Navigation path

Left navigation

Additional tools

Niffurmaw il-ġejjieni tal-politiki tal-Affarijiet Interni — il-fażi li jmiss

European Commission - IP/14/234   11/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014

Niffurmaw il-ġejjieni tal-politiki tal-Affarijiet Interni — il-fażi li jmiss

Kif tista’ l-ħidma tal-UE fuq il-migrazzjoni, l-asil u l-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tikkontribwixxi aktar biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun miftuħa, prospera u sikura fejn wieħed jgħix u jaħdem għaċ-ċittadini kollha tagħha? Il-Programm ta' Stokkolma li fassal il-politiki tal-Affarijiet Interni mill-2010 sal-2014 qed jasal fi tmiemu. Il-Kummissjoni issa qed tippreżenta l-viżjoni strateġika tagħha dwar il-prijoritajiet tal-politika tal-futur fil-qasam tal-Affarijiet Interni.

Diġà sar progress sinifikanti matul l-aħħar ħames snin biex l-Ewropa ssir aktar miftuħa u sikura grazzi għall-kooperazzjoni tajba u effettiva bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat. Imma x-xogħol bl-ebda mod m'hu mitmum.

Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta l-viżjoni tagħha fuq l-aġenda tal-futur għall-Affarijiet Interni: hemm ħtieġa li tiġi implimentata b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni li hemm qbil dwarha u l-istrumenti eżistenti, u biex jiġi żgurat li l-Ewropa tista' tirreaġixxi għall-opportunitajiet u l-isfidi li ġejjin.

"Aħna kburin b'dak li nkiseb fl-aħħar snin: it-twaqqif ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, ir-rinfurzar taż-żona Schengen, it-tisħiħ tar-rispons tagħna għall-kriminalità organizzata, bħat-traffikar tal-bnedmin, it-theddid onlajn jew il-korruzzjoni. Iżda jeħtieġ li jsir iktar u hemm bżonn li nħejju għal sfidi u opportunitajiet fil-futur. Jien irrid li l-Ewropa tħares 'il quddiem, b’suġġetti tal-Affarijiet Interni li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għal ambjent sikur għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Iridu jsiru għażliet importanti. Iridu nagħqdu l-forzi tagħna u niżviluppaw politiki li jirriflettu l-prijoritajiet komuni u l-ħtiġijiet tal-futur", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

L-Ewropa hi parti minn dinja globalizzata u interkonnessa fejn il-mobbiltà internazzjonali hi mistennija li tiżdied. Għandha tkun lesta li tuża aħjar l-opportunitajiet offruti mill-migrazzjoni mhux inqas fil-kuntest ta' popolazzjoni li qed tixjieħ u forza tax-xogħol li qed tiċkien.

It-titjib għandu jimmira li: jiżgura sinerġiji aħjar ma' oqsma oħrajn ta' politika, pereżempju ma' politiki ta' kummerċ u jipprovdi moviment fuq żmien qasir għal professjonisti b'ħila kbira li jipprovdu servizzi; jagħti bidu għal djalogi strutturali ma' Stati Membri, negozji u trejdjunjins fuq id-domanda għall-migrazzjoni tal-ħaddiema; iżid ir-rikonoxximent għal kwalifiki barranin u ħiliet professjonali; isaħħaħ l-impenn għal integrazzjoni effettiva ta' migranti fis-suq tax-xogħol u jilqa' soċjetajiet b'mod aktar ġenerali.

L-UE għandha tkun lesta li tittratta mal-obbligi tagħha ta' asil b'mod li jirrifletti s-solidarjetà vera u l-qsim ta' responsabbiltà mill-Istati Membri kollha. Hi meħtieġa implimentazzjoni koerenti u effettiva tar-regoli komuni ġodda tal-asil. Aktar xogħol għandu jiżgura li jingħata appoġġ fi żminijiet ta' pressjoni temporanja għolja. Ir-rilokazzjoni ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali hi eżempju wieħed ta' solidarjetà. Ideat oħra li għandhom jiġu esplorati huma l-iżvilupp ta' ipproċessar konġunt ta' talbiet għall-asil u l-kondiviżjoni ta' postijiet ta' ilqugħ fi żminijiet ta' emerġenża.

L-UE għanda żżid wkoll l-impenn tagħha għal risistemazzjoni u tikkunsidra l-ftuħ ta' mezzi legali għal persuni li qed ifittxu protezzjoni, billi tibda b'approċċ ikkoordinat għal viżi umanitarji.

Il-migrazzjoni esterna u l-politika ta' asil eżistenti u l-għodda tagħha jistgħu jintużaw aħjar biex jitrattaw żviluppi fil-futur fuq il-fruntieri tan-Nofsinhar tal-UE, billi timpenja ruħha b'mod aktar effettiv ma' pajjiżi tal-viċinat u titjieb l-attrattività tal-UE. F'dinja li qed issir iktar interdipendenti, kwistjonijiet ta' Affarijiet Interni għandhom jiġu inklużi fil-politika esterna ġenerali tal-UE, li jippermettu djalogu rinfurzat u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u sinerġiji ma' politiki oħrajn tal-UE.

Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni rregolari hija parti essenzjali ta' politika ta' migrazzjoni ġestita b'mod tajjeb u teħtieġ tqabbil ta' miżuri, inkluż: it-teħid ta' azzjoni kontra dawk li jimpjegaw li jagħmlu użu ta' manodopera b'mod illegali, b'mod partikolari fl-approċċ tal-UE fil-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu.

Il-governanza l-ġdida ta' Schengen tista' taċċerta li l-moviment fiż-żona mingħajr kontrolli jkompli jagħti l-benefiċċji kollha tiegħu għaċ-ċittadini Ewropej u l-ekonomija tagħha. L-iffaċilitar ta' opportunitajiet ta' ivvjaġġar għal vjaġġaturi leġittimi permezz tal-modernizzazzjoni tal-politika dwar il-viżi u l-inizjattiva 'Smart Borders' se jikkontribwixxi biex iż-żona Schengen issir destinazzjoni aktar attraenti għal vjaġġaturi mhux tal-UE b'intenzjonijiet tajbin, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' sigurtà.

Biex tkompli tinbena Ewropa li tipproteġi, hemm ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi ġodda u serji ta' sigurtà relatati maċ-ċiberkriminalità, il-kriminalità organizzata transfruntiera, it-traffikar tal-bnedmin, l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu.

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna adottata fl-2010 ippermettiet progress u l-ħames objettivi tagħha jibqgħu validi1, iżda jridu jiġu rieżaminati miżuri u azzjonijiet konkreti. Pereżempju, il-kooperazzjoni prattika bejn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri għandha tiġi msaħħa (eż. permezz ta' Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunti, taħriġ, eżerċizzji konġunti, użu aħjar ta' sistemi ta' skambju ta' informazzjoni).

Madankollu, jista' jsir ħafna iktar: - għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni (segwitu tar-Rapport ta' Kontra l-Korruzzjoni); - għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin (l-Istrateġija ta' wara l-2016 għandha tkun imwaqqfa); - għall-indirizzar tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar (b'rieżami tal-leġiżlazzjoni ezistenti tal-UE fuq il-bejgħ u trasferimenti intra-UE, u b'żieda f'kooperazzjoni operazzjonali); - għar-rispons għat-theddid taċ-ċibersigurtà (billi l-istrateġija taċ-ċibersigurtà tal-UE tiddaħħal fl-azzjoni, li tinkoraġġixxi l-Istati Membri kollha biex iwaqqfu ċentru taċ-ċiberkriminalità, bi tkomplija tax-xogħol tal-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn); - għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ (inkluż permezz tat-tisħiħ tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni); - għat-titjib tar-reżiljenza tal-Ewropa għal kriżijiet u diżastri ewlenin (bit-titjib tal-interoperabbiltà ta' tagħmir u sistemi ta' komunikazzjoni); - għall-indirizzar tas-sigurtà interna bħala parti mil-politiki esterni tal-UE li tiġi marbuta mal-programmi ta' assistenza u kooperazzjoni tal-UE.

Sfond

Il-Programm ta' Stokkolma, li fassal il-politiki tal-Affarijiet Interni mill-2010 se jispiċċa fl-2014. Fid-dawl ta' dan, fl-2013, il-Kummissjoni nediet dibattitu dwar l-isfidi u l-prijoritajiet fil-futur li għandhom jiġu indirizzati minn dawn il-politiki fis-snin li ġejjin.

Il-Komunikazzjoni tal-lum hija s-segwitu ta' numru ta' avvenimenti u dibattiti fuq il-futur tal-politiki tal-Affarijiet Interni, fejn partijiet interessati u s-soċjetà ċivili jistgħu jaqsmu l-opinjonjiet u l-ideat tagħhom fuq kwistjonijiet relatati mal-portafoll tal-Affarijiet Interni.

Seminars u seduti ta' smigħ saru ma' gruppi ta' riflessjoni u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Partijiet interessati u ċittadini kienu wkoll mistiedna biex jaqsmu l-opinjonijiet u l-ideat tagħhom fuq is-sit tad-DĠ Home, permezz ta' konsultazzjoni pubblika. Fid-29 u fit-30 ta' Jannar 2014 il-Kummissjoni organizzat konferenza ta' livell għoli f'Brussell biex tiddiskuti l-iżvilupp fil-futur tal-politiki tal-Affarijiet Interni.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal-linji gwida strateġiċi biex jiġu adottati mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2014.

Ħolqiet Utli

Link għall-MEMO: MEMO/14/174

Il-Komunikazzjoni 'Ewropa aktar miftuħa u sikura: kif din tista' ssir realtà' ('An open and secure Europe: making it happen')

L-Affarijiet Interni tal-UE f'numbri: statistika tal-isfond

Is-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ tal-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ tal-Affarijiet Interni fuq Twitter u ibgħat tweet b'#euhome

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tan-numru tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz ta' e­mail

1 :

Il-ħames objettivi strateġiċi magħżulin kienu (1)it-tfixkil tan-netwerks kriminali internazzjonali, (2) il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, (3) jiżdiedu l-livelli tas-sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fl-ispazju ċibernetiku, (4) tissaħħaħ is-sigurtà permezz tal-ġestjoni tal-fruntieri u (5) tiżdied ir-reżistenza tal-Ewropa għall-kriżijiet u d-diżastri.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website