Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Jannar 2014

Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex tappoġġja l-iżvilupp tal-enerġija blu

Il-Kummissarji Maria Damanaki u Günther Oettinger illum ippreżentaw pjan ta’ azzjoni ġdid biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ulterjuri tas-settur tal-enerġija rinnovabbli mill-oċeani fis-settur tal-enerġija fl-Ewropa. Element ċentrali f’dan il-pjan ta’ azzjoni se jkun it-twaqqif ta’ Forum tal-Enerġija mill-Oċeani, li jlaqqa' flimkien il-partijiet interessati biex jibnu l-kapaċità u jrawwmu il-kooperazzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni għandu jgħin imexxi ‘l quddiem is-settur tal-'enerġija blu' lejn industrijalizzazzjoni sħiħa. L-enerġija tal-oċeani tkopri t-teknoloġiji kollha għall-ħsad tal-enerġija rinnovabbli tal-ibħra u l-oċeani tagħna minbarra tar-riħ lil hinn mix-xtut. L-isfruttament tagħha jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE u jipprovdi enerġija rinnovabbli sigura u affidabbli fl-Ewropa.

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd qalet: "Kif tenfasizza l-istrateġija "Tkabbir Blu", l-ibħra u l-oċeani għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw tkabbir ekonomiku enormi kif ukoll ħafna impjiegi tant meħtieġa. Billi ngħinu sabiex niżviluppaw bis-sħiħ is-settur tal-enerġija tal-oċeani aħna nistgħu nissodisfaw dan il-potenzjal permezz tal-innovazzjoni filwaqt li nassiguraw enerġija rinnovabbli u nadifa għall-Ewropa."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, Günther Oettinger, qal: "L-enerġija tal-oċeani għandha potenzjal sinifikanti biex is-sigurtà tal-provvista tissaħħaħ. Din il-komunikazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni tekonloġika u biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u lil hinn. L-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli inkluż l-enerġija oċeanika jiffaċilita wkoll l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema tal-enerġija Ewropea.”

Fuq livell globali, għandna għad-dispożizzjoni tagħna ferm aktar enerġija mill-oċeani milli neħtieġu bħalissa jew milli nipprevedu li se neħtieġu fil-ġejjieni. Din l-enerġija tista' tiġi sfruttata b'diversi modi, fosthom permezz tal-enerġija mill-mewġ u l-enerġija mill-mili tal-baħar u tax-xmajjar. L-isfruttar tal-enerġija tal-oċeani jressaq lill-UE aktar 'il quddiem sabiex fl-aħħar nett hija issir ekonomija bl-użu tal-karbonju baxx, u, filwaqt li jnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili, isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija. Dan ifisser li l-enerġija mill-oċeani tista’ tgħin biex tibbilanċja l-produzzjoni elettrika ta’ sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma l-enerġija mir-riħ u l-enerġija mix-xemx sabiex b'hekk tiġi żgurata provvista aggregata stabbli ta' enerġija rinnovabbli lill-grilja. Barra minn hekk, l-enerġija mill-oċeani għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi ġodda u ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari f’żoni kostali tal-Ewropa li ta’ sikwit ibatu minn qgħad għoli.

Minkejja l-potenzjal ċar tiegħu, dan is-settur promettenti ġdid qiegħed jiffaċċja diversi sfidi li għandhom bżonn jiġu ffaċċjati sabiex dan is-settur emerġenti jkun jista' jisfrutta benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sinifikanti u jsir kostkompetittiv ma’ forom oħra ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku:

l-ispejjeż tat-teknoloġija huma għoljin u l-aċċess għall-finanzi huwa diffiċli;

hemm ostakli sostanzjali tal-infrastruttura, bħal kwistjonijiet ta’ konnessjoni mal-grilji jew aċċess għal faċilitajiet adegwati tal-port u bastimenti speċjalizzati;

hemm ostakli amministrattivi kumplessi bħal liċenzjar kumpless u l-proċeduri ta’ kunsens, li jistgħu jittardjaw proġetti u jżidu l-ispejjeż;

u hemm ukoll kwistjonijiet ambjentali li jridu jiġu indirizzati, inkluża l-ħtieġa għal aktar riċerka u informazzjoni aħjar dwar l-impatti ambjentali.

Il-Kummissjoni diġà tappoġġja diversi inizjattivi dwar l-enerġija mill-oċeani. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-enerġija mill-oċeani se joħloq forum li jiġbor flimkien l-għarfien eżistenti u l-għarfien espert, joħloq sinerġiji, jipprovdi soluzzjonijiet kreattivi u jixpruna l-iżvilupp ta’ dan is-settur ‘il quddiem. Huwa għodda li tgħin lill-partijiet interessati sabiex jiżviluppaw pjan direzzjonali strateġiku għas-settur tal-enerġija mill-oċeani, li jista’ jkun il-bażi għal Inizjattiva Industrijali Ewropea fi stadju aktar tard.

Għal aktar tagħrif

Wieħed jista' jaċċessa l-pjan ta' azzjoni hawnhekk: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/ocean_energy/index_en.htm

MEMO/14/31

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21) - Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Sabine Berger (+32 2 299 27 92) - Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tal-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal- e-mail


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site