Navigation path

Left navigation

Additional tools

Xogħol mhux iddikjarat: stħarriġ juri kemm il-problema hi waħda mifruxa

European Commission - IP/14/298   24/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

­­­­ Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Marzu 2014

Xogħol mhux iddikjarat: stħarriġ juri kemm il-problema hi waħda mifruxa

Madwar wieħed minn kull għaxar Ewropej (11%) jammetti li xi darba jew oħra xtara oġġetti jew servizzi li kienu jinvolvu xogħol mhux iddikjarat fis-sena preċedenti, filwaqt li 4% jammettu li ġieli ħadmu u ma ddikjarawx id-dħul. Barra minn hekk, wieħed minn kull 30 (3%) jgħid li ġieli aċċetta li parti mill-ħlas li kellu jgħaddilu min iħaddmu tkun fi flus (“ħlas fl-idejn”). Dawn huma wħud mir-riżultati li ħarġu mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru li juri li x-xogħol mhux iddikjarat għadu mifrux sew mal-Ewropa, għalkemm il-medda u l-perċezzjoni tal-problema jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.

Il-problemi identifikati fl-istħarriġ għandhom jiġu indirizzati fi proposta tal-Kummissjoni li ħierġa f’April bil-ħsieb li tniedi Pjattaforma Ewropea dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ xogħol mhux iddikjarat, u li timmira biex iżżid il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-kwistjoni b’mod aktar effettiv.

"Ix-xogħol mhux iddikjarat mhux biss jesponi lill-ħaddiema għal kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi u dħul aktar baxx iżda wkoll itellef lill-gvernijiet mid-dħul tagħhom u jdgħajjef is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħna.Jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw politiki li jiskoraġġixxu x-xogħol mhux dikjarat jew li jinkoraġġixxu t-trasformazzjoni f’impjieg regolari, u biex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex tiġi miġġielda din il-pjaga.Din hija r-raġuni għaliex f’April il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi li tniedi Pjattaforma Ewropea dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ xogħol mhux iddikjarat, li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol u l-korpi tal-infurzar madwar l-Ewropa" qal László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar fi 28 pajjiż tal-UE, juri li:

  1. 11% ta’ dawk li wieġbu jammettu li ġieli xtraw oġġetti jew servizzi li jinvolvu xogħol mhux iddikjarat fis-sena preċedenti, filwaqt li 4% jammettu li xi darba jew oħra wettqu attivitajiet imħallsin u baqgħu ma ddikjarawhomx

  2. 60% indikaw prezzijiet aktar baxxi bħala r-raġuni ewlenija għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi mhux iddikjarati, u 22% semmew li kienu qed jagħmlu pjaċir lill-ħbieb

  3. 50% isemmu l-benefiċċji liż-żewġ partijiet bħala r-raġunijiet ewlenin li wassluhom biex jaħdmu mingħajr ma jiddikjaraw ix-xogħol, 21% jsemmu d-diffikultà li jsibu impjieg regolari, 16% il-perċezzjoni ta’ taxxi għoljin wisq, u 15% in-nuqqas ta’ dħul ieħor. Il-biċċa l-kbira ta' dawk li jsemmu diffikultà biex isibu impjieg regolari (41%) jew li m'għandhom l-ebda sors ieħor ta’ dħul (26%) aktarx ikunu ġejjin min-nofsinhar tal-Ewropa.

  4. L-Ewropej jonfqu ammont annwali medju ta’ €200 fuq oġġetti jew servizzi mhux iddikjarati, filwaqt li l-ammont annwali medju miksub minn dawk li jwettqu xogħol mhux iddikjarat huwa ta’ €300

  5. it-tiswijiet u r-rinnovazzjoni fid-djar (29%), it-tiswijiet tal-karozzi (22%), it-tindif fid-djar (15%) u l-ikel (12%) huma l-aktar oġġetti jew servizzi mitluba u li ma jiġux iddikjarati

  6. l-iktar oqsma fejn l-Ewropej iwettqu xogħol mhux iddikjarat huma t-tiswijiet u r-rinnovazzjoni fid-djar (19%), il-ġardinaġġ (14%), it-tindif (13%) u l-babysitting (12%).

  7. Minn dawk li wieġbu l-kwestjonarju, il-Latvja, l-Olanda u l-Estonja għandhom l-ogħla proporzjon (11 %) ta’ xogħol mhux iddikjarat. Madankollu, hemm differenzi importanti fl-attitudnijiet u l-perċezzjonijiet nazzjonali ta’ x’jikkostitwixxi xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll fin-natura u l-volum tas-servizzi involuti.

  8. 3% ta’ dawk li wieġbu jgħidu li jirċievu parti mill-paga tagħhom fi “ħlas fl-idejn”, prassi li x'aktarx tokkorri l-aktar f’kumpaniji iżgħar. Il-proporzjon tad-dħul annwali li jasal fil-forma ta' ħlas fl-idejn huwa l-ogħla fin-Nofsinhar tal-Ewropa (69%), segwit mill-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant (29%), filwaqt li l-pajjiżi kontinentali u dawk Nordiċi jirreġistraw livelli aktar baxxi minn hekk (17% u 7% rispettivament).

Ir-rieżami Economic and Social Developments in Europe (ESDE) tal-2013 jipprovdi analiżi ulterjuri ta’ dawn il-konklużjonijiet. Meta mqabbel ma’ stħarriġ preċedenti fl-2007, anke jekk b’mod ġenerali il-firxa ta' xogħol mhux iddikjarat tidher li baqgħet pjuttost l-istess, joħporġu xi żviluppi partikulari marbutin ma' pajjiżi speċifiċi:

  1. L-għoti ta’ xogħol mhux iddikjarat naqas drastikament f’xi pajjiżi bħal-Latvja filwaqt li żdied ftit fi Spanja u fis-Slovenja.

  2. Żieda spettakolari fid-domanda għal xogħol mhux iddikjarat ġiet innutata fil-Greċja, Ċipru, Malta u s-Slovenja.

  3. L-inċidenza ta’ “pagi bil-ħlas fl-idejn” naqset matul il-kriżi, b'mod partikulari fl-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant, iżda żdiedet fil-Greċja.

Aktar analiżi tal-impatt tal-kriżi fuq l-inċidenza ta’ xogħol mhux iddikjarat tindika li d-dgħufija tas-swieq tax-xogħol mill-2007 ‘l hawn wasslet għal żieda fil-provvista privata ta' xogħol mhux iddikjarat, għalkemm ir-rabta mar-rata dejjem ikbar ta' faqar hija ferm inqas evidentiMadankollu, kemm iż-żieda fil-qgħad kif ukoll fil-faqar tidher li kkontribwiet biex ikun hemm inqas reżistenza għall-“pagi bil-ħlas fl-idejn”. Jidher ukoll li l-livell ta’ tassazzjoni ma jaffettwax direttament il-livell ta’ xogħol mhux iddikjarat, iżda jaf għandha impatt il-perċezzjoni li n-nies għandhom tas-servizzi pubbliċi u ta' kif jintefaq id-dħul mit-taxxi.

L-analiżi tal-ESDE tinkludi wkoll rieżami ta’ diversi miżuri ta’ suċċess meħuda fi Stati Membri differenti biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat. Dawn il-miżuri jinkludu:

  1. inċentivi biex jiġu formalizzati l-attivitajiet mhux iddikjarati, bħas-simplifikazzjoni amministrattiva, l-inċentivi fiskali għax-xerrejja diretti jew il-kupuni għas-servizz

  2. miżuri biex titrawwem morali ogħla b'rabta mat-taxxa flimkien ma' kultura ta’ impenn, pereżempju permezz ta’ kampanji ta’ ħolqien ta’ kuxjenza,

  3. detezzjoni aħjar u sanzjonijiet iktar ħorox.

Il-passi li jmiss

F’April 2014, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tipproponi l-ħolqien ta’ Pjattaforma Ewropea dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ xogħol mhux iddikjarat, li ġġib flimkien il-korpi ta’ infurzar differenti tal-Istati Membri, bħall-ispettorati tal-impjiegi, is-sigurtà soċjali, l-awtoritajiet tat-taxxa u tal-migrazzjoni, u partijiet interessati oħra. Il-Pjattaforma mistennija ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE sabiex wieħed jipprevjeni u jiskoraġġixxi x-xogħol mhux iddikjarat b’mod aktar effiċjenti u effettiv.

L-isfond

L-Ewrobarometru intervista 26.563 persuna minn gruppi soċjali u demografiċi differenti fl-Istati Membri kollha. Ir-riżultati tiegħu jibnu fuq dawk ta’ stħarriġ inizjali fl-2007, l-ewwel tentattiv biex jitkejjel ix-xogħol mhux iddikjarat fuq bażi pan-Ewropea. Iż-żewġ stħarriġiet iffukaw fuq il-provvista u x-xiri individwali ta’ servizzi/prodotti u fuq il-“ħlas fl-idejn”, jiġifieri ma koprewx kull forma ta’ xogħol mhux iddikjarat fil-kumpaniji.

Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa ddefinit bħala dawk l-attivitajiet imħallsa li fin-natura tagħhom huma legali iżda li ma jiġux iddikjarati lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fir-regolamenti fl-Istati Membri. Dan il-kunċett ġie integrat fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u, mill-2001, jiġi indirizzat fil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi għall-Istati Membri.

Il-Pakkett dwar l-Impjiegi ta’ April 2012 diġà enfasizza li t-trasformazzjoni tax-xogħol informali jew mhux iddikjarat f'impjieg regolari jista’ jgħin biex jitnaqqas il-qgħad, u tenna wkoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri.

F’nofs l-2013, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel stadju ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema fil-livell tal-UE dwar miżuri possibbli fil-ġejjieni mill-UE għal kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar (IP/13/650). Wara dan imbagħad saret konsultazzjoni fit-tieni stadju, fil-bidu tal-2014.

Aktar informazzjoni

Eurobarometer "Undeclared work in the EU"

Is-sit ta’ László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona fil-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjonital-Kummissjoni Ewropea; jasallek b'email u s-servizz huwa b'xejn

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website