Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta’ Marzu 2014

Il-pjan ta' direzzjoni tal-Kummissjoni biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat pakkett ta' miżuri biex tistimola mezzi ġodda u differenti biex tiftaħ finanzjament fit-tul biex issostni ir-ritorn tal-Ewropa għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Investiment fit-tul sinifikanti huwa meħtieġ fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-pakkett dwar l-enerġija u l-klima 2030, fl-infrastruttura, fit-teknoloġiji l-ġodda u l-innovazzjoni, fir-R&Ż u fil-kapital uman. Il-ħtiġijiet waħedhom tal-investiment għat-trasport, għall-enerġija u għan-netwerks tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni ta' importanza tal-UE ġew stmati li jiswew EUR 1 triljun għall-perjodu sal-2020 kif definit mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja affettwat l-abbiltà tas-settur finanzjarju biex jalloka l-fondi fl-ekonomija reali, b'mod partikolari fl-investiment fit-tul. L-Ewropa minn dejjem kienet tiddependi ħafna fuq banek li jiffinanzjaw l-ekonomija reali (żewġ terzi tal-finanzjament jiġu mill-banek, meta mqabbla ma' terz fl-Istati Uniti tal-Amerika). Peress li l-banek qed jagħmlu tnaqqis fl-ingranaġġ, hemm inqas finanzjament disponibbli fis-setturi kollha tal-ekonomija – pereżempju inqas minn terz tal-SMEs tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Greċja u madwar nofs biss tal-SMEs ta' Spanja u l-Italja ħadu l-ammont sħiħ ta' kreditu li applikaw għalih fl-2013.

Huwa essenzjali li naġixxu biex nirrestawraw il-kundizzjonijiet għal tkabbir u investiment sostenibbli u parti minnu jfisser li jridu jinstabu mezzi ġodda biex il-fondi jiġu allokati f'investiment fit-tul. Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea ta' Marzu 2013 (IP/13/274) tat bidu għal dibattitu wiesgħa u wassal għal tweġibiet mis-segmenti kollha tal-ekonomija. Il-pakkett ta' miżuri adottat illum jinkludi komunikazzjoni wiesgħa dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija, proposta leġiżlattiva għal regoli ġodda għall-fondi tal-pensjoni okkupazzjonali u komunikazzjoni dwar il-finanzjament kollettiv. Il-komunikazzjoni tibni fuq ir-reazzjonijiet ta' din il-konsultazzjoni u fuq id-dibattitu fil-fora internazzjonali bħall-G20 u l-OECD. Tidentifika l-miżuri speċifiċi li l-UE tista' tieħu biex tħeġġeġ finanzjament fit-tul.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Konna ambizzjużi fl-aġenda regolatorja finanzjarja tagħna, b'riżultati pożittivi għall-istabbiltà u l-fiduċja finanzjarja. Hekk kif l-irkupru ekonomiku qed jerġa' jiġi fuq saqajh, irridu nkunu ambizzjużi bl-istess mod fis-sostenn tagħna għat-tkabbir. L-Ewropa għandha ħtiġijiet ta' finanzjament fit-tul kbar biex tiffinanzja tkabbir sostenibbli – it-tip ta' tkabbir li jżid il-kompetittività u joħloq l-impjiegi b'mod intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Is-sistema finanzjarja tagħna trid terġa' tikseb u żżid l-abbiltà tagħha biex tiffinanzja l-ekonomija reali. Dan jinkludi banek kif ukoll investituri istituzzjonali bħal assiguraturi u fondi tal-pensjoni. Imma neħtieġu wkoll li niddiversifikaw is-sorsi ta' finanzjament fl-Ewropa u ntejbu l-aċċess għal finanzjament lill-SMEs li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Jiena fiduċjuż li s-sett ta' miżuri ppreżentati llum se jikkontribwixxu biex tittejjeb l-abbiltà tas-swieq kapitali Ewropej biex jallokaw fondi għall-ħtiġijiet fit-tul tagħna. Dwar l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali, il-Kummissarju Barner żied jgħid: "Is-soċjetajiet kollha tal-UE qed jaffaċċaw sfida kombinata tal-provvista ta’ rtirar kontra sfond ta' popolazzjoni li qed tixjiħ, u investiment fit-tul biex jinħoloq tkabbir. Il-fondi tal-pensjoni okkupazzjonali jinsabu bejn dawn iż-żewġ sfidi. Għandhom madwar EUR 2.5 triljun ta' assi mmaniġġati fuq perjodu fit-tul, u 75 miljun Ewropew jiddependu ħafna fuqhom għall-pensjoni ta' rtirar tagħhom. Il-proposta leġiżlattiva tal-lum se ttejjeb il-governanza u t-trasparenza ta' tali fondi fl-Ewropa, ittejjeb l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll tħeġġeġ attività ta' transfruntiera, biex tiżviluppa aktar il-fondi tal-pensjoni okkupazzjonali bħala investituri fit-tul ewlenin.”

Olli Rehn, il-Viċi President għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal: "Għandna nagħmlu użu aħjar tal-fondi pubbliċi biex nimmassimizzaw l-impatt tal-investiment produttiv dwar it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjieg. Dan ifisser il-ħolqien ta' sinerġiji u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għat-tiġdid tal-infrasturttura ewlenija. Il-baġits nazzjonali u tal-UE, kif ukoll il-banek promozzjonali u l-aġenziji tal-kerditu għall-esportazzjoni, kollha għandhom rwol importanti. Biex ngħinu lill-SMEs jiksbu r-riżorsi li jeħtieġu biex jinvestu u jespandu, irridu nħeġġu titolizzazzjoni ta' livell għoli biex niffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-finanzjament tal-kapital tas-suq."

Il-Viċi President għall-Industrija u l-Intraprenditorija Antonio Tajani żied jgħid: “L-inizjattivi ambizzjużi ppreżentati llum se jikkontribwixxu biex jagħmlu s-sistema finanzjarja aħjar fl-allokar tar-riżorsi lejn l-investimenti fit-tul, meħtieġa biex tiġi żgurata l-pożizzjoni tal-Ewropa fuq triq ta' tkabbir sostenibbli. Il-kriżi finanzjarja affettwat l-abbiltà tas-settur finanzjarju biex jalloka l-fondi fl-ekonomija reali. L-SMEs b'mod partikolari huma kontributuri ewlenin għal tkabbir sostenibbli, madankollu xorta għadhom isibuha diffiċli biex jiksbu finanzjament, b'mod partikolari fl-ekonomiji periferali. L-inizjattivi ppreżentati llum għandhom l-għan li jisfruttaw ir-riżorsi ta' finanzjament addizzjonali għall-ekonomija reali u kollha għandhom għan komuni: biex iħeġġu s-suq uniku billi joħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għat-tkabbir u għall-kompetittività fl-Ewropa."

Elementi ewlenin

Il-komunikazzjoni dwar finanzjament fit-tul tippreżenta sett ta' azzjonijiet li l-Kummissjoni se tieħu biex ittejjeb il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea (MEMO/14/238). Tnejn minn dawn l-azzjonijiet ġew żvelati llum:

  • proposta biex ikun hemm reviżjoni tar-regoli għall-fondi tal-pensjoni okkupazzjonali (reviżjoni tad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali - id-Direttiva IORP) biex jiġi appoġġat aktar żvilupp ta' tip importanti ta' investitur fit-tul fl-UE (MEMO/14/239);

  • komunikazzjoni dwar finanzjament kollettiv biex jiġu offruti għażliet ta' finanzjament alternattiv għall-SMEs (MEMO/14/240).

L-azzjonijiet jistgħu jinġabbru f'sitt oqsma ewlenin:

1. L-immobilizzar ta' sorsi privati tal-finanzjament fit-tul: l-azzjonijiet jinkludu l-iffinalizzar tad-dettalji tal-qafas prudenzjali għall-banek u għall-kumpaniji ta' assigurazzjoni b'mod li jsostnu investimenti fit-tul fl-ekonomija reali, l-immobilizzar ta' aktar tfaddil tal-pensjoni personali u t-tfittxija ta' mezzi biex jitrawmu aktar flussi ta' transfruntiera ta' tfaddil u tal-vantaġġi ta' kont ta' tfaddil possibbli tal-UE.

F'dan il-kuntest, il-proposta leġiżlattiva tal-lum għal regoli ġodda dwar il-fondi tal-pensjoni okkupazzjonali (IORP 2) għandha tikkontribwixxi għal aktar investiment fit-tul. Il-proposta għandha tliet għanijiet ewlenin:

biex tiżgura li l-membri tal-iskema tal-pensjoni jiġu mħarsa kif xieraq kontra riskji;

biex jitgawdew bis-sħiħ il-benefiċċji tas-suq uniku għall-pensjonijiet okkupazzjonali billi jitneħħew l-ostakoli għall-għoti ta' transfruntiera ta' servizzi;

biex issaħħaħ il-kapaċità ta' fondi tal-pensjoni okkupazzjonali biex isir investiment fl-assi finanzjarji bi profil ekonomiku fit-tul u b'hekk issostni l-finanzjament tat-tkabbir fl-ekonomija reali.

2. L-użu aħjar tal-finanzjament pubbliku: it-trawwim tal-attività tal-banek promozzjonali nazzjonali (istituzzjonijiet finanzjarji, maħluqa mill-gvernijiet, li jipprovdu finanzjament għall-fini tal-iżvilupp ekonomiku) u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni aħjar fost l-iskemi ta' kreditu ta' esportazzjoni (istituti li jaġixxu bħala intermedjarji bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-esportaturi biex jagħtu l-finanzjament għall-esportazzjoni). It-tnejn li huma għandhom rwol importanti fil-finanzjament fit-tul.

3. L-iżvilupp tas-swieq kapitali Ewropej: l-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali u għal gruppi ta' investiment akbar billi jinħoloq suq sekondarju likwidu u trasparenti għall-bonds korporattivi, jerġgħu jitqajjmu s-swieq tat-titolarizzazzjoni bil-konsiderazzjoni dovuta lejn ir-riskji kif ukoll lejn in-natura differenzjata ta' tali prodotti, u t-titjib tal-ambjent tal-UE għal bonds koperti u tqegħid privat.

4. It-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament: l-azzjonijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni dwar il-finanzjament fit-tul jinkludu titjib tat-tagħrif dwar il-kreditu fuq l-SMEs, jerġa' jinbeda d-djalogu bejn il-banek u l-SMEs u l-ivvalutar tal-aħjar prassi dwar kif l-SMEs jiġu megħjuna jaċċedu fis-swieq kapitali. Is-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' tagħrif dwar proġetti huma wkoll parti mill-elementi ewlenin tal-azzjonijiet mressqa fil-komunikazzjoni dwar il-finanzjament kollettiv adottata llum, li fiha l-Kummissjoni tipproponi biex:

  • tħeġġeġ l-aħjar prassi tal-industrija, sensibilizzazzjoni u tiffaċilità l-iżvilupp ta' tikketta dwar il-kwalità

  • monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp tas-sweiq tal-finanzjament kollettiv u tal-oqfsa legali nazzjonali

  • u l-valutazzjoni regolari dwar jekk kull forma ta' aktar azzjoni tal-UE – inkluża azzjoni leġiżlattiva – hijiex meħtieġa. L-għan huwa li jiġu identifikati l-kwistjonijiet li jistgħu jeħtieġu li jiġu indirizzati biex isostnu t-tkabbir tal-finanzjament kollettiv.

5. L-attirar ta' finanzjament privat lejn l-infrastruttura biex titwettaq Ewropa 2020: iż-żieda tad-disponibbiltà ta' tagħrif dwar il-pjanijiet tal-investiment tal-infrastruttura u t-titjib tal-istatistiċi tal-kreditu dwar is-self lill-infrastruttura.

6. It-tisħiħ tal-qafas usa' ta' finanzjament sostenibbli: it-titjib tal-iskema tal-governanza korporattiva għall-finanzjament fit-tul, pereżempju dwar l-impenn tal-azzjonisti (bir-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti – proposta li għandha tiġi adottata f'qasir żmien), sjieda tal-ħaddiem, rapportar tal-governanza korporattiva, u kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza (ASG).

Aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/financing-growth/long-term/index_en.htm

http://ec.europa.eu/internal_market/pensions/directive/index_en.htm

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/crowdfunding/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website