Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ugwaljanza: Ir-regoli tal-UE biex tiġi trattata d-diskriminazzjoni issa jinsabu fis-seħħ fit-28 Stat Membru kollha tal-UE

European Commission - IP/14/27   17/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 17 ta’ Jannar 2014

L-ugwaljanza: Ir-regoli tal-UE biex tiġi trattata d-diskriminazzjoni issa jinsabu fis-seħħ fit-28 Stat Membru kollha tal-UE

Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea biex tiġi trattata d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali issa ġew implimentati mill-Istati Membri kollha fil-liġi nazzjonali. Issa, jeħtieġ aktar sforzi biex jiġu applikati fil-prattika. Dawn huma s-sejbiet ewlenin ta' rapport ġdid rilaxxat mill-Kummissjoni Ewropea llum. Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, it-tnejn li huma adottati fl-2000, tfasslu biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni. Hija aħbar tajba li dawn id-Direttivi tal-UE issa huma liġi nazzjonali fit-28 pajjiż kollha tal-UE. Madankollu, ir-rapport tal-lum jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali għadhom jeħtieġu li jaċċertaw ruħhom li jipprovdu protezzjoni effettiva lill-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-prattika. L-isfidi ewlenin jinkludu nuqqas ta' sensibilizzazzjoni pubblika tad-drittijiet u nuqqas ta' rappurtar ta' każijiet ta' diskriminazzjoni. Sabiex jiġi appoġġjat dan il-proċess, il-Kummissjoni tipprovdi finanzjament biex tissensibilizza u tħarreġ lill-ġuristi fil-liġi dwar l-ugwaljanza. Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida għall-vittmi ta' diskriminazzjoni (l-Anness I tar-rapport).

"Il-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Kulħadd huwa ugwali quddiem il-liġi u kulħadd għandu d-dritt li jgħix ħajtu ħieles mid-diskriminazzjoni," qalet il-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding. "Huwa bis-saħħa tar-regoli tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u l-azzjoni ta' infurzar tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini jistgħu jserrħu fuq dawn id-drittijiet fit-28 Stat Membru kollha. L-isfida hija li jiġi żgurat li dawk affettwati mid-diskriminazzjoni jistgħu japplikaw id-drittijiet tagħhom fil-prattika – li jkunu jafu fejn imorru għall-għajnuna u jkollhom aċċess għall-ġustizzja."

Ir-rapport tal-lum jeżamina s-sitwazzjoni attwali 13-il sena minn meta d-direttivi sinifikanti tal-UE kontra d-diskriminazzjoni ġew adottati fl-2000. Ir-regoli jiċħdu d-diskriminazzjoni f'għadd ta' oqsma ewlenin fuq il-bażi tal-oriġini razzjali jew etnika, u fuq il-post tax-xogħol fuq il-bażi ta' età, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà jew orjentazzjoni sesswali. Iż-żewġ direttivi ġew trasposti f'liġi nazzjonali fit-28 pajjiż kollha tal-UE wara azzjoni mill-Kummissjoni (ara l-isfond).

Madankollu, ir-rapport juri li għad hemm sfidi biex ir-regoli jiġu applikati b'mod xieraq fil-prattika. In-nies mhux dejjem jistgħu jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom, pereżempju li r-regoli tal-UE jipproteġuhom mid-diskriminazzjoni meta japplikaw għal impjieg kif ukoll fuq il-post tax-xogħol stess. Bl-istess mod, in-nuqqas ta' dejta dwar l-ugwaljanza – li huma responsabbli mill-ġbir tagħha l-Istati Membri – jagħmilha diffiċli biex jiġu kkwantifikati u ssorveljati istanzi ta' diskriminazzjoni. X'aktarx proporzjon żgħir biss ta' inċidenti ta' diskriminazzjoni jiġu rapportati, primarjament minħabba nuqqas ta' sensibilizzazzjoni.

Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-UE għal trattament ugwali jiġu applikati b'mod xieraq, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jisħqu biex:

Ikomplu jqajmu sensibilizzazzjoni pubblika fir-rigward tad-drittijiet kontra d-diskriminazzjoni u jiffukaw l-isforzi fuq dawk li jinsabu l-aktar f'riskju, filwaqt li jinvolvu lill-impjegaturi u lit-trejdjunjins. Il-Kummissjoni tipprovdi finanzjament biex tappoġġja dawn l-attivitajiet u ppubblikat gwida prattika għall-vittmi ta' diskriminazzjoni (ara l-anness 1 tar-rapport tal-lum).

Jiffaċilitaw ir-rappurtar ta' diskriminazzjoni għall-vittmi billi jtejbu l-aċċess għall-mekkaniżmi ta' tilwim. Il-korpi nazzjonali ta' ugwaljanza għandhom rwol kruċjali x'jaqdu u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġja n-netwerks bejn il-korpi ta' ugwaljanza u tiżgura li jistgħu jwettqu dmirijiethom b'mod effettiv, kif rikjest mil-liġi tal-UE.

Jiżguraw aċċess għall-ġustizzja għal dawk affettwati minn diskriminazzjoni. Il-gwida tal-Kummissjoni għal-vittmi tinkludi gwida speċifika dwar kif tiġi ppreżentata u segwita talba ta' diskriminazzjoni, filwaqt li l-Kummissjoni tiffinanzja t-taħriġ għall-ġuristi u l-NGOs li jirrappreżentaw lill-vittmi ta' diskriminazzjoni fuq kif tiġi applikata l-liġi tal-UE dwar l-ugwaljanza.

Jindirizzaw id-diskriminazzjoni speċifika li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma, anke billi jimplimentaw il-gwida tal-Kummissjoni kif tinsab fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li ġiet adottata dan l-aħħar dwar l-inklużjoni tar-Roma (IP/13/1226).

Ir-rapport tal-lum jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali ddettaljata tal-ġurisprudenza mill-adozzjoni tad-direttivi (l-Anness 2 tar-rapport) u jixħet dawl b'mod partikulari fuq id-diskriminazzjoni fl-età, li wasslet għal għadd konsiderevoli ta' deċiżjonijiet sinifikanti (l-Anness 3 tar-rapport).

Sfond

Wara t-Trattat ta' Amsterdam fl-1999, l-UE kisbet poteri ġodda biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, età u orjentazzjoni sesswali (dak li kien l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE, issa l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Dan wassal għal adozzjoni unanima mill-Istati Membri tad-Direttiva 2000/43/KE (Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali) u d-Direttiva 2000/78/KE (Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi).

Il-liġi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni twaqqaf grupp konsistenti ta' drittijiet u obbligi fil-pajjiżi kollha tal-UE, fosthom proċeduri li jgħinu lill-vittmi ta' diskriminazzjoni. Iċ-ċittadini kollha tal-UE huma intitolati għal protezzjoni legali kontra diskriminazzjoni diretta u indiretta, trattament ugwali fl-impjiegi, li jirċievu għajnuna mill-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza u li jressqu ilment permezz ta' proċedura ġudizzjarja u amministrattiva.

Bejn l-2005 u l-2007, il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta' ksur kontra 25 Stat Membru (ma kien hemm l-ebda proċediment kontra l-Lussemburgu; l-eżaminazzjoni tal-liġi nazzjonali Bulgara u Kroata għadha għaddejja). Kważi kollha kemm huma ngħalqu issa. F'każ wieħed (kontra l-Italja), il-proċediment ta' ksur wassal għal deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Każ C-312/11, sentenza tal-4 ta' Lulju 2013).

Aktar informazzjoni

Pakkett għall-ġurnalisti: Rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttivi u l-annessi

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/discrimination/news/140117_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – L-Indirizzar tad-diskriminazzjoni:

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Għall-pubbliku: Europe Direct bin-numru tat-telefon00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website