Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta qafas biex tissalvagwardja l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea

European Commission - IP/14/237   11/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta qafas biex tissalvagwardja l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat qafas ġdid biex tindirizza t-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt fi kwalunkwe wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE. L-inizjattiva rriżultat wara li l-Kulleġġ tal-Kummissarji kellu żewġ dibattiti ta' orjentazzjoni dwar l-istat tad-dritt fit-28 ta' Awwissu 2013 u fil-25 ta' Frar 2014, li kkonkludew li jeħtieġ li tiġi żviluppata għodda biex tittratta, fil-livell tal-UE, it-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt. Il-qafas il-ġdid tal-istat tad-dritt se jikkumplimenta l-proċeduri ta' ksur - meta tinkiser il-liġi tal-UE – u l-hekk imsejħa "proċedura tal-Artikolu 7" tat-Trattat ta' Lisbona li, fl-agħar sitwazzjoni tagħha, tippermetti s-sospensjoni tad-drittijiet għall-vot f'każ ta' "ksur serju u persistenti" tal-valuri tal-UE minn Stat Membru. Il-qafas il-ġdid jistabbilixxi għodda ta' twissija bikrija li tippermetti li l-Kummissjoni tidħol fi djalogu ma' Stat Membru kkonċernat biex jipprevjenu ż-żieda ta' theddid sistemiku għall-istat tad-dritt. Jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni fil-qafas il-ġdid tal-istat tad-dritt tal-UE, l-Artikolu 7 dejjem jibqa' l-miżura tal-aħħar biex tiġi solvuta kriżi u tiġi żgurata l-konformità mal-valuri tal-Unjoni Ewropea.Il-qafas il-ġdid ma jikkostitwix jew jiddikjara kompetenzi ġodda għall-Kummissjoni iżda jagħmel trasparenti l-mod kif il-Kummissjoni teżerċita r-rwol tagħha skont it-Trattati.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Durão Barroso qal: "L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-pilastri fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Fuqu hija msejsa l-Unjoni tagħna. Il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol kruċjali fiż-żamma tal-istat tad-dritt bħala l-Gwardjana tat-Trattati. Jien enfasizzajt sistematikament il-ħtieġa għal qafas aħjar li jippermetti li l-Kummissjoni tintervjeni malajr u b'mod trasparenti f'każijiet ta' theddid serju u sistemiku għall-istat tad-dritt fi Stat Membru. Illum, il-Kummissjoni qed tagħti riżultati fir-rigward ta' dan l-impenn u qed tagħmel żgur li, fil-futur, u abbażi tal-esperjenza fil-passat riċenti tagħna, aħna nkunu nistgħu nipprevjenu u nirrisolvu b'mod effettiv kriżijiet tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri tagħna."

"Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali l-oħrajn kollha li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea hija l-Gwardjana tat-Trattati – u allura, aħna rridu nkunu wkoll waħda mill-Gwardjani tal-istat tad-dritt," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. "F'dawn l-aħħar ftit snin, kull darba li kien hemm theddida jew theddida potenzjali għall-istat tad-dritt fi Stat Membru wieħed, l-istituzzjonijiet kollha daru lejn il-Kummissjoni bħala l-arbitrarja imparzjali u talbuha tieħu azzjoni. Illum qed inpoġġu fis-seħħ l-għodod meħtieġa biex naġixxu u nipproteġu liċ-ċittadini tagħna mit-theddid għall-istat tad-dritt fl-Unjoni tagħna. L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt u fuq ir-rispett tal-ugwaljanza tal-Istati Membri kollha. Fuq dan isegwi li l-għodda l-ġdida li tissalvagwardja l-istat tad-dritt tkun applikabbli taħt l-istess limitu ta' theddida serja u sistemika għall-istat tad-dritt għall-Istati Membri kollha, kemm jekk kbar kif ukoll jekk żgħar, fit-Tramuntana, fin-Nofsinhar, fil-Lvant jew fil-Punent."

Il-karatteristiċi ewlenin tal-qafas il-ġdid tal-istat tad-dritt

Il-qafas il-ġdid huwa bbażat kompletament fuq it-Trattati tal-UE attwali u jikkunplimenta l-istrumenti eżistenti, speċjalment il-proċedura tal-Artikolu 7 u l-proċedimenti ta' ksur tal-Kummissjoni. Dan ovvjament ma jeskludix żviluppi futuri tat-Trattati f'dan il-qasam.

Huwa ffukat fuq l-istat tad-dritt. L-istat tad-dritt huwa l-bażi tal-valuri kollha li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Billi jiġi ggarantit ir-rispett tal-istat tad-dritt, trid tinżamm il-protezzjoni tal-valuri fundamentali l-oħrajn. Il-Kummissjoni għandha definizzjoni wiesgħa tal-istat tad-dritt, li hija bbażata fuq prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u essenzjalment ifisser sistema fejn il-liġijiet huma applikati u infurzati (Anness 2).

Il-qafas jista' jiġi attivat f'sitwazzjonijiet fejn hemm diżaggregazzjoni sistemika li taffettwa b'mod negattiv l-integrità, l-istabbiltà u t-tħaddim tajjeb tal-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi stabbiliti fil-livell nazzjonali biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt. Il-qafas tal-UE mhuwiex imfassal biex jittratta sitwazzjonijiet individwali jew każijiet iżolati ta' ksur ta' drittijiet fundamentali jew nuqqasijiet tal-ġustizzja.

L-ugwaljanza tal-Istati Membri: il-qafas se japplika bl-istess mod fl-Istati Membri kollha u se jopera fuq il-bażi tal-istess parametri referenzjarji ta' x'inhu meqjus bħala theddida sistemika għall-istat tad-dritt.

Il-qafas tal-UE jistabbilixxi għodda ta' twissija bikrija biex jiġi trattat theddid għall-istat tad-dritt, li tippermetti li l-Kummissoni tidħol fi djalogu mal-Istat Membru kkonċernat sabiex jinstabu soluzzjonijiet qabel ma jintużaw il-mekkaniżmi ġuridiċi eżistenti stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-Trattat.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol ċentrali f'dan il-qafas tal-istat tad-dritt il-ġdid bħala l-Gwardjana indipendenti tal-valuri tal-Unjoni. Hija tista' tistrieħ fuq l-għarfien espert ta' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali (speċjalment il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa [OSKE], eċċ.).

Proċess fuq tliet stadji

L-iskop tal-qafas huwa li jippermetti li l-Kummissjoni ssib soluzzjoni mal-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprevjenu l-ħolqien ta' theddid sistemiku għall-istat tad-dritt li jista' jiżviluppa f'"riskju ċar ta' ksur serju" li jista' potenzjalment jiskatta l-użu tal-Artiklu 7 tat-TUE. Meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari ta' theddid sistemiku għall-istat tad-dritt fi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tniedi "proċedura ta' qabel l-Artikolu 7" billi tibda djalogu mal-Istat Membru. Il-proċess fih tliet stadji (ara l-grafika fl-Anness 1):

  • Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni: Il-Kummissjoni tiġbor u teżamina l-informazzjoni rilevanti kollha u tivvaluta jekk hemmx indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt. Jekk, b'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni tkun tal-opinjoni li fil-fatt hemm sitwazzjoni ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt, hija tibda djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, billi tibgħat l-"opinjoni dwar l-istat tad-dritt" tagħha, li tkun twissija għall-Istat Membru – u tissostanzja t-tħassib tagħha. Hija tagħti l-possibbiltà lill-Istat Membru kkonċernat li jirrispondi.

  • Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: Fit-tieni stadju, sakemm il-kwistjoni ma tkunx ġiet solvuta b'mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tippubblika "rakkomandazzjoni tal-istat tad-dritt" indirizzata lill-Istat Membru. Hija tirrakkomanda li l-Istat Membru jsolvi l-problemi identifikati f'limitu ta' żmien fiss u tinforma lill-Kummissjoni bil-passi meħudin f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tippubblika r-rakkomandazzjoni tagħha.

  • Segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: Fit-tielet stadju, il-Kummissjoni tissorvelja s-segwitu mogħti mill-Istat Membru għar-rakkomandazzjoni. Jekk ma jkun hemm l-ebda segwitu sodisfaċenti fil-limitu ta' żmien stabbilit, il-Kummissjoni tista' ddur għal wieħed mill-mekkaniżmi stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-TUE.

Il-proċess sħiħ huwa bbażat fuq djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment u b'mod dettaljat.

Sfond:

Il-konformità mal-istat tad-dritt hija prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali kollha elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE. Hija wkoll prerekwiżit għaż-żamma tad-drittijiet u l-obbligi kollha li joħorġu mit-Trattati u mil-liġi internazzjonali. Mill-2009, il-Kummissjoni Ewropea ħabbtet wiċċha diversi drabi ma' avvenimenti ta' kriżi f'xi Stati Membri, li kixfu problemi speċifiċi fl-istat tad-dritt. Fl-indirizz tiegħu dwar l-Istat tad-Dritt fl-2012, il-President Barroso fakkar li l-Unjoni Politika tfisser ukoll li l-istat tad-dritt, bħala valur bażi tal-UE, irid jissaħħaħ, u ħabbar inizjattiva għal dak il-għan (SPEECH/12/596). Ir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fit-3 ta' Lulju 2013 u l-konklużjonijiet tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni tas-6 ta' Ġunju 2013 ikkondividew din id-dijanjożi (ara wkoll SPEECH/13/348).

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji kellu l-ewwel dibattitu ta' orjentazzjoni dwar kif l-aħjar jissalvagwardja l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea matul is-seminar tiegħu f'Awwissu 2013. Meta tkellmet fiċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej f'Settembru, il-Viċi President Reding enfasizzat il-viżjoni tagħha għal qafas tal-istat tad-dritt ġdid possibbli għall-Unjoni Ewropea (SPEECH/13/677). Fl-Assises de la Justice, li hija konferenza ta' livell għoli dwar il-futur tal-ġustizzja fl-UE f'Novembru 2013 li attendew għaliha aktar minn 600 parti interessata, sessjoni waħda ġiet iddedikata speċifikament għas-suġġett "Lejn mekkaniżmu ġdid ta' stat tad-dritt".

Fuq il-bażi ta' dawn id-diskussjonijiet kollha, il-Kulleġġ tal-Kummissarji kellu dibattitu ieħor ta' orjentazzjoni fil-25 ta' Frar 2014 qabel ma ġie adottat il-qafas il-ġdid tal-istat tad-dritt ippreżentat illum.

Għal aktar informazzjoni

Id-diskors tal-President José Manuel Barroso dwa l-Istat tal-Unjoni 2012:

SPEECH/12/596

Il-paġna ewlenija tal-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-President u Viċi president fuq Twitter: @BarrosoEU @VivianeRedingEU

Anness 1: Il-qafas ġdid tal-istat tad-dritt tal-UE

Anness 2: L-istat tad-dritt fis-sistema ġuridika tal-Unjoni

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat għadd ta' prinċipji ġenerali tal-liġi li joħorġu mit-tradizzjonijiet kostituzjonali li huma komuni għall-Istati Membri li huma marbuta mal-istat tad-dritt. Dawn jinkludu:

(a) il-prinċipju ta' legalità, li f'termini sostanzjali jinkludi proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku li jippromulga l-liġijiet;

(b) ċertezza tad-dritt, li teħtieġ fost affarijiet oħrajn li r-regoli jkunu ċari u prevedibbli u ma jistgħux jinbidlu b'mod retrospettiv;

(c) projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi. Il-prinċipju tal-istat tad-dritt jirregola l-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi u jiżgura li kull intervent tal-Istat ikollu bażi legali u kostrett bil-liġi;

(d) stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u effettiv, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Il-Qorti saħqet li l-UE hija unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt li fih l-atti tal-istituzzjonijiet tagħha jkunu soġġetti għal stħarriġ tal-kompatibilità tagħhom ma', b'mod partikulari, it-Trattati, il-prinċipji ġenerali tal-liġi u d-drittijiet fundamentali. Iċ-ċittadini huma intitolati għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(e) Hemm rabta ċara bejn id-dritt ta' proċess ġust u s-separazzjoni tas-setgħat. Tribunal li huwa indipendenti mis-setgħat eżekuttivi biss jista' jiggarantixxi proċess ġust liċ-ċittadini tiegħu. Il-Qorti rreferiet għal separazzjoni operazzjonali tas-setgħat li timplika stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u effettiv, u saħqet li "[…] l-liġi tal-UE ma tipprekludix lil Stat Membru milli jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi, amministrattivi u ġudizzjarji b'mod simultanju, diment li dawk il-funzjonijiet ikunu eżerċitati f'konformità mal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat li tikkaratterizza l-operazzjoni tal-istat tad-dritt";

(f) ugwaljanza quddiem il-liġi. Il-Qorti enfasizzat ir-rwol tat-trattament ugwali bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE billi ddikjarat li "wieħed irid jiftakar li l-prinċipju ta' trattament ugwali huwa prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE, imnaqqax fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea."

Sors: Verżjoni aktar komprensiva ta' dawn il-prinċipji u l-ġurisprudenza tista' tinsab fl-Anness 1 tal-Komunikazzjoni "Qafas ġdid tal-UE biex isaħħaħ l-Istat tad-Dritt".


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website