Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ħidma għas-sikurezza tal-konsumaturi. L-10 anniversarju tas-Sistema ta' Twissija Bikrija Ewropea dwar il-prodotti perikolużi

European Commission - IP/14/311   25/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2014

Ħidma għas-sikurezza tal-konsumaturi. L-10 anniversarju tas-Sistema ta' Twissija Bikrija Ewropea dwar il-prodotti perikolużi

Is-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-UE (RAPEX) ilha tul dawn l-aħħar 10 snin tipproteġi lill-konsumaturi Ewropej kontra prodotti mhux tal-ikel li huma perikolużi. Fl-2013 ittieħdu total ta' 2,364 miżura mill-Istati Membri tal-UE. Din iċ-ċifra turi żieda ta' 3.8% fl-għadd ta' twissijiet bi tqabbil mal-2012, u tkompli x-xejra ta' żieda tat-twissijiet li ilha tidher sa mit-twaqqif tar-RAPEX fl-2003.

"Ir-RAPEX turi li l-Ewropa qiegħda żżomm għajnejha miftuħin, u jimpurtaha mis-sikurezza tal-500 miljun ċittadin. Hija qasam li juri kemm tirnexxi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna. L-10 anniversarju tar-RAPEX jagħti xhieda tal-importanza dejjem tiżdied li jagħtu l-awtoritajiet tal-infurzar lill-kooperazzjoni biex niżguraw Suq Uniku aktar sikur." – qalet Neven Mimica, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur.

Ir-RAPEX hija s-sistema ta' twissija bikrija tal-UE li tintuża bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' prodotti mhux tal-ikel. Ir-rwol tagħha huwa li b'mod rapidu xxerred l-informazzjoni dwar prodotti li jistgħu jkunu perikolużi u l-azzjonijiet ta' infurzar nazzjonali. Dan jissarraf f'identifikazzjoni u tneħħija bikrija ta' prodotti li jistgħu jkunu ta' periklu għall-konsumaturi, mis-swieq tal-UE.

Mit-twaqqif tar-RAPEX fl-2003, l-għadd ta' twissijiet u azzjonijiet ta' segwitu li twettqu b'reazzjoni għalihom żdied b'mod regolari. Minn madwar 200 notifika li waslulha fl-2003, illum il-ġurnata r-RAPEX tirċievi u tikkomunika madwar l-Istati Membri kollha, aktar minn 2000 notifika fis-sena.

Liema huma dawk il-prodotti li jistgħu jkunu ta' riskju?

Fl-2013, il-ħwejjeġ, it-tessuti u l-oġġetti tal-moda (34%), u warajhom il-ġugarelli (25 %), kienu ż-żewġ kategoriji tal-prodotti prinċipali li dwarhom kellhom jittieħdu miżuri korrettivi. Fost ir-riskji nnotifikati l-aktar ta' spiss ikkawżati minn dawn il-prodotti kien hemm riskji kimiċi, riskji ta' tgħalliq u riskji ta' korriment u ta' fgar.

Ir-riskji kimiċi jeżistu kemm fil-ħwejjeġ, kif ukoll fil-ġugarelli (eż. il-Kromju VI fiż-żraben u f'oġġetti tal-ġilda, il-ftalati fil-ġugarelli). Ir-riskju ta' tgħalliq jew ta' korrimenti minħabba l-lazzijiet u l-kordi kien ir-raġuni ewlenija għall-avviżi dwar il-ħwejjeġ. Eżempji oħrajn ta' prodotti pprojbiti fl-2013 jinkludu oġġetti tal-kura tat-tfal (banjijiet tat-trabi mhux stabbli, pushchairs li jingħalqu f'salt), u linek tat-tatus li fihom għadd ta' sustanzi kimiċi pprojbiti. Il-kumpaniji għandhom jaċċertaw ruħhom li r-riskji magħrufin jitqiesu qabel ma tibda l-produzzjoni, u jekk isiru l-iżbalji, huwa importanti li jirtiraw jew isejħu lura l-prodott mis-suq.

Minn fejn ġejjin?

Il-pajjiż ta' oriġini ewlieni fis-sistema tat-twissijiet huwa ċ-Ċina. Is-sena li għaddiet, 64 % tal-għadd totali tan-notifiki dwar prodotti li jistgħu jkunu ta' periklu kienu relatati ma' prodotti ġejjin miċ-Ċina.

Biex il-produtturi Ċiniżi jiġu infurmati aħjar u jsiru aktar konxji mir-rekwiżiti, l-UE qed twettaq ħidma bilaterali maċ-Ċina dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet u dwar attivitajiet ta' komunikazzjoni. F'dan id-djalogu, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza wkoll ir-rilevanza li tingħata importanza t-traċċabbiltà tal-prodotti li dwarhom isiru t-twissijiet. Studju riċenti minn grupp ta' esperti appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea jistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet kemm dwar kif tista' tittejjeb it-traċċabbiltà kif ukoll dwar dak li jridu joqogħdu attenti għalih il-konsumaturi1.

RAPEX: 2013 f'ċifri

2,364 għadd totali ta’ twissijiet

31 għadd ta' pajjiżi parteċipanti (l-UE28 + in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein)

l-aktar 5 kategoriji tal-prodotti li saru t-twissijiet dwarhom ta' spiss fl-2013:

25 % Ħwejjeġ, tessuti u oġġetti tal-moda;

25 % Ġugarelli;

9 % Apparati u tagħmir tal-elettriku;

7 % Vetturi bil-mutur;

4 % Kożmetiċi

Twissijiet skont il-pajjiż li minnu jkun ġej il-prodott innotifikat:

64% Iċ-Ċina, inkluża Ħong Kong;

15% Pajjiżi tal-UE-28 u taż-ŻEE;

10 % Mhux magħruf minn fejn;

11 % Oħrajn

Għal aktar informazzjoni ara:

MEMO/14/214

Ħolqa għall-materjali ta' komunikazzjoni tar-RAPEX:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/reports/index_en.htm

https://twitter.com/EU_Consumer

Kuntatti:

David Hudson (+32 2 296 83 35)

Madalina Chiriac (+32 2 297 44 13)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website