Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2014

Il-Kummissjoni tgħid iva għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kienet ta' suċċess

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreaġixxi b'mod pożittiv għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kienet ta' suċċess, f'dawk l-oqsma li tkun kapaċi li taġixxi. L-organizzaturi tal-Right2Water ECI talbu lill-Kummissjoni biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE jgawdu mid-dritt għall-ilma u għas-sanità, biex jeskludu l-fornitura tal-ilma u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tal-ilma mir-regoli tas-suq intern u mil-liberalizzazzjoni, u biex iżżid l-isforzi tagħha biex tikseb aċċess universali għall-ilma u għas-sanità madwar id-dinja.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "Iċ-ċittadini tal-Ewropa tkellmu, u llum il-Kummissjoni tat tweġiba pożittiva. Il-kwalità, l-infrastruttura, is-sanità u t-trasparenza tal-ilma kollha se jibbenefikaw – għan-nies fl-Ewropa u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw - bħala riżultat dirett tal-ewwel eżerċizzju f'demokrazija pan-Ewropea u xprunat miċ-ċittadin. Infaħħar lill-organizzaturi dwar ir-riżultati miksuba."

Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni hija stabbilita f'Komunikazzjoni li tibda billi tiddeskrivi l-għadd kbir ta' xogħol li diġà sar mill-UE fil-qasam tal-ilma u tas-sanità. Eżempju, fl-UE, stabbilixxiet standards ambizzjużi dwar il-kwalità tal-ilma, u pprovdiet sostenn finanzjarju biex tespandi u ttejjeb l-infrastruttura tal-ilma fl-Istati Membri.

Id-deċiżjoni dwar kif inhu l-aħjar li jiġu operati s-servizzi tal-ilma hija strettament f'idejn l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, u l-Kummissjoni se tkompli tirrispetta r-regoli tat-Trattat li jirrikjedu lill-UE biex tibqa' newtrali dwar deċiżjonijiet nazzjonali li jirregolaw is-sjieda tal-impriżi tal-ilma. B'mod simili, f'negozjati kummerċjali internazzjonali, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li l-għażliet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kif jiġu amministrati s-servizzi tal-ilma jiġu rispettati u ssalvagwardjati. In-natura unika tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità fl-issodisfar tal-ħtiġijiet bażiċi tal-poplu ġew rikonoxxuti b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-distribuzzjoni u l-fornitura tal-ilma, kif ukoll is-servizzi tal-ilma mormi, diġà ġew esklużi b'mod espressiv mill-applikazzjoni tal-ħelsien ta' transfruntiera biex jipprovdu servizzi. U s-sena l-oħra l-Kummissjoni eskludiet il-provvista tas-servizzi tal-ilma mid-Direttiva fuq l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni, bħala riżultat dirett tat-tħassib pubbliku.

Globalment, l-UE u l-Istati Membri tagħha bħalissa jipprovdu madwar EUR 1.5 biljun fis-sena għall-programmi (WASH) Fornitura tal-Ilma, Sanità u Iġene fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'hekk l-Unjoni ssir l-akbar donatur waħdieni fid-dinja f'dan il-qasam.

Fid-dawl tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-Kummissjoni fittxet li tidentifika kwalunkwe differenzi u oqsma fejn aktar sforzi - fil-livell tal-UE jew nazzjonali - jeħtieġu li jsiru biex jiġu indirizzati t-tħassib li qed iħeġġu lin-nies biex isejħu għal azzjoni. Illum impenjat lilha nnifisha għall-passi konkreti li jmiss u għall-azzjonijiet il-ġodda fl-oqsma li huma marbutin b'mod dirett mal-inizjattiva u mal-għanijiet tagħha:

it-tisħiħ tal-isforzi lejn implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma mill-Istati Membri;

it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika madwar l-UE dwar id-Direttiva tal-Ilma tax-Xorb biex tiġi vvalutata l-ħtieġa għat-titjib u kif dan jista' jinkiseb;

it-titjib tat-tagħrif għaċ-ċittadini billi jkun hemm aktar żvilupp ta' amministrazzjoni tad-dejta li hija ġeneralizzata u aktar trasparenti u t-tixrid tal-ilma mormi urban u tal-ilma għax-xorb;

it-tfittxija tal-idea ta' punt ta' riferiment għall-kwalità tal-ilma;

il-promozzjoni ta' djalogu strutturat bejn l-entitajiet interessati dwar it-trasparenza fis-settur tal-ilma;

il-kooperazzjoni ma' inizjattivi eżistenti biex jiġi pprovdut sett usa' ta' punti ta' riferiment għas-servizzi tal-ilma, it-titjib tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi tal-ilma billi jagħtu aċċess liċ-ċittadini għal dejta li tista' titqabbel fuq l-indikaturi ewlenin ekonomiċi u ta' kwalità;

l-istimulazzjoni ta' approċċi innovattivi għall-għajnuna fl-iżvilupp (eżempju. sostenn għas-sħubijiet bejn l-operaturi tal-ilma u għas-sħubijiet bejn entitajiet pubbliċi) u l-promozzjoni tal-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri (eżempju. dwar l-istrumenti ta' solidarjetà);

it-tħeġġiġ ta' aċċess universali għall-ilma tax-xorb sikur u għas-sanità bħala qasam ta' prijorità għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ta' wara l-2015;

fl-aħħar, l-istedina lill-Istati Membri, li jaġixxu fil-kompetenzi proprji tagħhom, biex iqisu t-tħassib li tqajjem miċ-ċittadini permezz ta' din l-inizjattiva u jħeġġuhom biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu l-fornitura ta' ilma sikur, nadif għal kulħadd u li jista' jinxtara minn kulħadd.

Kuntest

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tnediet f'April 2012 bħala għodda b'saħħitha li tistabbilixxi aġenda f'idejn iċ-ċittadini. Tippermetti miljun ċittadin minn kważi kwart l-Istati Membri tal-UE biex jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni fl-oqsma fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan. L-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kienet ta' suċċess, Right2Water, ġabret 1.68 miljun firma, billi tgħaddi limiti minimi fi 13-il Stat Membru – ħafna aktar mill-minimu legali meħtieġ. B'kollox, sa issa hemm aktar minn ħames miljun ċittadin tal-UE li ddeċidew li jieħdu sehem f'aktar minn 20 inizjattiva differenti.

Komunikazzjoni dwar ir-Right2Water ECI:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/finalised/answered

MEMO dwar l-azzjoni internazzjonali tal-UE dwar l-ilma u s-sanità:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-760_en.htm

Il-websajt tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/welcome?lg=mt.

Il-websajt ta' Right2Water:

http://www.right2water.eu/

Kuntatti:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website