Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-kura tas-saħħa fil-but tiegħek: ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-mHealth

European Commission - IP/14/394   10/04/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-10 ta’ April 2014

Il-kura tas-saħħa fil-but tiegħek: ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-mHealth

Il-Kummissjoni llum qed tniedi konsultazzjoni dwar #mHealth jew is-saħħa mobbli, fejn qed titlob l-għajnuna fis-sejba ta' mezzi kif jissaħħu s-saħħa u l-benesseri tal-Ewropej bl-użu ta' tagħmir mobbli, bħat-telefown ċellulari, tablets, tagħmir għas-sorveljanza tal-pazjenti u tagħmir ieħor mingħajr wajers.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes @NeelieKroesEU), responsabbli mill-Aġenda Diġitali, saħqet li: "L-mHealth se jnaqqas il-viżti li jiswew ħafna flus fl-isptarijiet, se jgħin liċ-ċittadini jieħdu r-riedni f'idejhom fejn jidħlu s-saħħa u l-benesseri tagħhom, u jimxi lejn aktar prevenzjoni milli kura. Din hija wkoll opportunità kbira għall-ekonomija tal-apps li qed tikber u għall-imprendituri.

Jien nilbes ċappetta tal-isport mal-polz biex inkejjel kemm inkun attiva minn jum għal jum, u għaldaqstant jien diġà sostenitriċi kbira tal-mHealth. Jekk jogħġbok uri l-fehma tiegħek permezz ta' din il-konsultazzjoni biex tgħinna nsiru mexxeja dinjin f'dan il-qasam tant affaxxinanti".

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg (@borgton) saħaq li: "L-mHealth għandu potenzjal kbir li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex dawn iġestu saħħithom u jibqgħu f'saħħithom għal żmien itwal, iwassal għal kwalità aqwa ta' kura u kumdità għall-pazjenti, u jgħin lill-professjonisti tas-saħħa f'xogħlhom. B'hekk, l-esplorazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-mHealth tista' jikkontribwixxu għal sistemi tas-saħħa moderni, effiċjenti u sostenibbli".

L-mHealth kif jista' jgħin?

L-użu tal-mHealth huwa rebħa fuq tliet fronti! Is-servizzi tal-mHealth:

jagħtu l-kontroll lill-pazjent, li jfisser aktar indipendenza, u prevenzjoni akbar ta' problemi tas-saħħa

iwassal għal sistema tas-saħħa iktar effiċjenti, b'potenzjal wiesgħa għall-iffrankar

joħloq opportunitajiet kbar għal servizzi innovattivi, impriżi ġodda u l-ekonomija tal-apps.

Xi eżempji ta' mHealth

app li tkejjel is-sinjali vitali tiegħek, bħall-pressjoni

app li tgħin biex tingħata l-insulina lil persuna dijabetika, permezz tat-trażmissjoni ta' sinjali ta' kontroll lill-pompa minn pjattaforma mobbli

app li tfakkar lill-pazjenti li għandhom jieħdu l-mediċini tagħhom

app li tagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-fitness jew id-dieta biex jitjiebu s-saħħa u l-benesseri ġenerali tal-utent

Grafiki oħra dwar l-mHealth

L-aħbar it-tajba

Diġà hemm madwar 100,000 #app tal-mHealth disponibbli fuq għadd ta' pjattaformi bħall-iTunes, Google play, Windows Marketplace u BlackBerry World. L-iktar għoxrin app popolari tal-isport, il-fitness u s-saħħa diġà jkopru 231 miljun tniżżil elettroniku madwar id-dinja. Sal-2017, 3.4 biljun ruħ madwar id-dinja se jkollhom smartphone u nofshom se jkunu qed jużaw apps tal-mHealth. Fl-2017, jekk il-potenzjal jiġi realizzat b'mod sħiħ, l-mHealth tista' twassal għall-iffrankar ta' €99 biljun fi spejjeż tal-kura tas-saħħa fl-UE. U hekk kif il-pakkett Kontinent Konness irċieva vot pożittiv fil-Parlament Ewropew il-ġimgħa li għaddiet, ninsabu pass eqreb biex nissalvagwardjaw is-servizzi inovattivi fl-UE.

X'għandu jiġi indirizzat?

Għad għandna bżonn nindirizzaw kwistjonijiet bħas-sikurezza ta' apps tal-mHealth, tħassib dwar il mod kif tintuża d-dejta tagħhom, in-nuqqas ta' interoperabbiltà bejn soluzzjonijiet disponibbli u n-nuqqas ta' għarfien mill-partijiet interessati tar-rekwiżiti legali applikabbli għal apps li għandhom x'jaqsmu mal-istil tal-ħajja u l-benesseri, bħall-konformità ma' regoli għall-ħarsien tad-dejta u jekk dawn l-apps humiex tagħmir mediku li jeħtieġ it-tikketta CE. Importanti wkoll li nibnu l-fiduċja bejn il-professjonisti tas-saħħa u ċ-ċittadini, u li ngħinu lin-nies jużaw is-servizzi tal-mHealth b'mod effettiv.

Liema mistoqsijiet tagħmel il-konsultazzjoni?

Organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-pazjenti, professjonisti tas-saħħa, organizzazzjonijiet tas-saħħa, awtoritajiet pubbliċi, żviluppaturi tal-apps, manifatturi ta' tagħmir mobbli, individiwi u l-partijiet interessati kollha huma mistiedna jwieġbu għall-konsultazzjoni sat-3 ta' Lulju 2014. Xi eżempji tal-mistoqsijiet magħmula:

Liema rekwiżiti tas-sikurezza u l-prestazzjoni għandhom japplikaw għal apps li għandhom x'jaqsmu mal-istil tal-ħajja u l-benesseri?

Liema salvagwardji għas-sikurezza tjistgħu jiżguraw li d-dejta dwar is-saħħa hija sikura fil-kuntest tal-mHealth?

Liema huwa l-aqwa mod biex titħeġġeġ l-intraprenditorija fl-Ewropa?

L-UE qiegħda wkoll tiffinanzja riċerka dwar l-mHealth. Pereżempju, pazjenti b'insuffiċjenza tal-kliewi se jkunu jistgħu wkoll jissorveljaw id-dialiżi tagħhom fuq l-ismartphone. Diġà jeżistu apps għall-ġestjoni tal-istress, u persunal mediku fi Graz, l-Awstrija, tejjeb sew il-fluss tax-xogħol intern permezz ta' sistema ġdida mobbli. Sir af iktar fil-MEMO/14/266.

Sfond

L-mHealth huwa parti emerġenti minn #eHealth @EU_eHealth, fejn Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni jintużaw biex itejbu l-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tas-saħħa. Dan huwa qasam promettenti biex jissupplimenta l-għoti tradizzjonali tal-kura tas-saħħa, u jikkumplimentaha iktar milli joħdilha postha.

Il-Pjan ta' Azzjoni eHealth għall-2012-2020 tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat fl-2012 għaraf il-benefiċċji attwali u potenzjali ta' apps mobbli tas-saħħa, kif ukoll ir-riskji potenzjali assoċjati, u ħabbar din il-Green Paper dwar l-mHealth.

Il-Green Paper hija akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal biex titqajjem il-kuxjenza tal-partijiet interessati dwar regoli tal-UE dwar il-ħarsien tad-dejta, it-tagħmir mediku (biex jiġu megħjuna jiddeterminaw jekk tali leġiżlazzjoni tapplikax għall-apps tagħhom jew le) u direttivi dwar il-konsumatur.

Wieġeb qabel it-3 ta' Lulju 2014 hawnhekk, permezz tal-posta elettronika, jew permezz tal-posta lil:

European Commission, DG Communications Networks, Content & Technology

Unit H1, Health & Well-being

Avenue de Beaulieu/Beaulieulaan 31, Brussels 1049 - Belgium.

Il-Kummissjoni se tippubblika s-sommarju tat-tweġibiet fir-raba' kwart tal-2014; azzjonijiet possibbli ta' politika huma mistennija fl-2015.

Ħoloq utli

Green Paper dwar l-mHealth

Wieġeb għal din il-konsultazzjoni

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar il-qafas eżistenti legali tal-UE applikabbli għal apps tas-saħħa u l-benesseri

L-eSaħħa fl-Aġenda Diġitali

MEMO/14/266 X'jista' jagħmel għalik l-mHealth?

Il-Viċi President Neelie Kroes

Il-Kummissarju għas-Saħħa, Tonio Borg

Kuntatti

Posta elettronika: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.57361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website