Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2014

Prodotti organiċi: Proposta tal-Kummissjoni għal aktar prodotti organiċi ta' kwalità aqwa

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposti ġodda għal Regolament ġdid dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. Fil-qalba tal-proposta l-ġdida, li għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet tas-sistema attwali, insibu t-tħassib tal-produtturi u tal-konsumaturi. Is-suq tal-prodotti organiċi tal-UE żdied fid-daqs b’erba’ darbiet tul l-aħħar 10 snin, u jeħtieġ li r-regoli jiġu aġġornati u aġġustati sabiex is-settur ikun jista’ jkompli jiżviluppa u jirreaġixxi għall-isfidi tal-futur.

Dacian Cioloş, il-Kummissjarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, illum stqarr: "Il-futur tas-settur tal-prodotti organiċi fl-UE jiddependi fuq il-kwalità u l-integrità tal-prodotti li jinbiegħu bil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea." Il-Kummissjoni qed tfittex li jkun hemm aktar biedja organika ta' kwalità aqwa fl-UE billi tikkonsolida l-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi, u billi telimina l-ostakoli għall-iżvilupp tal-biedja organika. Dan il-pakkett huwa tajjeb kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-bdiewa. Il-konsumaturi se jkollhom garanziji aħjar fir-rigward tal-ikel organiku magħmul u mibjugħ fl-UE u l-bdiewa, il-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut se jkollhom aċċess għal suq ikbar, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE". '

Il-proposta tiffoka fuq tliet objettivi ewlenin: iż-żamma tal-kunfidenza tal-konsumatur, iż-żamma tal-kunfidenza tal-produttur u sistema li biha l-bdiewa jkunu jistgħu jsibuha eħfef biex jaqilbu għall-biedja organika. L-għan hu li l-biedja organika ma titbiegħidx mill-prinċipji u l-objettivi tagħha, sabiex jiġu ssodisfati d-domandi pubbliċi f’termini ta’ ambjent u kwalità. Il-Kummissjoni qed tipproponi, b’mod partikolari:

li r-regoli jiġu msaħħa u armonizzati, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-rigward ta' prodotti importati, billi jiġu eliminati ħafna mill-eċċezzjonijiet f’termini ta’ produzzjoni u kontrolli;

li l-kontrolli jiġu msaħħa, billi dawn jiġu bbażati fuq ir-riskju;

li ssir aktar faċli għall-bdiewa ż-żgħar li jingħaqdu fil-biedja organika billi tiġi introdotta l-possibbiltà li dawn jinkitbu f'sistema ta’ ċertifikazzjoni ta' grupp;

li d-dimensjoni internazzjonali tal-kummerċ tal-prodotti organiċi tiġi indirizzata aħjar billi jiġu miżjuda dispożizzjonijiet ġodda dwar l-esportazzjonijiet; u fl-aħħar nett

li l-leġiżlazzjoni favur it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi għall-bdiewa tiġi ssimplifikata.

Sabiex il-bdiewa li jipproduċu prodotti organiċi, il-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut ta' prodotti organiċi ikunu megħjuna jaġġustaw għall-bidliet proposti fil-politika u jindirizzaw l-isfidi fil-ġejjieni, il-Kummissjoni approvat ukoll Pjan ta’ Azzjoni dwar il-futur tal-Produzzjoni Organika fl-Ewropa. Il-Pjan jipprevedi li l-bdiewa jiġu infurmati aħjar dwar l-iżvilupp rurali u dwar l-inizjattivi tal-politika agrikola tal-UE li jinkoraġġixxu l-biedja organika, sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn il-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE u l-produzzjoni tal-prodotti organiċi, u sabiex jiġi nkoraġġut l-użu ta’ ikel organiku, pereżempju fl-iskejjel.

Sfond

Il-proposta, li se titressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tkompli tibni fuq is-sejbiet ta’ proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ li beda fl-2012 u li kien jinkludi sensiela ta’ seduti ta’ smigħ ma’ esperti internazzjonali u tal-UE dwar il-produzzjoni organika. Konsultazzjoni pubblika li saret fl-2013 intlaqgħet b'interess qawwi mill-pubbliku (b’45 000 tweġiba, iktar minn 'konsumaturi', milli minn 'produtturi'). Din enfasizzat l-elementi ta’ tħassib tal-pubbliku rigward kwistjonijiet ambjentali u ta’ kwalità, u wriet li hemm domanda ċara għal regoli msaħħa u aktar uniformi dwar il-produzzjoni organika fl-UE kollha.

Il-biedja organika tgħaqqad flimkien l-aqwa prattiki ambjentali, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u standards għoljin ta’ produzzjoni bbażati fuq sustanzi u proċessi naturali. Din it-tip ta' biedja tipprovdi għal suq speċifiku li jwieġeb għal domanda speċifika tal-konsumatur, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi prodotti pubbliċi f’termini ta’ ħarsien ambjentali, ta' benessri tal-annimali u ta' żvilupp rurali.

Aktar informazzjoni

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-14-215_en.htmMEMO/14/215

Il-websajt tal-biedja organika (ara t-taqsimiet: EU POLICY/ Policy development and Latest News)

Info graphics "http://ec.europa.eu/agriculture/organic/images/infographics/organic-farming_mt.pdf"

Rapport "Facts and figures on organic agriculture in the European Union"

Kuntatti:

Roger Waite (+32 2 296 14 04)

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website