Navigation path

Left navigation

Additional tools

Lejn żona Ewropea ġenwina ta’ Ġustizzja: Tisħiħ tal-fiduċja, il-mobilità u t-tkabbir

European Commission - IP/14/233   11/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014

Lejn żona Ewropea ġenwina ta’ Ġustizzja: Tisħiħ tal-fiduċja, il-mobilità u t-tkabbir

Il-Kummissjoni Ewropea llum spjegat il-viżjoni tagħha għall-futur tal-politika tal-ġustizzja tal-UE. Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona l-kostruzzjoni ta’ żona Ewropea tal-Ġustizzja mxiet 'il quddiem b’passi kbar. Il-Kummissjoni użat il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja biex tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż għaċ-ċittadini u n-negozju, sabiex jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku u tiġi ffaċilitata l-ħajja prattika taċ-ċittadini billi jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu. L-objettiv tal-Kummissjoni għall-ġejjieni huwa li jsir aktar progress lejn żona Ewropea komuni li tiffunzjona bis-sħiħ fuq il-ġustizzja bbażata fuq il-fiduċja, il-mobilità u t-tkabbir sal-2020.

"F’medda ta’ ftit snin biss, il-politika tal-ġustizzja ngħatat prominenza fl-attività tal-Unjoni Ewropea - li tista' titqabbel mal-ispinta li ngħata s-suq uniku fis-snin disgħin. Għamilna passi kbar, iżda għad hemm ħafna aktar x'nistgħu nagħmlu biex niżviluppaw żona Ewropea ġenwina ta’ Ġustizzja" qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Il-bini ta’ pontijiet bejn is-sistemi ġudizzjarji differenti jfisser li tinbena l-fiduċja. Żona Ewropea ġenwina ta' Ġustizzja tista’ taħdem biss jekk ikun hemm fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja ta’ xulxin. Għandna niffukaw ukoll fuq żewġ sfidi oħra: il-mobilità taċ-ċittadini tal-UE u n-negozju f'żona mingħajr funtieri interni, u l-kontribut tal-politika tal-ġustizzja tal-UE għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa."

It-tmiem tal-2014 huwa punt deċiżiv fl-iżvilupp tal-politika tal-Ġustizzja tal-UE: fl-1 ta' Diċembru 2014 il-Programm ta' Stokkolma ta' ħames snin tal-Kunsill Ewropew u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni (IP/10/447) relatat li jistabbilixxi l-prijoritajiet għaż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja se jintemmu. Dan jgħodd ukoll għall-fażi ta' tranżizzjoni stabbilita fit-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tal-ġustizzja. Dan se jneħħi l-limitazzjonijiet attwali għall-kontroll ġudizzjarju mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u għar-rwol tal-Kummissjoni bħala Gwardjana tat-Trattat fuq iż-żona ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, li jfisser li l-Kummissjoni se jkollha s-setgħa li tniedi proċeduri ta’ ksur jekk il-liġi tal-UE – li kien hemm qbil dwarha minn qabel mill-Istati Membri b’mod unanimu – ma tkunx ġiet implimentata b’mod korrett.

Il-viżjoni tal-Kummissjoni għall-futur tal-politika tal-Ġustizzja tal-UE, ġiet ippubblikata llum flimkien mal-aġenda futura tagħha fil-qasam tal-Affarijiet Interni (ara IP/14/xx). Iż-żewġ aġendi futuri huma ppreżentati bħala Komunikazzjoni. Fil-qasam tal-ġustizzja, il-Kummissjoni tidentifika tliet sfidi ewlenin: it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka, il-faċilità tal-mobilità u l-kontribut għat-tkabbir ekonomiku.

  • Il-fiduċja. Il-fiduċja reċiproka hija l-pedament li fuqu għandha tinbena l-politika tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja. L-istrumenti tal-UE bħall-Mandat Ewropew tal-Arrest jew ir-regoli dwar il-kunflitt ta' kwistjonijiet ta' liġijiet bejn l-Istati Membri jeħtieġu livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-ġustizzja minn Stati Membri differenti. Filwaqt li l-UE bniet bażi importanti għall-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka, jeħtieġ li tissaħħaħ aktar biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini, l-professjonisti legali u l-imħallfin jkollhom fiduċja sħiħa fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji irrispettivament f’liema Stat Membru jkunu ttieħdu.

  • Il-mobilità. L-Ewropej qed jużaw dejjem aktar id-dritt tagħhom tal-moviment liberu: qed jivvjaġġaw, jistudjaw, jiżżewġu, jibnu familja, jixtru u jbiegħu prodotti u servizzi aktar minn qabel bejn fruntiera u oħra fl-Ewropa. Bħalissa hemm kważi 14-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tan-nazzjonalità tagħhom. Anki jekk iċ-ċittadini qed jużaw dejjem aktar id-drittijiet tagħhom, għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ xi diffikultajiet prattiċi u legali meta dawn jippruvaw jeżerċitaw id-drittijiet li għandhom f'pajjiżhom fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni qiegħda tittratta dawn l-ostakoli ta’ kuljum: fir-rapport l-aktar riċenti tagħha dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, pereżempju hija pproponiet 12-il azzjoni li jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini (IP/13/410 u MEMO/13/409). Il-politika tal-ġustizzja għandha tkompli, tkun prijorità, biex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u li jgħixu f'kull pajjiż tal-UE.

  • It-tkabbir. Matul l-aħħar snin, il-politiki tal-ġustizzja ġew mobilizzati sabiex jappoġġaw lill-kumpaniji, it-tkabbir u l-istabbiltà ekonomika billi jitjieb l-aċċess għall-ġustizzja u tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ tilwim. L-iżgurar li sentenza mogħtija fi Stat Membru wieħed tkun tista’ tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor mingħajr proċeduri burokratiċi (IP/12/1321); il-proposta ta' Liġi Ewropea fakultattiva dwar il-Bejgħ li tippermetti n-negozji jagħżlu li jagħmlu negozju fi 28 pajjiż tal-UE (MEMO/14/137); liġi moderna dwar il-protezzjoni tad-dejta għas-Suq Uniku diġitali (MEMO/14/60) u t-teħid ta' passi lejn "kultura ta' salvataġġ u ta' rkupru" dwar l-insolvenza transfruntiera (IP/12/1354), huma biss ftit mill-eżempji. Fil-futur, il-politika tal-ġustizzja tal-UE għandha tkompli tappoġġa l-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u t-trattament tal-qgħad. Jenħtieġu riformi strutturali biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ġustizzja jistgħu jwasslu l-ġustizzja b'mod rapidu, affidabbli u ta' min jafda fuqha. In-negozji jeħtieġ li jkunu kunfidenti li huma jistgħu jinfurzaw kuntratti u jittrattaw il-litigazzjoni b’mod effettiv madwar l-UE, mingħajr ma jiltaqgħu ma’ ostakoli li huma xorta qed jiffaċċjaw illum.

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, il-Kummissjoni tipproponi li tibbaża l-politika tal-ġustizzja tal-UE tal-ġejjieni fuq taħlita ta’ metodi differenti: tikkonsolida dak li nkiseb, tikkodifika l-liġi u l-prattika tal-UE fejn meħtieġ u tikkumplementa, fejn xieraq, il-qafas eżistenti b'inizjattivi ġodda. Se jkunu meħtieġa analiżi każ b’każ u valutazzjoni tal-impatt għal deċiżjoni dwar l-aħjar approċċ f’kull qasam.

Il-Konsolidazzjoni hija pereżempju meħtieġa biex jiġi żgurat li jeżistu rimedji effettivi u awtoritajiet ta' infurzar nazzjonali indipendenti biex id-drittijiet isiru realtà fil-prattika; biex l-imħallfin u l-ġuristi jiġu mħarrġa biex isiru "Imħallfin tal-liġi tal-UE" reali; u biex jittejjeb l-użu tat-tekonolġija tal-informatika fil-qrati kif ukoll fil-proċedimenti ġudizzjarji u ekstra-ġudizzjarji.

Il-Kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur jew fid-drittijiet proċedurali għal dawk suspettati li wettqu' xi reat – billi jiġi ssimplifikat il-qafas eżistenti u d-drittijiet jsiru aċċessibbli b'mod aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji.

Il-Komplementazzjoni tal-politiki tal-ġustizzja u l-istrumenti legali eżistenti għandu dejjem ikollha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka, tiffaċilita il-ħajja taċ-ċittadini u tkompli tagħti kontribut għat-tkabbir. L-approċċi li jintgħażlu jistgħu jinkludu l-għarfien reċiproku, l-armonizzazzjoni tradizzjonali u l-liġi fakultattiva armonizzata sostantiva jew proċedurali, pereżempju.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill diġà kellhom diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-politiki tal-ġustizzja tal-UE. Il-Kulleġġ tal-Kummissarji organizza dibattitu ta’ orjentazzjoni fil-25 ta’ Frar. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata llum se tikkontribwixxi għal aktar diskussjonijiet, b'mod partikolari dawk tal-Kunsill Ewropew fl-24 ta’ Ġunju.

Sfond

Il-Politika tal-Ġustizzja tal-UE għaddiet minn bidla sinifikanti f’dawn l-aħħar ftit snin. Kien biss fl-2010, mal-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni attwali, li nħoloq portafoll ta’ ġustizzja. Minn dakinhar, il-Kummissjoni ressqet aktar minn 50 inizjattiva f’dan il-qasam, li wettqu 95 % tal-Programm ta' Stokkolma u stabbilixxew il-bażi ta' żona Ewropea ġenwina ta' Libertà, Ġustizzja u Sigurtà għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej – wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE kif iddikjarat fit-Trattat ta’ Lisbona.

Ittieħdu passi importanti fi ftit snin: Drittijiet ġodda tal-UE għall-vittmi ta' reat (IP/12/1200), drittijiet imsaħħa ta' proċess aktar ġust għas-suspettati fi proċedimenti kriminali (IP/12/575, IP/13/995, IP/13/921) u rikonoxximent eħfef ta' sentenzi (IP/12/1321) tejbu l-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li l-proposti tal-Kummissjoni dwar protezzjoni ta' dejta personali għandhom isaħħu d-drittijiet fundamentali u s-Suq Uniku diġitali (MEMO/14/60). Il-Kummissjoni tat bidu wkoll għat-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jiżgura li kull euro fil-baġit tal-UE jista' tintuża għall-iskopijiet tagħha u tiġi mħarsa mill-kriminali (MEMO/14/124). Barra minn hekk, inizjattivi bħat-Tabella tal-Ġustizzja tal-UE (IP/13/285) urew kif is-sistemi u politiki ġudizzjarji effettivi huma kruċjali għat-tkabbir ekonomiku.

F'Novembru li għadda, il-Kummissjoni Ewropea organizzat il-konferenza "Assises de la Justice" (IP/13/1117), li laqqgħet flimkien imħallfin, avukati, akkademiċi, persuni li jfasslu l-politika u rappreżentanti tal-politika minn madwar l-Ewropa biex jiddiskutu dwar il-futur tal-politiki tal-ġustizzja. F’Jannar 2014, ġiet organizzata konferenza simili biex jiġu diskussi l-politiki tal-affarijiet interni futuri tal-UE.

Għal aktar tagħrif

Press pack:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/effective-justice/news/140311_en.htm

Link għall-MEMO: MEMO/14/174

Link għall-iskedi informattivi tal-Assises aġġornati

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding: http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @vivianeredingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_justice

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika

Anness: Fiduċja fis-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja

Sors: Stħarriġ tal-Ewrobarometru 385 ta’ Novembru 2013 – Ġustizzja fl-UE


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website