Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-impjiegi: Il-Kummissjoni tipproponi li jittejjeb in-netwerk ta' tfittix għax-xogħol EURES

Commission Européenne - IP/14/26   17/01/2014

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, l-17 ta’ Jannar 2014

L-impjiegi: Il-Kummissjoni tipproponi li jittejjeb in-netwerk ta' tfittix għax-xogħol EURES

In-netwerk pan-Ewropew għat-tfittix tax-xogħol EURES se jissaħħaħ biex joffri aktar offerti ta’ xogħol, iżid il-probabbiltà ta’ tqabbil tal-impjiegi u jgħin lill-impjegaturi, b’mod partikolari negozji ta’ daqs żgħir u medju, biex jimlew l-impjiegi battala aħjar u b’aktar ħeffa, skont proposta li għadha kif ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

Ladarba jiġu adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew, il-proposta se tgħin liċ-ċittadini jagħmlu l-iktar għażla infurmata possibbli meta jiġu biex isiefru għax-xogħol. "Il-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta pass ambizzjuż biex jiġi miġġieled il-qgħad b’mod prattiku ħafna. Dan jgħin sabiex jiġu indirizzati żbilanċi fis-swieq tax-xogħol billi jimmassimizza l-iskambju ta’ impjiegi battala disponibbli fl-UE kollha u jiżgura t-tqabbil aktar preċiż bejn l-impjiegi battala u dawk li qegħdin ifittxu xogħol. Il-EURES riformat se jħaffef il-mobilità tax-xogħol u se jikkontribwixxi biex jinkiseb suq tax-xogħol tal-UE tassew integrat", enfasizza il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor.

Ir-regoli l-ġodda proposti se jagħmlu l-EURES aktar effiċjenti, ir-reklutaġġ aktar trasparenti u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri iktar b'saħħitha, notevolment billi jippermettu li l-EURES:

joffri aktar impjiegi battala fl-UE fuq il-portal web tal-EURES, inklużi dawk minn servizzi tal-impjieg privati. Persuni minn madwar l-Ewropa li qegħdin ifittxu impjieg se jkollhom aċċess fil-pront għall-istess impjiegi battala, u impjegaturi rreġistrati se jkunu jistgħu jimpjegaw minn ġabra estensiva ta’ CVs

iwettaq tqabbil awtomatiku permezz ta’ impjiegi battala u CVs

jagħti tagħrif bażiku dwar is-suq tax-xogħol tal-UE u dwar il-EURES lil kull persuna li qiegħda tfittex ix-xogħol jew impjegatur fl-Unjoni

joffri servizzi ta’ appoġġ lill-kandidati u l-impjegaturi biex jiġu faċilitati r-reklutaġġ u l-integrazzjoni tal-ħaddiema meta dawn isibu xogħol ġdid barra minn pajjiżhom

itejjeb il-koordinazzjoni u l-iskambju tat-tagħrif dwar nuqqasijiet u eċċessi nazzjonali fis-suq tax-xogħol bejn l-Istati Membri, biex b'hekk il-mobilità ssir parti integrali tal-politiki tal-impjiegi tagħhom.

Dan it-titjib se jagħti benefiċċju lill-persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol u lin-negozji ta’ kull daqs, iżda b’mod partikolari lill-SMEs, peress li bħalissa jista' jkun li ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji li jippermettulhom jingaġġaw barra minn pajjiżhom mingħajr is-servizzi li l-EURES joffri mingħajr ħlas.

Sfond

Ir-Regolament tal-EURES propost huwa wieħed minn serje ta’ miżuri biex ikun faċilitat il-moviment ħieles tal-ħaddiema, flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni ta’ April 2013 biex tittejjeb l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għall-moviment ħieles (IP/13/372, MEMO/13/384), li mistennija tiġi adottata dalwaqt mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew, u l-Komunikazzjoni ta’ Novembru dwar il-moviment ħieles tal-persuni (IP/13/1151, MEMO/14/9).

Illum il-ġurnata, madwar 7.5 miljun Ewropew jaħdmu fi Stat Membru ieħor, li jammontaw għal 3.1 % biss tal-forza tax-xogħol totali. Medja ta' madwar 700,000 ruħ kull sena isiefru biex jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE, rata (0.29 %) li hi ferm iktar aktar baxxa minn dik tal-Awstralja (1.5 % bejn 8 Stati) jew tal-Istati Uniti (2.4 % bejn 50 Stat).

Il- European Vacancy Monitor juri li minkejja qgħad rekord fl-Ewropa, kien hemm żewġ miljun xogħol battal fl-ewwel kwart tal-2013. Filwaqt li l-eżistenza ta’ impjiegi battala hija karatteristika tad-dinamiki tas-swieq tax-xogħol, parti sinifikanti minn dawn l-impjiegi battala tista' tkun riżultat ta' nuqqasijiet fil-forza tax-xogħol li ma jistgħux jiġu rimedjati lokalment.

Madankollu, il-mobilità żdiedet b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin. Mill-2005 'l hawn, l-għadd ta’ ħaddiema tal-UE attivi fi Stat Membru ieħor żdied għal 4.7 miljun. Barra minn hekk, l-intenzjonijiet dwar il-mobilità żdiedu wkoll: l-għadd ta' persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol reġistrati fuq il-portal tal-EURES żdied minn 175,000 fl-2007 għal 1,100,000 fl-2013.

Il-EURES, li ġie stabbilit fl-2013, huwa netwerk ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizzi ta' Impjieg Pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u L-Liechtenstein u organizzazzjonijiet sħab oħra. In-netwerk għandu aktar minn 850 konsulent tal-EURES li ta’ kuljum jiġu f’kuntatt ma’ persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol u ma' impjegaturi madwar l-Ewropa.

In-netwerk jopera wkoll permezz tal-portal EURES. Il-portal huwa uniku fl-UE peress li huwa bla ħlas u jagħti tagħrif dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi parteċipanti kollha f'25 lingwa. Il-portal jippermetti aċċess għal aktar minn 1.4 miljun post ta' xogħol battal u 1.1 miljun CV fi kwalunkwe ħin f’xahar partikolari.

In-netwerk EURES huwa responsabbli għal madwar 150,000 kollokament fis-sena (50 000 permezz tal-konsulenti tiegħu u 100 000 permezz tal-portal tiegħu).

Għal aktar tagħrif

Aħbarijiet fuq is-sit ta' DĠ Impjiegi

Is-sit ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni mingħajr ħlas tal-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site