Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta’ April 2014

Monitoraġġ tad-dinja: Is-satellita tal-programm Copernicus lesta biex titnieda

Il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna bil-ħerqa t-tnedija tal-ewwel satellita ddedikata għall-programm “Copernicus”, imsejħa ”Sentinel 1a”, li se ssir fit-3 ta’ April mill-port spazjali tal-Ewropa li jinsab fil-Gujana Franċiża. It-tluq huwa skedat għall-23.02, ħin ta’ Brussell.

Il-Programm tal-UE ta’ Monitoraġġ tad-Dinja, imsejjaħ “Copernicus”, se jiżgura osservazzjoni u monitoraġġ regolari tas-sottosistemi tad-dinja u tal-atmosfera, l-oċeani u l-uċuħ kontinentali tagħha, u se jipprovdi tagħrif affidabbli, ivvalidat u ggarantit li se jappoġġa firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet u deċiżjonijiet ambjentali u tas-sigurtà (MEMO/14/251). Din it-tnedija hija pass importanti għall-programm “Copernicus”. Biha se jibda jkun hemm dejta speċifika ta' monitoraġġ tad-dinja immedjatament għad-dispożizzjoni tas-servizzi operattivi.

Il-programm “Copernicus” se jappoġġa l-kompiti vitali ta’ monitoraġġ tal-ambjent u tas-sigurtà tagħna billi jipprovdi dejta ta’ monitoraġġ tad-dinja. Id-dejta li din is-satellita se tipprovdi se tippermetti li jsir progress konsiderevoli fit-titjib tas-sigurtà marittima, fil-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima u fl-għoti ta’ appoġġ f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ kriżi.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea @AntonioTajaniEU, li huwa responsabbli għall-industrija u l-intraprenditorjia, qal: “L-ispazju huwa prijorità għall-Unjoni Ewropea; il-baġit għaż-żewġ programmi spazjali Ewropej ewlenin, imsejħin “Galileo” u “Copernicus”, għas-seba’ snin li ġejjin huwa assikurat. Se jkun hemm investiment ta’ kważi EUR 12-il biljun fit-teknoloġiji spazjali. Waħda mill-prijoritajiet tiegħi hija li niżgura li dan il-baġit ikattar il-benefiċċji tal-programmi spazjali tagħna għaċ-ċittadini Ewropej.”

Għal aktar tagħrif:

IP/14/78 L-Ewrobarometru dwar l-attitudni tal-Ewropej lejn l-attivitajiet spazjali

http://copernicus.eu

Il-programm “Copernicus” fuq is-sit tal-Unjoni Ewropea

Is-satellita “Sentinel 1”

Is-satellita “Sentinel-1” hija l-ewwel missjoni mis-sitta previsti fil-kuntest tal-inizjattiva “Copernicus”. Għal din il-missjoni hemm kostellazzjoni ta’ żewġ satelliti li jduru fl-orbita madwar il-poli, imsejħin “Sentinel-1A” u “Sentinel-1B”, li jinsabu fuq l-istess pjan orbitali, u li jiġbru immaġni lejl u nhar permezz ta’ radar b’apertura sintetika (SAR).

Is-satellita “Sentinel-1A” titħaddem b’erba’ modi tal-immaġni li għandhom riżoluzzjoni differenti (sa 5 m) u kopertura differenti (sa 250 km), u toffri monitoraġġ affidabbli u ripetut ta’ żona wiesgħa. Din is-satellita hija ddisinjata biex taħdem b’mod ipprogrammat minn qabel u tiġbor immaġni b’riżoluzzjoni għolja tal-massi kollha tal-art, taż-żoni ta’ mal-kosta u tar-rotot tat-tbaħħir b'mod li tkopri l-oċean globali. Dan jiżgura l-affidabbiltà tas-servizz, li hija meħtieġa mis-servizzi operattivi, u jiżgura li jiġi stabbilit arkivju ta’ dejta konsistenti fit-tul għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq sensiliet ta’ dejta miġburin fuq perjodu twil taż-żmien.

Is-servizzi tas-satellita “Sentinel-1A” jinkludu applikazzjonijiet bħal dawn li ġejjin:

il-monitoraġġ taż-żoni tal-baħar bis-silġ u tal-ambjent tal-Artiku;

is-sorveljanza tal-ambjent tal-baħar, fosthom il-monitoraġġ tat-tixrid taż-żejt u l-lokalizzazzjoni tal-bastimenti biex ikun hemm is-sigurtà marittima;

il-monitoraġġ tar-riskji ta’ ċaqliq ta’ wiċċ l-art;

il-ħolqien ta’ mapep ta’ wiċċ l-art (il-foresti, l-ilmijiet, l-artijiet bil-ħamrija u l-agrikoltura sostenibbli);

il-ħolqien ta’ mapep għall-għajnuna umanitarja f’każijiet ta’ kriżi;

il-monitoraġġ tal-klima.

Ir-Regolament dwar il-Copernicus

Ir-Regolament dwar il-Copernicus, li dwaru nkiseb ftehim politiku mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u mill-Parlament Ewropew, jiddefinixxi l-objettivi, il-governanza u l-finanzjament ta' Copernicus (madwar €4.3 biljun) għall-perjodu 2014-2020.

Copernicus jiftaħ il-bibien għall-opportunitajiet tan-negozju

Il-Copernicus se jgħin ukoll l-intrapriżi tal-Ewropa biex joħolqu impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda, partikolarment servizzi għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' dejta ambjentali, kif ukoll jagħti appoġġ lill-industrija tal-ispazju stess. B'mod indirett, se jkun hemm varjetà ta' setturi ekonomiċi oħra li jistgħu jibbenefikaw minn dejta ta' osservazzjoni tad-dinja akkurata u affiddabbli, bħalma huma t-trasport, iż-żejt u l-gass, l-assigurazzjoni u l-agrikultura.

L-istudji juru li sal-2030 Copernicus kapaċi jiġġenera benefiċċju finanzjarju ta' madwar €30 biljun u joħloq madwar 50,000 impjieg fl-Ewropa. Barra minn hekk, is-sistema ta' disseminazzjoni miftuħa għad-dejta u s-servizzi ta' informazzjoni miksuba permezz ta' Copernicus se jgħinu liċ-ċittadini, in-negozji, ir-riċerkaturi u lil dawk li jfasslu l-politika biex jintegraw dimensjoni ambjentali fl-attivitajiet kollha u fil-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet kollha tagħhom.

Sa mil-lum stess, l-attivitajiet fl-ispazju qegħdin irawmu l-iżvilupp ta' suq għal prodotti u servizzi li jaħdmu permezz tas-satellita, u hekk jipprovdu l-impjiegi bi kwalifiki għolja li l-industrija tagħna jeħtieġ ikollha sabiex tirnexxi issa u fil-ġejjieni.

Persuni ta’ kuntatt:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Twitter: @ECspokesCorazza

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website