Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-UE tappoġġa 328 riċerkatur ewlieni li jkunu għadhom fil-bidu tal-karriera b'€485 miljun

Brussell, 15 Diċembru 2014

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) għażel 328 xjenzat eċċellenti biex jirċievu l-Għotjiet tal-Bidu prestiġġjużi tiegħu. Kull għotja tiswa sa €2 miljuni. Il-€485 li ngħataw jgħinu l-appoġġ lil-ġenerazzjoni tal-aqwa xjenzati fl-Ewropa li jiżviluppaw l-hekk imsejħa riċerka "blue sky": proġetti ta' riċerka ambizzjużi b'riskju għoli u bi gwadann għoli f'kull qasam. 

Il-proġetti magħżula jkopru firxa wiesgħa ta' temi, inklużi tessuti elettroniċi li jintlibbsu li jieħdu l-enerġija tagħhom mis-sħana tal-ġisem, id-detezzjoni tal-batterji bix-xamm, "għarfien espert tossiku" fl-industrija petrokimika, l-oriġini tar-razzjonalità umana, il-ġlieda kontra l-inflammazzjoni marbuta mal-kanċer, kif ukoll l-ottimizzazzjoni tad-disinn tal-interfaċċa mal-utenti. Aqra dwar xi wħud mill-proġetti magħżula hawn.

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza qal: "Biex jinħolqu l-innovazzjoni u t-tkabbir ta' għada, hemm bżonn ta' riċerka avvanzata. Bl-Għotjiet tal-Bidu, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) qed irawwem l-ġenerazzjoni li jmiss ta' xjenzati eċċellenti biex jingħatalhom iċ-ċans li jsegwu l-kurżità xjentifika u jieħdu r-riskji. Biex tkun fuq quddiem, l-Ewropa għandha bżonn dan il-moħħ li jirriskja u li jinvesti fit-talent."

Din is-sena, l-għotjiet ingħataw lir-riċerkaturi ta' 38 nazzjonalità, ospitati minn 180 istituzzjoni fl-Ewropa kollha. F'termini tal-istituzzjonijiet ospitanti, il-Ġermanja (70 għotjiet) u r-Renju Unit (55 għotjiet) huma fuq quddiem, segwiti minn Franza (43) u l-Pajjiżi l-Baxxi (34). Ir-riċerkaturi huma wkoll ospitati fl-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Iralnda, l-Iżrael, l-Italja, in-Norveġja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, Spanja, l-Iżvezja u t-Turkija, flimkien ma' proġett wieħed fis-CERN fl-Iżvizzera

Madwar 40 mir-riċerkaturi huma ta' nazzjonalità mhux Ewropea; pereżempju, Amerikani ta' Fuq u ta' Isfel, Ażjatiċi, Awstraljani, New Zealanders u Russi huma fost dawk li rċevew l-għotjiet. Ħafna minnhom huma diġà bbażati fl-Ewropa.

Hemm ukoll 18-il riċerkatur li ġejjin fl-Ewropa biex iwettqu l-proġetti tagħhom iffinanzjati mill-KER, inklużi 13-il Ewropew li qed jirritornaw, kif ukoll xjenzati li se jidħlu fl-Ewropa mill-Awstralja u l-Amerika ta' Fuq. Dan hu f'konformità mal-missjoni tal-KER biex jattira riċerkaturi eċċellenti lejn l-Ewropa.

L-età medja tar-riċerkaturi magħżula hija ta' madwar 35 sena.


Tagħrif eżistenti

 

Din hi l-ewwel kompetizzjoni tal-Għotja tal-Bidu taħt il-programm tal-Orizzont 2020 tal-UE, is-seba' waħda sal-lum. Din is-sejħa attirat 3,273 applikazzjoni, 10% minnhom kienu ta' suċċess. Fost dawk li rċevew l-għotja, 143 huma fil-qasam tax-"Xjenzi Fiżiċi u l-Inġinerija", 124 fix-"Xjenzi tal-Ħajja" u 61 fix-"Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi". Din is-sena, is-sehem tan-nisa li rċevew l-għotjiet tela' għal 33%, mit-30% tas-sena l-oħra.

 

Il-finanzjament se jippermetti lil dawk li rċevew l-għotjiet tal-bidu li jibnu t-timijiet ta' riċerka tagħhom proprja biex b'hekk jimpenjaw aktar minn 1,400 gradwati postdottorati u studenti tal-PhD bħala membri tat-timijiet tagħhom. B'hekk il-KER ikun qed jgħin fl-appoġġ ta' ġenerazzjoni ġdida ta' riċerkaturi ewlenin fl-Ewropa.

 

L-Għotjiet tal-Bidu tal-KER jingħataw lil riċerkaturi ta' kwalunkwe nazzjonalità b'esperjenza ta' bejn sentejn u seba' snin minn mindu jkunu spiċċaw il-PhD (jew grad ekwivalenti) u rekord ta' karriera xjentifika li tipprometti. Ir-riċerka għandha titwettaq f'organizzazzjoni tar-riċerka pubblika jew privata lokata f'wieħed mill-Istati Membri jew Pajjiżi Assoċjati tal-UE. Il-finanzjament (massimu ta' €2 milljuni kull għotja) jingħata fuq ħames snin.

 

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) li l-UE waqqfet fl-2007 hu l-ewwel organizzazzjoni Ewropea ta' finanzjament għar-riċerka fil-fruntieri. Kull sena jagħżel u jiffinanzja l-aqwa riċerkaturi kreattivi ta' kwalunkwe nazzjonalità u età, biex iwettqu proġetti b'tul ta' ħames snin ibbażati fl-Ewropa. Minbarra dan, il-KER jaħdem bla heda biex iħajjar lill-aqwa riċerkaturi fid-dinja jiġu fl-Ewropa. Sal-lum, il-KER iffinanzja aktar minn 4,500 riċerkatur ewlieni f'varjetà ta' stadji fil-karriera tagħhom.

 

Għal aktar tagħrif

Eżempji ta' proġetti ffinanzjati f'din it-tlestija tal-Għotja tal-Bidu tal-KER:

http://erc.europa.eu/sites/default/files/press_release/files/Examples_ERC_StG_Projects_2014.pdf

 

L-istatistika għal din il-kompetizzjoni tal-Għotja tal-Bidu tal-KER:

http://erc.europa.eu/sites/default/files/document/file/erc_2014_stg_statistics.pdf

 

Lista ta' riċerkaturi magħżula skont il-pajjiż tal-istutzzjoni ospitanti (f'ordni alfabetika fi ħdan kull grupp tal-pajjiżi):

http://erc.europa.eu/sites/default/files/document/file/erc_2014_stg_results_all_domains.pdf

 

Il-websajt tal-KER:

http://erc.europa.eu

Orizzont 2020:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/

IP/14/2634

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar