Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-President Barroso jħabbar li seba' Kummissarji se joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ ħidma għal kemm iddum il-kampanja

European Commission - IP/14/360   02/04/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-2 ta’ April 2014

Il-President Barroso jħabbar li seba' Kummissarji se joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ ħidma għal kemm iddum il-kampanja

Illum, il-President Barroso ħabbar li seba' Kummissarji se joħroġu għall-elezzjoni u li sitta minnhom se jinħelsu mill-kompiti tagħhom permezz ta' liv elettorali sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-kampanja elettorali.

Il-Membri tal-Kummissjoni li ġejjin infurmaw lill-President li għandhom l-intenzjoni li jipparteċipaw b’mod attiv fil-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew:

Il-Viċi President Reding, responsabbli mill-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza

Il-Viċi President Tajani, responsabbli mill-industrija u l-intraprenditorija

Il-Viċi President Šefčovič, responsabbli mir-relazzjonijiet interistituzzjonali u l-amministrazzjoni

Il-Viċi President Rehn, responsabbli mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji kif ukoll mill-Ewro

Il-Kummissarju Lewandowski, responsabbli mill-ipprogrammar finanzjarju u l-baġit

Il-Kummissarju Mimica, responsabbli mill-politika tal-konsumatur.

Il-President iddeċieda li jagħti lil dawn il-Kummissarji liv elettorali bejn id-19 ta’ April u l-25 ta’ Mejju, bl-eċċezzjoni tal-Viċi President Rehn li l-liv elettorali tiegħu se jibda mis-7 ta’ April. Kif previst fil-Kodiċi tal-Kondotta, dan il-liv huwa bla ħlas u matul dan il-perjodu l-Kummissarji ma jistgħux jużaw ir-riżorsi umani jew materjal tal-Kummissjoni. Il-Kummissarji kollha bil-liv elettorali jidħlu lura għax-xogħol il-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju. Jekk jiġu eletti, dawk li jiddeċiedu li jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament Ewropew ikollhom jirriżenjaw mill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Ġunju.

Il-President Barroso ddeċieda wkoll min se jkun temporanjament responsabbli f'livell politiku mill-portafolli tal-Kummissarji li se jkunu bil-liv elettorali. Id-deċiżjonijiet tiegħu huma dawn:

Il-President se jkun responsabbli mill-portafoll tal-Viċi President Šefčovič, li huwa responsabbli mir-relazzjonijiet interistituzzjonali u l-amministrazzjoni

Il-Viċi President Kallas se jkun responsabbli mill-portafoll tal-Viċi President Rehn, li huwa responsabbli mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji kif ukoll l-Ewro

Il-Kummissarju Piebalgs se jkun responsabbli mill-portafoll tal-Kummissarju Lewandowski, li huwa responsabbli mill-ipprogrammar finanzjarju u l-baġit

Il-Kummissarju Hahn se jkun responsabbli mill-portafoll tal-Viċi President Reding, li hija responsabbli mill-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza

Il-Kummissarju Barnier se jkun responsabbli mill-portafoll tal-Viċi President Tajani, li huwa responsabbli mill-industrija u l-intraprenditorija

Il-Kummissarju Andor se jkun responsabbli mill-portafoll tal-Kummissarju Mimica, li huwa responsabbli mill-politika tal-konsumatur.

Matul il-perjodu tal-liv elettorali, il-Kabinetti u s-servizzi tal-Kummissarji li jkunu bil-liv se jkunu taħt u se jaħdmu mal-Kummissarji li temporanjament huma responsabbli mill-portafoll tal-Kummissarju attwali tagħhom.

Il-Kodiċi tal-Kondotta tal-Kummissarji jipprevedi wkoll dawk il-każijiet meta Kummissarju joħroġ għall-elezzjoni iżda fl-istess ħin ma jkunx attiv fil-kampanja ("il-President, filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari, ...jiddeċiedi dwar jekk il-parteċipazzjoni prevista fil-kampanja elettorali hijiex kompatibbli mal-kompiti tal-Kummissarju".) Dan huwa l-każ tal-Kummissarju De Gucht responsabbli mill-Kummerċ. De Gucht assigura li mhux se jipparteċipa b’mod attiv fil-kampanja u se jkompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu bħala Kummissarju. De Gucht iddikjara wkoll pubblikament li mhux se jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew jekk jiġi elett.

Kif previst fil-Ftehim Qafas ta' bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (ĠU L 304, l-20 ta’ Novembru 2010), il-President Barroso informa lill-President tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq li għandhom x'jaqsmu mal-liv elettorali. Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri ġiet infurmata wkoll.

Il-kuntest:

Bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju l-Ewropej se jivvutaw għal Parlament Ewropew ġdid waqt elezzjonijiet li se jsiru mal-Unjoni Ewropea kollha.

Kif previst fil-Kodiċi tal-Kondotta għall-Kummissarji (C(2011) 2904), il-Kummissarji “jistgħu jkunu politikament attivi”. Meta jiddeċiedu li joħorġu għall-elezzjoni, dawn “jgħarrfu lill-President li għandhom l-intenzjoni li jipparteċipaw f’kampanja elettorali, u r-rwol li jkun se jkollhom f'din il-kampanja. Jekk ikollhom l-intenzjoni li jieħdu rwol attiv fil-kampanja elettorali, iridu jieqfu mill-ħidma tagħhom mal-Kummissjoni waqt il-perjodu kollu li fih ikunu qed jipparteċipaw b'mod attiv, u għal mill-inqas kemm iddum il-kampanja”.

Il-Kodiċi tal-Kondotta għall-Kummissarji:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/pdf/code_conduct_en.pdf

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)

Għall-pubbliku: Europe Direct fuq in-numru tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website