Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Jannar 2014

Il-moviment liberu tal-persuni: Il-Kummissjoni tindirizza d-diskriminazzjoni tat-taxxa kontra ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu minn pajjiż għall-ieħor

Id-dispożizzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri se jiġu eżaminati biex jiġi żgurat li ma jiddiskriminawx kontra ċ-ċittadini tal-UE li jmorru minn pajjiż għall-ieħor, f'inizjattiva mmirata li għadha kif ġiet varata mill-Kummissjoni. L-enfasi hija fuq kemm individwi ekonomikament attivi bħal ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom u dawk li mhumiex, bħal dawk li rtiraw mix-xogħol. L-inizjattiva tikkumplimenta u tlesti proġett preċedenti li kien jiffoka fuq it-trattament tat-taxxi għall-ħaddiema li jaqsmu l-fruntiera (IP/12/340).

Il-mobbiltà tal-ħaddiema ġiet identifikata bħala waħda mill-potenzjali ewlienin għaż-żieda tat-tkabbir u tal-impjiegi fl-Ewropa. Il-PDG tal-pajjiżi tal-UE-15 huwa stmat li żdied bi kważi 1% fuq medda twila ta’ żmien bħala riżultat tal-mobbiltà ta' wara t-tkabbir (2004-2009).1

Madankollu, ix-xkiel tat-taxxa jibqa' wieħed mill-aktar elementi li jgerrxu liċ-ċittadini tal-UE milli jitilqu mill-Istat minn fejn joriġinaw biex ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor. L-ostakli tat-taxxa jistgħu jinqalgħu jew fl-Istat tal-oriġini jew fl-Istat il-ġdid ta’ residenza.

Għal din ir-raġuni, matul l-2014, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni dettaljata tar-reġimi tat-taxxa tal-Istati Membri sabiex tistabbilixxi jekk joħolqux żvantaġġi għal ċittadini mobbli tal-UE. Jekk jinstab li hemm diskriminazzjoni jew ksur tal-libertajiet fundamentali tal-UE, il-Kummissjoni se tindikahom bi twissija lill-awtoritajiet nazzjonali, u tinsisti li jsiru l-emendi meħtieġa. Jekk il-problemi jippersistu, il-Kummissjoni tista' tibda proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri inkwistjoni.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Ir-regoli tal-UE huma ċari: iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom jiġu ttrattati b'mod ekwu fis-Suq Uniku. Ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni, u d-dritt tal-ħaddiema għall-moviment ħieles ma għandux jixxekkel. Huwa d-dmir tagħna lejn iċ-ċittadini sabiex niżguraw li dawn il-prinċipji jkunu riflessi fil-prattika fir-regoli tat-taxxa tal-Istati Membri kollha.

Peress li l-ostakli tat-taxxa għadhom wieħed mill-akbar deterrenti għall-moviment minn pajjiż għall-ieħor, il-Kummissjoni qed taħdem fuq diversi fronti biex telimina x-xkiel għaċ-ċittadini tal-UE, pereżempju fil-proposta tagħha li tindirizza t-tassazzjoni doppja (IP/11/1337), biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-jeddijiet tal-ħaddiema għall-moviment ħieles (IP/13/372, MEMO/13/384), jew biex tagħti mbuttatura lill-protezzjoni ta' ħaddiema stazzjonati (IP/13/1230, MEMO/13/1103).

Sfond

L-inizjattiva tal-Kummissjoni se tifli bir-reqqa u tivvaluta jekk iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom hux qed jiġu penalizzati u intaxxati iktar bħala riżultat tal-mobbiltà tagħhom. Dan jista’ jkun jew fl-Istat Membru tal-oriġini, jew ta' fejn jagħżlu li jiċċaqilqu. Iċ-ċittadini jistgħu jsofru żvantaġġi ta' taxxa:

  • minħabba l-post tal-investimenti jew l-assi tagħhom, il-post ta' fejn jinsab il-kontribwent innifsu jew minħabba s-sempliċi bidla tar-residenza tal-kontribwent;

  • fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lejn l-iskemi tal-pensjonijiet, il-wasla tal-pensjonijiet jew it-trasferimenti tal-kapital tal-assigurazzjoni tal-pensjoni u tal-ħajja;

  • fir-rigward tal-attivatijiet tagħhom ta' xogħol għal rashom fi Stat ieħor jew minħabba s-sempliċi rilokazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn;

  • minħabba ċ-ċaħda ta’ ċertu tnaqqis mit-taxxi jew benefiċċji tat-taxxa;

  • fir-rigward tal-ġid akkumulat tagħhom.

B'dan f'moħħha, il-Kummissjoni se tifli s-sitwazzjoni ta' ħafna kategoriji differenti taċ-ċittadini tal-UE: ħaddiema, ħaddiema għal rashom kif ukoll pensjonanti.

Id-dritt li wieħed jgħix u jaħdem kull fejn irid fl-UE huwa dritt fundamentali għaċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll strument ewlieni għall-iżvilupp tas-suq tal-impjiegi mifrux mal-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema (pereż. il-proposta tal-Kummissjoni biex timmodernizza l-EURES, in-netwerk pan-Ewropew tat-tiftix tax-xogħol IP/14/26, MEMO/14/22, MEMO/14/23) imma wkoll tiżgura li l-ħadiema u ċ-ċittadini tal-UE li joqogħdu fi Stati oħrajn minbarra tagħhom stess ma jkunux ittrattati b'mod differenti minn ċittadini tal-Istat li jkun qed jospitahom u li jkunu jistgħu jgawdu mill-vantaġġi tat-taxxa bħala ħaddiema nazzjonali.

Iktar informazzjoni

Il-sit tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Kuntatti:

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Franck Arrii (+32 2 297 22 21)

1 :

L-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa fl-2011, il-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE u l-impatt tat-tkabbir, p. 274.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website