Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussel, it-12 ta’ Marzu 2014

L-insolvenza: Il-Kummissjoni tirrakkomanda approċċ ġdid biex jiġu salvati n-negozji u biex tingħata opportunità oħra lill-imprendituri onesti

Il-Kummissjoni Ewropea llum stabbilixxiet sensiela ta' prinċipji komuni għall-proċeduri tal-insolvenza nazzjonali għan-negozji f'diffikultajiet finanzjarji. L-għan huwa li l-iffokar jitneħħa minn fuq il-likwidazzjoni u jintefa' fuq it-tħeġġiġ lil negozji vijabbli biex jirristrutturaw fi stadju bikri biex jipprevjenu l-insolvenza. B'madwar 200,000 negozju fl-UE li qed jaffaċċaw insolvenza u 1.7 miljun persuna li qed jitilfu l-impjiegi tagħhom kull sena minħabba dan, il-Kummissjoni trid tagħti opportunità lill-impriżi vijabbli biex jirristrutturaw u jibqgħu miftuħin. Ir-riforma tar-regoli tal-insolvenza nazzjonali toħloq xenarju fejn kulħadd jirbaħ: tgħin iżżomm miftuħin lill-impriżi vijabbli u tissalvagwardja l-impjiegi u fl-istess ħin ittejjeb l-ambjent għall-kredituri li jkunu kapaċi li jirkupraw porzjon ogħla tal-investiment tagħhom milli kieku d-debitur ikun falla. Imprendituri onesti wara l-falliment għandhom jirċievu malajr opportunità oħra għax l-esperjenza turi li dawn jirnexxu aktar wara t-tieni opportunità. Ir-Rakkomandazzjoni adottata llum issegwi konsultazzjoni pubblika tas-sena l-oħra dwar approċċ Ewropew dwar l-insolvenza (IP/13/655), u proposta biex ikun hemm reviżjoni tar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-insolvenzi ta' transfruntiera, li dan l-aħħar irċevew l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (MEMO/14/88).

"In-negozji huma essenzjali biex joħolqu l-prosperità u l-impjiegi, iżda huwa diffiċli biex wieħed jiftaħ negozju – u biex jibqa' miftuħ, speċjalment fil-klima ekonomika tal-lum," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "B'għadd dejjem jikber ta' impriżi li qed jaffaċċaw diffikultajiet finanzjarji fl-Ewropa, irridu noħolqu approċċ ġdid dwar l-insolvenzi tal-kumpanija. Il-kumpanija tal-karozzi ta' Henry Ford falliet wara 18-il xahar, iżda rnexxielu joħloq waħda mill-aktar kumpaniji ta' suċċess fid-dinja. Aħna ma għandniex inrażżnu l-innovazzjoni - jekk fil-bidu imprenditur onest ma jirnexxix dan għandu jkun kapaċi li jerġa' jipprova. Ir-regoli tagħna dwar l-insolvenza għandhom jiffaċilitaw bidu mill-ġdid."

"Neħtieġu li ndaħħlu fis-seħħ mekkaniżmu effiċjenti li jippermetti distinzjoni bejn imprendituri onesti u diżonesti peress li dan huwa fundamentali biex titnaqqas l-istigma ta' bħalissa ta' falliment," enfasizza l-Viċi-President Antonio Tajani, il-Kummissarju tal-UE għall-Intrapriża u l-Industrija. "Din id-distinzjoni għandha tgħin biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra dawk l-imprendituri li fallew imma mhux qarrieqa, ħalli jsiru eleġibbli għal kull appoġġ tas-suq eżistenti disponibbli biex jibdew negozju ġdid.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-lum tal-Kummissjoni tgħin biex jingħata qafas koerenti għar-regoli dwar l-insolvenza nazzjonali, billi ssaqsi lill-Istai Membri biex:

  • Jiffaċilitaw ir-ristrutturar tan-negozji li jinsabu f'diffikultajiet finanzjarji fi stadju bikri, qabel ma jibdew il-proċedimenti formali tal-insolvenza, u mingħajr proċeduri dewwiema u li jiswew il-flus bħala għajnuna biex tiġi limitata t-talba għal likwidazzjoni;

  • Jippermettu lid-debituri biex jirristrutturaw in-negozju tagħhom mingħajr il-ħtieġa li formalment jiftħu proċeduri tal-qorti;

  • Jagħtu lin-negozji b'diffikultajiet finanzjarji l-possibbiltà li jitolbu waqfa temporanja sa erba' xhur (u mhux aktar minn 12-il xahar) biex jadottaw pjan ta' ristrutturar qabel ma d-debituri jkunu jistgħu jibdew proċedimenti ta' infurzar kontrihom;

  • Jiffaċilitaw il-proċess għall-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, filwaqt li jibqgħu jitqiesu l-interessi tad-debitur u tal-kredituri, bil-għan li jiżdiedu l-opportunitajiet biex jiġu salvati negozji vijabbli;

  • Jitnaqqsu l-effetti negattivi ta' falliment fuq l-opportunitajiet futuri tal-imprendituri biex jiftħu negozju, b'mod partikolari billi jirrilaxxaw id-dejn tagħhom b'massimu ta' tliet snin.

Il-pass li jmiss: Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ miżuri xierqa fi żmien sena. Tmintax-il xahar wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni l-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tal-proċedimenti, fuq il-bażi ta' rapporti annwali tal-Istati Membri biex tevalwa jekk hemmx bżonn ta' aktar miżuri biex jissaħħaħ l-approċċ orizzontali dwar l-insolvenza.

Kuntest

L-insolvenzi huma fatt tal-ħajja f'ekonomija dinamika u moderna. Madwar nofs l-intrapriżi jdumu inqas minn ħames snin, u kull sena fl-UE madwar 200,000 impriża jsiru insolventi. Dan ifisser li ta' kuljum fl-Ewropa jfallu madwar 600 kumpanija. Kwart minn dawn l-insolvenzi għandhom element ta' transfruntiera. U dawn qed jiżdiedu – l-għadd ta' insolvenzi rduppjaw sa mill-bidu tal-kriżi u din ix-xejra tidher li se tkompli fl-2014.

Barra minn hekk, l-evidenza tagħtina x'nifhmu li l-imprendituri li jkunu fallew jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u ġeneralment jirnexxu aktar mat-tieni opportunità li jkollhom. Sa 18% tal-imprendituri li fl-aħħar jirnexxu jkunu fallew fl-ewwel tentattiv tagħhom.

Għaldaqstant huwa essenzjali li jkun hemm liġijiet moderni u proċeduri effiċjenti fis-seħħ biex jgħinu lin-negozji, li jkollhom biżżejjed sustanza ekonomika, jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji u l-imprendituri jingħataw "opportunità oħra". Iżda, l-oqfsa ta' insolvenza f'ħafna pajjiżi tal-UE bħalissa qed jitfgħu l-impriżi vijabbli f'diffikultajiet finanzjarji lejn likwidazzjoni, minflok ristrutturar. Dawn jirrappreżentaw ukoll ostakli biex lill-imprendituri onesti jingħataw opportunità oħra wara l-insolvenza billi jiġu stabbiliti perjodi twal ta' rilaxx.

L-esperjenza turi li aktar kmieni ma l-kumpaniji f'diffikultajiet finanzjarji jkunu kapaċi li jirristrutturaw, l-opportunità tagħhom li jirnexxu tkun ogħla. Iżda ristrutturar bikri (qabel ma jibdew il-proċedimenti formali ta' insolvenza) mhuwiex possibbli f'bosta pajjiżi (pereż. il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, is-Slovakkja, id-Danimarka) u, fejn ikun hemm alternattiva, il-proċeduri jistgħu jkunu ineffiċjenti jew ikunu ta' spiża kbira, billi jnaqqsu l-inċentivi għall-kumpaniji biex jibqgħu miftuħin. Fl-aħħar, f'ċerti pajjiżi jista' jkun li jgħaddu ħafna snin qabel ma imprendituri onesti li fallew jistgħu jiġu rilaxxati mid-dejn il-qadim tagħhom u jippruvaw idea oħra ta' negozju (l-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Kroazja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija). Meta imprenditur onest ifalli, perjodu mqassar ta' rilaxx relatat mad-dejn u mar-restrizzjonijiet legali li jirriżultaw mill-falliment ikun jiżgura li l-falliment ma ssirx "sentenza għal-għomru" jekk negozju jfalli.

Din id-diverġenza bejn l-Istati Membri għandha impatt fuq ir-rati ta' rkupru tal-kredituri ta' transfruntiera, fuq d-deċiżjonijiet ta' investiment ta' transfruntiera, u r-ristrutturar tal-gruppi ta' kumpaniji. Approċċ aktar koerenti fil-livell tal-UE mhux se jtejjeb biss ir-redditu lill-kredituri u l-fluss tal-investiment ta' transfruntiera, imma jkollu wkoll impatt pożittiv fit-termini tal-intraprenditorija, tal-impjieg u tal-innovazzjoni.

Il-Qafas tal-UE eżistenti fil-qasam tal-insolvenza

Ir-regoli Ewropej dwar l-insolvenza ta' transfruntiera huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta' insolvenza (ir-"Regolament dwar Proċedimenti ta' Falliment"), li ilu japplika mill-31 ta' Mejju 2002. Ir-Regolament jinkludi regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u l-liġi applikabbli u jipprevedi l-koordinazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza li jinfetħu f'diversi Stati Membri. Ir-Regolament japplika meta d-debitur ikollu stabbiliment jew il-kredituri fi Stat Membru ieħor mhux tiegħu stess.

F'Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta' miżuri biex timmodernizza dawn ir-regoli dwar l-insolvenza (IP/12/1354, MEMO/12/969). Fil-5 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew ivvota favur il-proposta tal-Kummissjoni, li issa trid tiġi miftiehma mill-Ministri fil-Kunsill biex issir liġi (MEMO/14/88).

B'mod parallel, f'Lulju 2013 il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-approċċ Ewropew dwar il-falliment u l-insolvenza ta' negozju (IP/13/655), biex tfittex opinjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-perjodu meħtieġ għar-rilaxx tad-dejn, il-kundizzjonijiet għall-proċeduri ta' ftuħ, il-ftuħ għall-pjanijiet ta' ristrutturar u l-miżuri meħtieġa għall-SMEs.

Bosta Stati Membri tal-UE rċevew rakkomandazzjonijiet fil-kuntest tas-Semestru Ewropew - iċ-ċiklu tal-UE tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika – li titlobhom biex jirriformaw bosta aspetti tas-sistemi tagħhom ta' insolvenza (dan huwa l-każ fi Spanja, il-Latvja, Malta u s-Slovenja). Bosta pajjiżi oħrajn bħalissa huma fil-proċess tar-riforma tal-liġijiet tagħhom biex itejbu l-possibbiltajiet ta' salvataġġ għall-kumpaniji f'diffikultajiet finanzjarji, biex inaqqsu l-perjodi ta' rilaxx għal imprendituri jew, b'mod aktar ġenerali, biex itejbu l-prestazzjoni tal-oqfsa ta' insolvenza tagħhom (dan huwa l-każ għall-Pajjiżi l-Baxxi, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Latvja, Ċipru, l-Estonja, il-Kroazja u r-Renju Unit).

Għal aktar tagħrif

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ ġdid dwar il-falliment fin-negozju u l-insolvenza

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/civil/news/140312_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Proċedimenti ta' falliment:

http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/insolvency/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Sewgi lill-Viċi President Reding fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Il-paġna ewlenija tal-internet tal-Viċi President Antonio Tajani, il-Kummissarju tal-UE dwar l-Industrija u l-Intraprenditorija :

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/tajani/index_en.htm

Segwi lill-Viċi President Tajani fuq Twitter: @AntonioTajaniEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website