jkollha stipulat l-ogħla l-livell ta' salarju għall-persunal eżekuttiv. Ikollha bżonn ukoll tispjega kif tikkontribwixxi għall-interess u s-sostenibbiltà tal-kumpanija għat-tul. Ikollha bżonn ukoll tispjega kif il-paga u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema tal-kumpanija ġew ikkunsidrati meta ġiet stabbilita l-politika, billi jiġi ġġustifikat kif twettaq il-proporzjon ta' bejn is-salarji tal-impjegati medji u dawk eżekuttivi.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwalità ta’ rappurtar tal-governanza korporattiva (il-prinċipju “kun konformi jew spjega”)

Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li ttejjeb ir-rappurtar dwar il-governanza korporattiva tal-kumpaniji elenkati b’mod aktar wiesa’. Ħafna mill-governanza korporattiva hija magħmula minn liġi mhux vinkolanti u għaldaqstant huwa essenzjali li l-approċċ "kun konformi jew spjega" jaħdem sew, jiġifieri meta kumpanija tagħżel li tmur lil hinn mill-kodiċi applikabbli ta’ governanza korporattiva trid tagħti r-raġunijiet għala din tbiegħdet mill-kodiċi. Dan l-approċċ joffri lill-kumpaniji livell importanti ta’ flessibbilità, għax jirrikonoxxi li f’ċerti ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ konformità ma’ xi rakkomandazzjonijiet jista’ jkun fl-aħjar interess tal-kumpanija, aktar milli kieku l-kodiċi jkun ġie rrispettat mija fil-mija. Madankollu, il-kumpaniji li jitbiegħdu mill-kodiċi applikabbli ta’ governanza korporattiva spiss jonqsu milli jipprovdu spjegazzjonijiet xierqa għala tbiegħdu, li jagħmilha aktar diffiċli biex l-investituri jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi gwida għall-kumpaniji elenkati, għall-investituri u għal partijiet interessati oħra sabiex titjieb il-kwalità ġenerali tad-dikjarazzjonijiet dwar il-governanza korporattiva li jiġu ppubblikati mill-kumpaniji.

Id-Direttiva dwar il-Kumpaniji b’Membru Uniku

Illum, l-SMEs jiffaċċjaw wisq ostakli li jxekklu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom fis-Suq Uniku. Mill-perspettiva tal-dritt soċjetarju, il-kummerċ bejn il-fruntieri ta' spiss isibuh diffiċli u jiswielhom il-flus. Għadd żgħir biss ta’ SMEs (2 %) jinvestu u jistabbilixxu sussidjarji barra mill-pajjiż.

Il-proposta għal Direttiva dwar il-kumpaniji privati b’membru uniku b’responsabbiltà limitata tindirizza dawn l-ostakli għax tistandardizza r-rekwiżiti sabiex jinħolqu l-kumpaniji b’membru uniku. Tneħħi l-proċess kkumplikat tar-reġistrazzjoni tas-sussidjarji u tagħmilha aktar faċli għall-SMEs sabiex joperaw fl-UE.

L-elementi ewlenin tal-proposta:

  • L-Istati Membri jkunu obbligati li jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali xi forma ta' dritt soċjetarju għall-kumpaniji privati b’membru uniku b’responsabbiltà limitata bl-istess rekwiżiti madwar l-UE. Din ikollha denomijazzjoni komuni — Societas Unius Personae (SUP).

  • L-Istati Membri jkunu obbligati li jippermettu r-reġistrazzjoni onlajn diretta tas-SUPs, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-fundatur jivvjaġġa lejn il-pajjiż ta’ reġistrazzjoni għal dan l-għan.

  • Il-proposta tipprevedi mudell ta’ statut ta' assoċjazzjoni, li jkun identiku madwar l-UE, disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE u jkollu l-elementi neċessarji sabiex tkun tista' tiġi ġestita kumpanija privata b’membru uniku b’responsabbiltà limitata. Il-ħtieġa ta' rekwiżit kapitali minimu ta’ EUR 1 għas-SUPs se jiġi introdott.

  • Protezzjoni adegwata għall-kredituri, permezz ta’ test tal-karta tal-bilanċ u dikjarazzjoni ta’ solvenza se tkun żgurata.

Il-kuntest

Il-governanza korporattiva u d-dritt soċjetarju huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji jkollhom governanza tajba u sostenibbli għat-tul, u għaldaqstant ikollhom rwol importanti, fil-finanzjament għat-tul tal-ekonomija Ewropea.

Dawn il-proposti jkomplu fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2012 dwar id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva (IP/12/1340) u l-Komunikazzjoni dwar il-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonomija Ewropea ppubblikata fis-27 ta’ Marzu 2014 (IP/14/320).

Ara wkoll MEMO/14/274 u MEMO/14/275.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website