Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ewrobarometru: l-Ewropej fil-biċċa l-kbira favur id-direzzjoni tal-PAK il-ġdida

European Commission - IP/14/227   10/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta’ Marzu 2014

L-Ewrobarometru: l-Ewropej fil-biċċa l-kbira favur id-direzzjoni tal-PAK il-ġdida

Aktar minn tliet kwarti (77%) tal-Ewropej iqisu li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Barra minn hekk, aktar minn 90% ta' dawn jaqblu mad-direzzjonijiet ewlenin tal-PAK il-ġdida bħall-għajnuniet aktar ekwi u mmirati (92%) u l-istabbiliment ta' rabta bejn l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-bdiewa u l-osservanza tal-prattiki agrikoli tajbin għall-ambjent (l-"ekoloġizzazzjoni", 91%). Dawn huma l-konklużjonijiet ewlenin tas-sondaġġ tal-Ewrobarometru dwar il-PAK li ġie ppubblikat illum mill-Kummissjoni.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Dacian Cioloș stqarr li: "Dawn ir-riżultati jikkonfermaw l-importanza li l-Ewropej jagħtu lill-appoġġ lill-agrikoltura u liż-żoni rurali. Juru wkoll is-simbjożi kbira ħafna li hemm bejn id-direzzjonijiet tal-PAK riformata u dak li tistenna minnha s-soċjetà ċivili. Din ir-rabta essenzjali u qawwija bejn iċ-ċittadini u l-bdiewa se tissaħħaħ bil-PAK il-ġdida, li se tkabbar u tagħmel tanġibbli il-benefiċċji għas-soċjetà, għall-ambjent u għall-ekonomija li l-agrikoltura Ewropea ġġib lis-soċjetà Ewropea kollha hemm hi u lil kull kontribwent Ewropew f'ħajtu ta' kuljum".

It-tendenzi qawwija l-oħrajn li joħorġu minn dan is-sondaġġ huma:

L-Ewropej jagħtu importanza dejjem akbar lill-agrikoltura: iqisuha, flimkien mal-iżvilupp taż-żoni rurali, bħala qasam "importanti ħafna" għall-ġejjieni (53%, +7 punti meta mqabbel mal-2009). Maġġoranza assoluta tqis li hu daqstant importanti li tiġi żgurata diversità tal-agrikoltura u tal-prodotti tal-ikel fl-Unjoni Ewropea.

Aktar minn 80% tal-Ewropej jaqblu mal-għanijiet ewlenin tal-PAK, bħall-garanzija tal-provvista tal-prodotti tal-ikel, l-iżvilupp taż-żoni rurali b'mod aktar ibbilanċjat, u l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ.

Dan l-appoġġ huwa ogħla meta niġu għad-direzzjonijiet ewlenin tar-riforma: għal 91% minnhom (+4%), ir-rabta tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-bdiewa għall-osservanza tal-prattiki agrikoli tajbin għall-ambjent (l-"ekoloġizzazzjoni") hija meqjusa bħala ħaġa tajba, l-istess bħall-għajnuna lill-bdiewa b'mod aktar ekwu u mmirat għal 92% (+4% mqabbel mal-2009).

Il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE huma favur l-appoġġ lill-bdiewa, u favur il-parti li dan l-appoġġ jirrappreżenta fil-baġit tal-UE. L-ammont tal-għajnuna mogħtija lill-bdiewa huwa fil-fatt meqjus bħala xieraq minn 45%, bħala "ftit wisq" minn 26% (u bħala "għoli wisq" minn 13%).

91% tal-Ewropej iqisu li hu importanti li jiġu appoġġati l-impriżi agrikoli fraġli meta dawn iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet klimatiċi, sanitarji jew ekonomiċi diffiċli, u kważi wieħed minn kull tnejn iqis dan il-prinċipju bħala "importanti ħafna" (48%).

64% tal-Ewropej semgħu dwar l-appoġġ li l-UE tagħti lill-bdiewa fil-qafas tal-PAK, meta imqabbel mas-sondaġġ preċedenti tal-2009 fejn 41% biss tal-Ewropej stqarrew li kienu ġa semgħu dwar il-PAK b'mod ġenerali1.

Il-maġġoranza tal-Ewropej (61%) jafu li l-introjtu agrikolu huwa aktar baxx minn dak ta' setturi ekonomiċi oħra.

F'dak li għandu x'jaqsam mat-tagħrif lill-konsumaturi, is-sondaġġ juri li l-Ewropej huma attenti ħafna għall-kwalità tal-prodotti tal-ikel, bħal fil-każ tal-ħalib u ta' ċerti tipi ta' laħam, u li għandhom eżiġenzi kbar f'dak li għandu x'jaqsam mat-traċċabilità. Il-biċċa l-kbira ta' dawn (53%) huma wkoll lesti li jħallsu ftit iktar għal tagħrif fuq it-tikketti dwar minn fejn ikunu ġejjin il-prodotti.

Sfond

Wara r-riforma tal-PAK, il-Kummissjoni riedet tistaqsi mill-ġdid liċ-ċittadini tal-UE dwar il-politika agrikola komuni (PAK) u dwar l-importanza li jagħtu lill-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea. Is-sondaġġ sar skont il-metodoloġija tal-Ewrobarometru bejn it-23 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru 2013 fi 28 Stat Membru tal-UE fost 27919 ċittadin minn kategoriji soċjali u demografiċi differenti.

Tagħrif addizzjonali

Ir-rapport kollu

Is-sit tal-Ewrobarometru

Kuntatti:

Roger Waite (+32 2 296 14 04)

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail

1 :

Ewrobarometru Speċjali 336: QB3. Ġa smajt jew qrajt xi ħaġa dwar il-"PAK", il-politika agrikola komuni u tal-iżvilupp rurali tal-Unjoni Ewropea?


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website