Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ April 2014

Il-Kummissjoni Ewropea titlob standards stretti biex tirregola l-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ

Illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-istabbiliment ta' standards stretti ġodda biex tirregola l-operat tal-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ (inġenji tal-ajru pilotati mill-bogħod, RPAS) L-istandards il-ġodda se jkopru s-sikurezza, is-sigurtà, il-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta, l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà. L-għan huwa li l-industrija Ewropea jkollha ċ-ċans li tkun fost il-mexxejja globali fis-suq għal din it-teknoloġija emerġenti, filwaqt li tiżgura li s-salvagwardji neċessarji jkunu fis-seħħ.

L-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ qed jintużaw dejjem aktar fl-Ewropa, f'pajjiżi bħall-Iżvezja, Franza u r-Renju Unit, f'setturi differenti, iżda skont qafas regolatorju frammentat. Japplikaw ir-regoli bażiċi tas-sikurezza nazzjonali, iżda r-regoli huma differenti madwar l-UE u għadd ta' salvagwardji ewlenin mhumiex indirizzati b'mod koerenti.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport, qal: "L-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ jistgħu jivverifikaw hemmx ħsarat fil-pontijiet stradali jew ferrovjarji, jimmonitorjaw id-diżastri naturali bħall-għargħar u jbexxu l-għelejjel mill-ajru bi preċiżjoni lokalizzata. Dawn għandhom forom u daqsijiet differenti. Fil-ġejjieni jistgħu jqassmu l-kotba mibgħuta mill-bejjiegħ bl-imnut onlajn favorit tiegħek. Iżda ħafna nies, fosthom jiena, jinsabu mħassba dwar il-kwistjonijiet ta' sikurezza, sigurtà u privatezza relatati ma' dan it-tagħmir."

It-teknoloġija tal-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ qed titjieb u hemm potenzjal għal tkabbir u ħolqien tax-xogħol sinifikanti. Skont xi stimi, fl-10 snin li ġejjin jaf ikollha l-valur ta' 10 % tas-suq tal-avjazzjoni. Dan ifisser EUR 15-il biljun fis-sena. Il-Viċi President żied jgħid, "Jekk qatt kellu jkun hemm żmien tajjeb biex dan isir, u biex isir fil-livell Ewropew, issa huwa ċ-ċans. Għaliex, kważi tista' tgħid, li l-inġenji tal-ajru pilotati mill-bogħod se jaqsmu l-fruntieri u din l-industrija għadha fil-bidu tagħha. Aħna għandna l-opportunità li nistabbilixxu sett uniku ta' regoli li jkun jgħodd għal kulħadd, l-istess bħalma għandna għal inġenji tal-ajru ikbar."

L-istandards il-ġodda se jkopru l-oqsma li ġejjin

Regoli strett madwar l-UE fuq l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sikurezza. Is-sikurezza hija l-ewwel prijorità fil-politika tal-avjazzjoni tal-UE. L-istandards tal-UE se jkunu bbażati fuq il-prinċipju li l-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ (pilotati mill-bogħod) iridu jipprovdu livell ta' sikurezza ekwivalenti għal dak tal-operazzjonijiet tal-avjazzjoni "bl-ekwipaġġ". L-EASA, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni se tibda tiżviluppa standards speċifiċi madwar l-UE għall-inġenji pilotati mill-bogħod.

Kontrolli stretti fuq il-Privatezza u l-Protezzjoni tad-Dejta. Id-dejta li tinġabar mill-inġenji pilotati mill-bogħod, trid tikkonforma mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta jridu jimmonitorjaw il-ġbir u l-ipproċessar sussegwenti ta' dejta personali. Il-Kummissjoni se tivvaluta kif se jkun żgurat li r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta japplikaw bis-sħiħ għall-inġenji pilotati mill-bogħod u se tipproponi bidliet jew gwida speċifika fejn meħtieġ.

Kontrolli stretti biex tiżgura s-Sigurtà. L-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ, bħal inġenji tal-ajru oħrajn, jistgħu jkunu soġġetti għal azzjonijiet illegali u theddid għas-sigurtà potenzjali. L-EASA se tibda taħdem biex tiżviluppa r-rekwiżiti tas-sigurtà meħtieġa, b'mod partikolari għall-ħarsien tal-flussi tal-informazzjoni, u mbagħad tipproponi obbligi legali speċifiċi għal kull attur ikkonċernat (pereżempju l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-operatur, il-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet), biex jiġu infurzati mill-awtoritajiet nazzjonali.

Qafas ċar għar-responsabbiltà u l-assigurazzjoni. Ir-reġim tal-assigurazzjoni ta' parti terza attwali ġie stabbilit f’termini ta’ inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ, fejn massa (li tibda minn 500 kg) tiddetermina l-ammont minimu ta’ assigurazzjoni. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li temenda r-regoli attwali biex tqis l-ispeċifiċitajiet tal-inġenji pilotati mill-bogħod.

Semplifikazzjoni tar-R&Ż u appoġġ għall-industrija l-ġdida. Il-Kummissjoni se tissemplifika l-ħidma fir-R&Ż, b'mod partikolari l-fondi tar-R&Ż tal-UE ġestiti mill-Impriża Konġunta SESAR (Single European Sky) biex iż-żmien meħtieġ għat-teknoloġiji promettenti għad-dħul tal-RPAS fl-ispazju tal-ajru Ewropew jinżamm qasir kemm jista’ jkun. L-SMEs u n-negozji l-ġodda fis-settur se jirċievu appoġġ industrijali biex jiżviluppaw teknoloġiji xierqa (il-programmi Orizzont 2020 u COSME)

Xi jmiss wara dan?

Il-Kummissjoni fl-2014 se twettaq valutazzjoni (tal-impatt) fil-fond biex teżamina l-kwistjonijiet u tiddefinixxi l-aħjar għażliet biex tindirizzahom. Din tista' tkun segwita minn proposta leġiżlattiva, għall-approvazzjoni mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, l-EASA tista' tibda tiżviluppa l-istandards tas-sikurezza meħtieġa b'mod immedjat. Miżuri oħra jistgħu jinkludu azzjonijiet ta' appoġġ taħt programmi eżistenti tal-UE bħal SESAR, Orizzont 2020 jew COSME. Din il-ħidma kollha, għandha l-għan li tilħaq l-objettiv iddikjarat tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru tal-2013 biex tkun żgurata l-integrazzjoni progressiva tal-RPAS fl-ispazju tal-ajru mill-2016.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/14/259

STATEMENT/14/110

COMMUNICATION

Segwi lill-Viċi-President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-email


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website