Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2014

Ewrobarometru dwar l-isport juri livelli għolja ta’ inattività fl-UE

Skont ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-isport u l-attività fiżika, 59% taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea qatt jew kważi qatt ma jagħmlu eżerċizzju jew jieħdu sehem f’xi sport, filwaqt li 41% minnhom jipprattikaw xi tip ta' attività fiżika mill-inqas darba fil-ġimgħa.

In-nies tal-Ewropa ta’ Fuq huma aktar attivi fiżikament minn dawk li jgħixu fil-pajjizi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Ewropa. 70% ta’ dawk li rrispondew fl-Isvezja qalu li jagħmlu xi tip ta' eżerċizzju jew li jieħdu sehem f'xi tip ta' sport mill-inqas darba fil-ġimgħa. Wara l-Isvezja nsibu d-Danimarka (68%) u l-Finlandja (66%), il-Pajjiżi l-Baxxi (58%) u l-Lussemburgu (54%). Fit-tarf l-ieħor tal-iskala, 78% ta' dawk li rrispondew fil-Bulgarija qalu li qatt ma jagħmlu attivitajiet ta' dan it-tip. Wara l-Bulgarija nsibu lil Malta (75%), lill-Portugall (64%), lir-Rumanija (60%) u lill-Italja (60%).

Rigward dawn is-sejbiet, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-isport Androulla Vassiliou stqarret: "Ir-riżultati tal-Ewrobarometru jikkonfermaw li hemm bżonn li jkun hemm miżuri biex aktar nies jiġu mħeġġa jipprattikaw l-isport u l-attività fiżika bħala parti mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan huwa kruċjali, mhux biss f’termini tas-saħħa, tal-benessri u tal-integrazzjoni tal-individwu, iżda wkoll b'rabta mal-ispejjeż ekonomiċi sinifikanti li jirriżultaw min-nuqqas ta’ attività fiżika. Il-Kummissjoni timpenja ruħha biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex iħeġġu lill-membri tal-pubbliku biex ikunu aktar attivi. Se nimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li ġiet adottata dan l-aħħar dwar l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa, u beħsiebna nimxu 'l quddiem bil-pjanijiet tagħna rigward Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Għall-ewwel darba, il-programm il-ġdid Erasmus + se jipprovdi finanzjament għal inizjattivi transnazzjonali għall-promozzjoni tal-isport u tal-attività fiżika."

L-istħarriġ juri li huma l-awtoritajiet lokali, b’mod partikolari, li jistgħu jagħmlu aktar biex jinkoraġġixxu liċ-ċittadini biex ikunu fiżikament attivi. Filwaqt li 74% minn dawk li rrispondew huma tal-fehma li l-klabbs sportivi lokali u fornituri oħra jipprovdu biżżejjed opportunitajiet għal dan, 39% huma tal-opinjoni li l-awtoritajiet lokali tagħhom mhumiex qed jagħmlu biżżejjed.

Sfond

Dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar għall-Kummissjoni Ewropea minn TNS Opinion & Social network fit-28 Stat Membru bejn it-23 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2013. F’dan l-istħarriġ ħadu sehem kważi 28 000 persuna minn gruppi soċjali u minn gruppi tal-popolazzjoni differenti. Dan l-istħarriġ isegwi stħarriġiet komparabbli li saru fl-2002 u fl-2009, u se jikkontribwixxi lejn il-provvista ta' dejta għall-appoġġ tal-iżvilupp ta’ politiki għall-promozzjoni tal-isport u tal-attività fiżika.

Is-sejbiet ewlenin tal-istħarriġ:

1. Kemm-il darba tagħmel eżerċizzju jew tieħu sehem f'xi attività sportiva?

2. Kemm-il darba tieħu sehem f'xi tip ieħor ta' attività fiżika?

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/14/207

Eurobarometer survey on sport and physical activity

Ir-rwol tal-UE fl-isport

L-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website