Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Greċja hija s-16-il Stat Membru li ffirma r-regoli tal-UE li jgħinu lill-koppji internazzjonali

European Commission - IP/14/34   27/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-Tnejn, is-27 ta' Jannar 2014

Il-Greċja hija s-16-il Stat Membru li ffirma r-regoli tal-UE li jgħinu lill-koppji internazzjonali

Illum, il-Greċja ħabbret id-deċiżjoni tagħha li tingħaqad mal-15-il pajjiż li diġà qegħdin jipparteċipaw fir-regoli tal-UE li jippermettu lill-koppji internazzjonali li jagħżlu l-liġi ta’ liema pajjiż tapplika għad-divorzju tagħhom. Ir-regoli l-ġodda, stabbiliti minn Ġunju 2012, wasslu għall-ewwel darba lill-Istati Membri tal-UE biex jiddeċiedu li jipproċedu bl-integrazzjoni permezz tal-proċedura ta' "kooperazzjoni msaħħa" (IP/10/347). Il-kooperazzjoni msaħħa – li kienet introdotta bit-Trattat ta’ Nizza fl-2001, iżda ma ntużatx sal-Kummissjoni Barroso II – illum tippermetti grupp ta’ mill-inqas disa’ Stati Membri biex jimplimentaw il-miżuri jekk it-28 Stat Membru kollha kemm huma ma jilħqux ftehim. Fil-każ tar-regoli tad-divorzju, din għamlitha possibbli, li fl-2011, għall-ewwel 14-il pajjiż (ara l-isfond) jaqblu dwar Regolament li l-Litwanja ngħaqdet miegħu fl-2012 (IP/12/1231) u issa anki l-Greċja. L-għanijiet tar-Regolament huma li jagħtu ċertezza legali lill-koppji u jipprevjenu "urġenza li l-każ jitressaq quddiem qorti" u t-tiftix għall-aktar qorti favorevoli f'każijiet ta' divorzju, filwaqt li jevitaw proċedimenti li jkunu emozzjonalment diffiċli u finanzjarjament għaljin.

"Ir-regoli tal-UE dwar id-divorzju transfruntier wasslu għal kisbiet ġodda fl-integrazzjoni Ewropea. Dawn wittew it-triq 'il quddiem f’oqsma fejn in-nuqqas ta’ unanimità kien ostaklu għall-progress, u għamlu l-innovazzjonijiet legali tat-Trattat ta’ Lisbona realtà prattika," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Huwa inkoraġġanti ħafna nara li saħansitra stat ieħor talab li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa li tgħin lill-koppji internazzjonali li jkunu għaddejjin minn proċeduri ta' divorzju. Filwaqt li l-moviment liberu ta’ persuni jippermetti lill-irġiel u lin-nisa minn madwar l-Ewropa kollha biex jiltaqgħu u jsibu l-imħabba, għandna niżguraw li jkun hemm ċertezza legali f’każ ta’ divorzju."

Ir-Regolament dwar il-liġi applikabbli għad-divorzju għandu l-għan li jħares lis-sieħeb l-aktar dgħajjef matul il-proċeduri tad-divorzju. Dan jippermetti lill-koppji internazzjonali jaqblu minn qabel dwar liema liġi tapplika fil-każ tad-divorzju jew is-separazzjoni legali tagħhom. Fil-każ li l-koppja ma tkunx tista' taqbel, l-imħallfin se jkollhom regola komuni biex jiddeċiedu liema liġi tal-pajjiż tapplika. Ir-Regolament, li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Ġunju 2012, ma għandu l-ebda effett fuq il-liġijiet nazzjonali tad-divorzju jew taż-żwieġ u lanqas ma jipprevedi l-adozzjoni tar-regoli li jaffettwaw il-liġi sostantiva tal-familja tal-Istati Membri.

Bi kważi miljun każ ta' divorzju fiż-żona tal-UE fl-2009 (dejta tal-EUROSTAT) is-soluzzjoni tgħin lil koppji ta’ nazzjonalitajiet differenti, lil dawk li jgħixu separati f’pajjiżi differenti, kif ukoll dawk li jgħixu flimkien f’pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta’ appartenenza tagħhom u tħarishom minn proċeduri kkumplikati, twal u diffiċli.

Il-leġiżlazzjoni tad-divorzju kienet ta' eżempju sabiex jingħeleb in-nuqqas ta' ftehim fost l-Istati Membri f'oqsma oħrajn ta' politika fejn il-kooperazzjoni msaħħa bdiet tintuża: il-privattiva unitarja tal-UE (MEMO/12/971) u l-proposta għal Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (IP/13/115).

Sfond

Skont it-Trattati tal-UE, il-kooperazzjoni msaħħa tippermetti lil disa' pajjiżi jew aktar biex jimxu ’l quddiem dwar miżura li hija importanti, iżda hija imblukkata minn minoranza żgħira ta' Stati Membri. Pajjiżi oħrajn tal-UE għandhom id-dritt li jingħaqdu meta jixtiequ (l-Artikolu 331 TFUE).

Fit-12 ta' Lulju 2010 il-gvernijiet tal-UE adottaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa dwar il-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (IP/10/917, MEMO/10/100). Din ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-22 ta' Lulju 2010. L-14-il pajjiż parteċipanti (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja) nnegozjaw f'dak iż-żmien u fl-20 ta' Diċembru 2010 adottaw ir-Regolament tal-Kunsill (ippubblikat fid-29 ta' Diċembru 2010 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE) li jinkludi regoli dettaljati li se japplikaw għal divorzji transfruntiera.

Stati Membri oħra li jixtiequ jieħdu sehem jistgħu jissottomettu t-talba tagħhom f'kull ħin. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, huma jridu l-ewwel jgħarrfu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Wara l-Litwanja, il-Greċja hija t-tieni Stat Membru addizzjonali li għarrfet lill-istituzzjonijiet dwar ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa.

Aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea - Kwistjonijiet tal-familja u suċċessjonijiet:

http://ec.europa.eu/justice/civil/family-matters/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+ 32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+ 32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website