Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ewrobarometru Standard tal-Ħarifa 2014: Il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea qed tiżdied

Brussell, 17 Diċembru 2014

Illum ġew ippubblikati r-riżultati tal-aħħar Ewrobarometru Standard. L-Ewrobarometru Standard tal-Ħarifa 2014 huwa l-ewwel stħarriġ li sar fl-UE kollha minn mindu bdiet taħdem il-Kummissjoni ta’ Juncker fl-1 ta’ Novembru 2014.

Ir-riżultati ġodda juru titjib konsiderevoli fl-indikaturi ewlenin ta’ politika:

Żdiedu ċ-ċittadini li għandhom idea pożittiva tal-Unjoni Ewropea u fiduċja fl-UE. Hemm ukoll appoġġ pubbliku konsiderevoli għall-oqsma ta’ politika ewlenin deskritti fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni.

L-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li għandhom idea pożittiva tal-UE żdied minn 35% f’Ġunju li għadda għal 39% f’Novembru. 37% għandhom idea newtrali u 22% għandhom idea negattiva (tnaqqis minn 25% f’Ġunju).

Minbarra dan, l-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea żdied ukoll għal 37% (żieda ta’ 6 punti perċentwali mindu sar l-istħarriġ preċedenti immedjatament wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew). Il-livell medju ta’ fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali żdied ftit għal 29% (+2 punti perċentwali).

L-għadd ta’ persuni li jgħidu li leħenhom jgħodd fl-UE naqas (40%, -2 punti) wara li, immedjatament wara l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2014, kien laħaq l-ogħla livell f’10 snin.

L-aspettattivi dwar l-ekonomija u l-appoġġ għall-ewro jibqgħu stabbli:

Rigward l-ekonomija, l-aspettattivi tal-Ewropej baqgħu pjuttost stabbli b’aktar minn wieħed minn kull ħamsa (22%, -1 punt) (28%, +5) li jħossuhom ottimisti għat-tnax-il-xahar li ġejjin, filwaqt li 45% jistennew li s-sitwazzjoni tibqa’ l-istess. Dan ifisser li aktar minn sitt Ewropej minn kull għaxra jaħsbu li s-sitwazzjoni ekonomika mhix se tmur għall-agħar. L-għadd ta’ Ewropej li jaħsbu li l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi diġà laħaq il-quċċata tiegħu (44%, -2) huwa ftit anqas minn dawk li jaħsbu li "il-kbir għadu ġej" (46%, +2).

L-opinjoni pożittiva dwar l-ewro hija stabbli (56% fl-UE, 67% fiż-żona tal-ewro). L-appoġġ għall-munita unika żdied fi 18-il Stat Membru, l-aktar b’mod sorprendenti fil-Litwanja (63%, +13) li se tissieħeb fiż-żona tal-ewro fl-1 ta’ Jannar 2015 u fil-Latvja (74%, +6).

L-Ewropej huma mħassba l-aktar dwar l-ekonomija u l-immigrazzjoni:

F’dak li jirrigwarda t-tħassib ewlieni taċ-ċittadini, is-suġġett tal-immigrazzjoni kompla jitla’ fil-klassifikazzjoni tal-kwistjonijiet l-aktar imsemmija fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Issa b’24% (+3 punti) jinsab fir-raba’ post tal-kwistjonijiet l-aktar imsemmija fil-livell tal-UE, u fit-tielet post fil-livell nazzjonali. F’Malta, fir-Renju Unit u fil-Ġermanja ċ-ċittadini saħansitra jqisuh bħala ta’ tħassib ewlieni.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri wkoll approvazzjoni qawwija min-naħa taċ-ċittadini għas-suġġetti prijoritarji stabbiliti mill-Kummissjoni ta’ Juncker.

  • Rigward l-investiment fl-UE, aktar minn 60% tal-Ewropej jaqblu li l-flejjes pubbliċi għandhom jintużaw biex jistimolaw l-investiment tas-settur privat fil-livell tal-UE.
  • Rigward l-enerġija, 73% tal-Ewropej jiffavorixxu politika komuni dwar l-enerġija bejn l-Istati Membri tal-UE.
  • Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej iqisu lis-suq uniku (il-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti u servizzi fl-UE) bħala wieħed mill-aktar kisbiet pożittivi tal-UE (52%), u dan jikklassifika wara l-paċi bejn l-Istati Membri nfushom (56%).
  • Rigward il-kwistjoni tal-migrazzjoni, 71% tal-Ewropej jiddikjaraw li huma favur politika komuni Ewropea dwar il-migrazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej għandhom opinjoni pożittiva rigward l-immigrazzjoni ta’ persuni minn Stati Membri oħra tal-UE.

 

Fl-aħħar nett, iċ-ċittadini jibqgħu ottimisti dwar il-futur tal-UE. 56% (l-ebda bidla) tal-Ewropej jiddikjaraw li huma ottimisti, filwaqt li 37% (-1) jgħidu li jħossuhom pessimisti.

Sfond

L-Ewrobarometru Standard tal-Ħarifa 2014 sar permezz ta’ intervisti wiċċ imb wiċċ bejn it-8 u s-17 ta’ Novembru 2014. B’kollox ġew intervistati 32 598 persuna fl-Istati Membri kollha tal-UE u fil-pajjiżi kandidati.

Informazzjoni addizzjonali

Ir-rapport tal-ewwel riżultati li ġie ppubblikat illum jiddeskrivi l-attitudnijiet tal-Ewropej dwar l-UE, l-istituzzjonijiet u l-politiki tagħha, kif ukoll it-tħassib ewlieni u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini dwar is-sitwazzjoni ekonomika.

Ir-rapport tal-ewwel riżultati huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb/eb82/eb82_en.htm


ANNESS

1. L-immaġni tal-UE


2. Il-fiduċja fl-UE


3."Leħni jgħodd fl-UE"


4. Ottimiżmu dwar il-futur tal-UE


5. Appoġġ għall-ewro




L-Ewrobarometru Standard 82, il-Ħarifa 2014

Id-dati tal-istħarriġ 8-17 ta’ Novembru 2014

27,901 intervista wiċċ imb wiċċ fl-UE28 / adulti tal-età ta’ 15+


IP/14/2702

Kuntatti mal-istampa

Mina ANDREEVA (+32 2 299 13 82)

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:

Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail

Side Bar