Navigation path

Left navigation

Additional tools

Xogħol mhux iddikjarat: Il-Kummissjoni tipproponi Pjattaforma ġdida biex ittejjeb il-prevenzjoni u d-deterrenza

European Commission - IP/14/387   09/04/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-Erbgħa, 9 ta' April 2014

Xogħol mhux iddikjarat: Il-Kummissjoni tipproponi Pjattaforma ġdida biex ittejjeb il-prevenzjoni u d-deterrenza

Illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-ħolqien ta' Pjattaforma Ewropea biex ittejjeb il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE għal aktar effettività fil-prevenzjoni u d-deterrenza tax-xogħol mhux iddikjarat. Il-Pjattaforma għandha tiġbor flimkien diversi korpi nazzjonali tal-infurzar involuti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, fenomenu li jikkawża ħsara serja għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kompetizzjoni ġusta u l-baġits pubbliċi.

"Ix-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-ħaddiema mill-ħarsien soċjali, ipoġġi s-saħħa u s-sikurezza tagħhom f'riskju u jbaxxi l-istandards tax-xogħol. Ixekkel ukoll il-kompetizzjoni ġusta għan-negozji u jhedded is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd jitlef. Din hi r-raġuni għaliex il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ fl-appoġġ lill-Istati Membri filwaqt li jindirizzaw din il-pjaga, biex nipproteġu l-ħaddiema, nibbilanċjaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, u nħarsu d-dħul fiskali" ikkummenta László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni.

Il-Pjattaforma l-ġdida se tiġbor flimkien il-korpi kollha tal-infurzar li huma involuti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat bħalma huma l-ispettorati tas-sigurtà soċjali u tax-xogħol, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-migrazzjoni, kif ukoll partijiet interessati oħra, bħar-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema fil-livell tal-UE. Il-proposta tipprevedi li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu membri tal-Pjattaforma, peress li x-xogħol mhux iddikjarat jaffettwahom kollha, u l-parteċipazzjoni konġunta tal-pajjiżi tal-UE kollha hija essenzjali biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet transfruntiera.

Il-Pjattaforma se tpatti għal nuqqas fil-livell tal-UE, fejn s'issa x-xogħol mhux iddikjarat għadu jiġi diskuss b'mod sporadiku u mhux koordinat f'kumitati u gruppi ta' ħidma differenti. Din twassal għal kooperazzjoni aktar effettiva bejn dawk li ta' kuljum jittrattaw ix-xogħol mhux iddikjarat fuq il-post.

Il-Pjattaforma l-ġdida se:

tipprovdi forum fejn l-esperti jkunu jistgħu jaqsmu t-tagħrif u l-aħjar prattiki, u b'hekk iwessgħu l-kuntatti limitati li jeżistu s'issa

tesplora l-għodod nazzjonali u tal-UE biex jindirizzaw problemi komuni, bħall-fenomenu relatat tal-impjiegi indipendenti fittizji u x-xogħol mhux iddikjarat fil-katini subkuntrattwali

tindirizza aspetti transfruntiera billi, pereżempju tesplora modi kif jittejjeb l-iskambju tad-dejta bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali

issaħħaħ il-kooperazzjoni tal-operat pereżempju b'sessjonijiet ta' taħriġ konġunt, skambji ta' persunal u spezzjonijiet konġunti

tiżviluppa prinċipji komuni u linji gwida għall-ispezzjonijiet li jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat

tqajjem kuxjenza akbar dwar il-problema permezz ta' attivitajiet komuni bħal kampanji Ewropej u l-adozzjoni ta' strateġiji reġjonali jew madwar l-UE

Issa l-proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi Pjattaforma Ewropea se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Sfond

Ix-xogħol mhux iddikjarat jirreferi għal kull attività mħallsa li fin-natura tagħha hija legali iżda li ma tiġix iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistemi regolatorji tal-Istati Membri. Dan il-kunċett ġie integrat fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u, mill-2001, jiġi indirizzat fil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi għall-Istati Membri. Skont stħarriġ tal-Eurobarometer li twettaq fl-2013, madwar wieħed minn għaxar Ewropej (11 %) ammetta li fis-sena ta' qabel xtara oġġetti jew servizzi li jinvolvu xogħol mhux iddikjarat, filwaqt li 4 % stqarrew li huma stess wettqu xogħol mhux iddikjarat (IP/14/298). L-istħarriġ irrifletta l-inċidenza ta' dan il-fenomenu f'firxa wiesgħa ta' setturi u kif ukoll differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri.

Il-Pakkett dwar l-Impjiegi ta’ April 2012 enfasizza li t-trasformazzjoni tax-xogħol informali jew mhux iddikjarat f'impjieg regolari jista’ jgħin biex jitnaqqas il-qgħad, u tenna wkoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri.

F’nofs l-2013, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel stadju ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema fil-livell tal-UE dwar miżuri possibbli fil-ġejjieni mill-UE għal kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar (IP/13/650). Wara dan saret konsultazzjoni fit-tieni stadju, fil-bidu tal-2014. Fiż-żewġ każijiet, is-sħab soċjali indikaw li azzjoni fil-livell tal-UE se tagħti valur akbar lill-isforzi fil-livell nazzjonali.

Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tal-14 ta' Jannar tiegħu, talab kooperazzjoni aktar imsaħħa u infurzar mill-ġdid tal-ispettorati tax-xogħol għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

Għal aktar tagħrif:

L-aħbarijiet fuq is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

Eurobarometer "Undeclared work in the EU"

Is-sit elettroniku ta’ László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona fil-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea; jasallek b'email u s-servizz huwa b'xejn

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-email


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website