Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-integrazzjoni tar-Rom: Il-qafas tal-UE joħloq l-ewwel riżultati

European Commission - IP/14/371   04/04/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, l-4 ta’ April 2014

L-integrazzjoni tar-Rom: Il-qafas tal-UE joħloq l-ewwel riżultati

Azzjoni miftiehma mill-Kummissjoni Ewropea poġġiet b'mod deċiż l-Integrazzjoni tar-Rom fl-aġenda politika madwar l-Ewropa. L-ewwel sinjali ta' titjib fil-ħajjiet tar-Rom qed jibdew jidhru bil-mod, jgħid rapport ġdid li tħabbar illum dwar il-progress tal-Istati Membri miksub skont il-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali tar-Rom.

Il-Qafas tal-UE li l-mexxejja tal-UE ffirmaw fl-2011 (IP/11/789) stabbilixxa - għall-ewwel darba - proċess b'saħħtu ta' azzjoni ta' koordinazzjoni għall-Integrazzjoni tar-Rom. Sentejn wara, il-Ministri nazzjonali adottaw unanimament l-ewwel strument legali dwar l-inklużjoni tar-Rom fuq livell tal-UE u kkommettew ruħhom li jimplimentaw serje ta' rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali bejn ir-Rom u l-kumplament tal-popolazzjoni f'erba' oqsma: l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni (IP/13/1226).

Ir-rapporti ppreżentati llum mill-Kummissjoni jivvalutaw il-progress li sar skont il-qafas tal-UE mill-2011 u jidentifikaw eżempji pożittivi u oqsma għal-aktar sforzi mill-Istati Membri. Filwaqt li għad fadal xi sfidi, it-titjib huwa viżibbli: aktar tfal tar-Rom jattendu l-edukazzjoni preprimarja, il-programmi ta' ggwidar sabiex jgħinu lir-Rom isibu xogħol qed jiġu aktar stabbiliti, kif ukoll il-programmi ta' medjaturi biex jitnaqqsu d-distakki bejn il-komunitajiet tar-Rom u dawk li mhumiex fl-akkomodazzjoni u fl-aċċess tal-kura tas-saħħa. Bis-saħħa tar-Regolamenti l-ġodda tal-UE dwar l-użu tal-fondi tal-UE li l-Istati Membri jeħtieġu biex jiddedikaw 20 % tal-flus mill-Fond Soċjali Ewropew għall-inklużjoni soċjali fil-perjodu 2014-20.

"Erba' snin ilu, is-suġġett tal-Integrazzjoni tar-Rom ma kien jidher imkien fuq l-aġenda tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Issa, bis-saħħa tal-azzjoni miftiehma, qed nixhdu bidla," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-ġustizzja. "Il-Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom kienet kisba importanti biex saru impenji mill-gvernijiet nazzjonali fl-ogħla livell biex jaħdmu lejn it-titjib tal-integrazzjoni tar-Rom. Sintendi, ma nistgħux inreġġgħu lura sekli ta' esklużjoni u diskriminazzjoni mil-lum għall-għada, iżda ladarba l-kwistjoni tpoġġiet b'mod deċiż fuq l-aġenda politika Ewropea, qed naraw it-titjib. Tul dawn l-aħħar tliet snin, l-attendenza preprimarja tat-tfal tar-Rom qed tiżdied pereżempju. Il-pass li jmiss, nista' nimmaġina regoli aktar immirati u faċilità ta' finanzjament iddedikata speċifikament lir-Rom - biex ikun żgurat li l-finanzjament jasal fejn hu meħtieġ."

"Biex nagħmlu differenza fil-ħajja tal-komunitajiet Ewropej tar-Rom marġinalizzati, għandna niżguraw li fondi xierqa huma użati effettivament sabiex jappoġġjaw l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom. L-Istati Membri għandhom jikkonsidraw ukoll l-integrazzjoni tar-Rom meta jiżviluppaw politiki tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni," qal László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. "Issa huwa l-waqt għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-Inklużjoni tar-Rom hija prijorità għall-infiq tal-fondi tal-UE fil-perjodu finanzjarju ta' seba' snin li jmiss."

Għalkemm il-komunitajiet tar-Rom ikomplu jaffaċċaw il-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, ir-rapport tal-lum jippreżenta l-progress fit-28 Stat Membru. Is-sejbiet ewlenin jinkludu:

L-edukazzjoni: Kien hemm progress tajjeb li jiżgura li t-tfal kollha tar-Rom ilestu minn tal-inqas l-edukazzjoni primarja tagħhom, inkluża żieda fil-parteċipazzjoni preprimarja fil-Finlandja minn 2 % għal 60 %; liġi ġdida fl-Ungerija biex sentejn preprimarja jsiru obbligatorji għat-tfal kollha; perjodu simili ta' sentejn preprimarja obbligatorju fil-Bulgarija; u "għalliema li jivvjaġġaw" li jiċċaqilqu ma' komunitajiet tal-Vjaġġaturi fl-Irlanda. Fl-istess ħin, aktar sforzi se jkunu meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-segregazzjoni fl-iskejjel tradizzjonali f'diversi pajjiżi tal-UE.

L-impjiegi: Tul l-aħħar erba' snin kien hemm xi tentattivi biex tittejjeb l-impjegabbiltà tar-Rom, iżda wisq rarament kombinati ma' miżuri sistematiċi li jindirizzaw id-domanda tas-suq tax-xogħol billi jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jinċentivaw lil min iħaddem. Xi prattiki promettenti jinkludu: konsulenti tat-taħriġ għar-Rom li jfittxu xogħol fl-Awstrija; Medjaturi tal-impjiegi għar-Rom iffinanzjati mill-UE fil-Finlandja; programm għall-kunsillieri tax-xogħol fi Spanja.

L-Akkomodazzjoni: L-Istati Membri ilhom jagħmlu passi kbar 'il quddiem għall-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom miż-żewġ naħat għall-komunitajiet tar-Rom u dawk li mhumiex Rom, iżda proġetti fuq skala żgħira għandhom jitwettqu madwar l-Ewropa kollha biex jinkisbu r-riżultati. Prattiki tajba jinkludu: 38 medjatur tal-akkomodazzjoni fil-Belġju; taskforce lokali f'Berlin, il-Ġermanja, biex ir-Rom jiġu aċċettati bħala ġirien u jiġu integrati fil-komunità.

Is-saħħa: Diversi pajjiżi ffokaw fuq it-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa għar-Rom l-iktar vulnerabbli, inkluż impenn mill-gvern fi Franza biex jitnaqqsu l-ostakli finanzjarji għall-kura tas-saħħa jew l-investiment f'medjaturi tas-saħħa għall-komunità tar-Rom fir-Rumanija u fi Spanja. Li tiġi żgurata kopertura bażika tas-saħħa għadha sfida f'xi Stati Membri.

Id-diskriminazzjoni: L-azzjoni tal-Kummissjoni żgurat li qafas legali b'saħħtu qiegħed jitwettaq fl-Istati Membri kollha biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni, iżda l-pajjiżi għandhom bżonn isaħħu l-isforzi tagħhom biex japplikaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni fil-post (IP/14/27). Korpi nazzjonali tal-ugwaljanza għandhom rwol kruċjali biex dan isir. Is-Slovakkja introduċiet miżuri temporanji ta' azzjoni pożittiva għar-Rom.

Il-finanzjament: Li jiġi allokat finanzjament suffiċjenti għall-integrazzjoni tar-Rom tibqa' sfida. Għall-ewwel darba, 20 % tal-Fond Soċjali Ewropew disponibbli għall-Istati Membri għall-programmi tagħhom għandu jkun dedikat għall-inklużjoni soċjali, aktar mill-medja attwali ta' 15 %. Għall-perjodu finanzjarju ta' wara l-2020, il-Kummissjoni se tesplora modi biex ittejjeb aktar u tagħmel aktar effettiv l-appoġġ finanzjarju għar-Rom inkluż pereżempju, permezz ta', faċilità speċifika. Iktar eżempji speċifiċi ta' pajjiżi jistgħu jinstabu fl-iskedi nazzjonali.

Is-Summit tal-UE dwar ir-Rom

Din il-valutazzjoni tinkiseb meta l-politiċi lokali, nazzjonali u tal-UE jiltaqgħu flimkien mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jiddiskutu l-avvanzi fuq l-integrazzjoni tar-Rom fit-tielet Summit tar-Rom fil-livell tal-UE. L-għan huwa li ssir evalwazzjoni ta’ kif l-istrateġiji nazzjonali tar-Rom sottomessi mill-Istati Membri fuq bażi annwali bħala riżultat tal-Qafas tal-UE qed jiġu implimentati u jekk hux qed itejbu l-ħajja tal-komunitajiet tar-Rom. Madwar 500 rappreżentant mill-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili (inklużi organizzazzjonijiet tar-Rom) u awtoritajiet lokali u reġjonali se jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq dak li nkiseb sa issa u kif tista' tittejjeb aktar l-integrazzjoni tar-Rom fil-futur. Iktar informazzjoni dwar l-aġenda, it-temi u l-parteċipanti tas-summit tar-Rom jistgħu jinstabu hawn: IP/14/317.

L-isfond

L-Integrazzjoni tar-Rom hija aktar minn kwistjoni ta' inklużjoni soċjali. Għandha wkoll impatt ekonomiku pożittiv, speċjalment f'dawk l-Istati Membri b'minorità kbira tar-Rom. Ir-Rom jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti u li qiegħed dejjem jikber tal-popolazzjoni li tmur l-iskola u l-forza tax-xogħol għall-futur f'ħafna pajjiżi. Politiki effikaċi għall-attivazzjoni tax-xogħol u servizzi individwalizzati u ta' appoġġ aċċessibbli għar-Rom li qed ifittxu impjieg huma kruċjali biex jippermettu lill-persuni Rom jilħqu l-kapital uman tagħhom u biex jieħdu sehem b'mod attiv u ugwali fl-ekonomija u s-soċjetà.

L-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-komunitajiet tar-Rom hija responsabbiltà konġunta tal-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tissorvelja l-progress magħmul mill-Istati Membri permezz tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (IP/11/400, MEMO/11/216). Tlaqqa' wkoll regolarment netwerk ta' koordinaturi responsabbli biex jissorveljaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom mit-28 pajjiż kollu tal-UE biex jiddiskutu l-progress u l-isfidi futuri (MEMO/14/107).

Fir-rapport tagħha tal-2013, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom biex javvanzaw l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tar-Rom fl-Ewropa (IP/13/607). Is-sejbiet huma użati wkoll għall-proċess annwali tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni ta' politika soċjoekonomika li tista' tirriżulta fil-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi b'rilevanza għar-Rom mill-UE. Dan iċ-ċiklu annwali jgħin biex jiżgura li l-integrazzjoni tar-Rom tibqa' b'mod sod u kontinwu fuq l-aġenda Ewropea u li l-politiki tradizzjonali ma jmorrux kontra l-għanijiet għall-inklużjoni tar-Rom. Fl-2013 ħames Stati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom u dwar miżuri speċifiċi tradizzjonali tar-Rom (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja).

Il-fondi tal-UE huma disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw proġetti ta' integrazzjoni soċjali, inkluż biex tittejjeb l-integrazzjoni tar-Rom f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u s-saħħa. Madwar EUR 26.5 biljun kienu disponibbli kollha kemm huma għal proġetti ta' inklużjoni soċjali mill-2007-2013. Fil-perjodu finanzjarju l-ġdid 2014-2020, minn tal-inqas EUR 80 biljun se jkunu allokati għall-investiment tal-kapital uman, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Minn tal-inqas 20 % tal-allokazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (madwar EUR 16-il biljun) issa għandhom jiġu assenjati għall-inklużjoni soċjali. L-għan huwa li r-riżorsi finanzjarji xierqa jkunu sikuri għall-integrazzjoni tar-Rom. L-Istati Membri huma responsabbli għall-ġestjoni ta' dawn il-fondi. Biex tgħin, il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri dwar kif il-Programmi Operattiv tagħhom għall-infiq tal-fondi u l-proġetti tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom għandhom ikunu maħsuba biex jiżguraw approċċ inklussiv u biex jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tar-Rom.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/14/249

Pakkett għall-istampa: Rapport tar-Rom 2014:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/discrimination/news/140404_mt.htm

Speech by President Barroso at the European Roma Summit

http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-14-288_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea - l-UE u r-Rom:

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/roma/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE:

http://ec.europa.eu/reding

Il-paġna ewlenija ta' László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwu lill-Viċi President Reding u l-Kummissarju Andor fuq Twitter:

@VivianeRedingEU @LaszloAndorEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Segwi s-Summit tar-Rom fuq Twitter permezz ta' #RomaEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website