Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta’ Marzu 2014

Il-Kummissjoni Ewropea tilħaq il-miri għall-opportunitajiet indaqs 11-il xahar qabel iż-żmien mbassar

Il-Kummissjoni qed tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tan-Nisa bl-aħbar li kisbet il-miri tagħha għar-rappreżentazzjoni femminili 11-il xahar qabel iż-żmien mbassar.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "Jiena kuntent li nistgħu niċċelebraw l-Jum Internazzjonali tan-Nisa bi provi ta' progress konkret dwar l-opportunitajiet indaqs fil-Kummissjoni Ewropea.

"Il-Kummissjoni qed taffaċċa sfidi li qed dejjem jikbru: id-demografiċi tal-forza tax-xogħol, tnaqqis ta' 5% fil-persunal u ż-żieda tal-aspettattivi mill-entitajiet interessati tagħna. Allura li tieħu l-aktar li tista' mill-persunal tagħna, kemm nisa u kemm irġiel, ma għadux kunċett mixtieq biss; huwa essenzjali. Din hija r-raġuni għaliex għamilt l-opportunitajiet indaqs prijorità ewlenija tal-mandat tiegħi, u nittama li s-suċċessur tiegħi jkompli jibni fuq dan is-suċċess."

L-Istrateġija għall-Opportunitajiet Indaqs għall-perjodu 2010-2014 stabbilixxiet miri sal-31 ta' Diċembru 2014 fi tliet oqsma fejn in-nisa kienu sottorappreżentati: 25% tal-amministrazzjoni ta' livell għoli, 30% tal-amministrazzjoni ta' livell medju u 43% tal-amministraturi li mhumiex responsabbli mill-amministrazzjoni.

L-aħħar ċifri juru li t-tliet miri inkisbu fl-1 ta' Frar 2014: 27.9% tal-amministrazzjoni ta' livell għoli, 30.3% tal-amministrazzjoni ta' livell medju u 43.2% tal-amministraturi li mhumiex responsabbli mill-amministrazzjoni. Dawn il-perċentwali huma mistennija jibqgħu jiżdiedu. Dawn jirrappreżentaw titjib sinifikanti meta mqabbel mal-1995, meta kienu biss 4% tal-amministrazzjoni ta' livell għoli, 10.7% tal-amministrazzjoni ta' livell medju u 23.9% tal-amministraturi li mhumiex responsabbli mill-amministrazzjoni li kienu nisa.

Il-Kummissjoni kienet qed taħdem b'mod intensiv biex ittejjeb il-bilanċ intern ta' bejn is-sessi sa mill-1988. L-istrateġija ta' bħalissa, li ġiet adottata fl-ewwel sena tal-Kummissjoni ta' bħalissa fl-2010, tibni fuq il-kisbiet ta' qabel, filwaqt li qed turi ambizzjoni mġedda. L-esperjenza ta' qabel uriet li biex il-miri jkunu effettivi, tali approċċ għandu jiġi kkomplimentat b'miżuri relatati mal-post tax-xogħol. Ir-reviżjoni ta' dan l-aħħar tar-Regolamenti tal-Persunal li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014 introduċiet referenza speċifika għall-arranġamenti għal ħidma flessibbli. Issa kważi 10% tal-persunal tal-Kummissjoni qed jagħmlu telexogħol, u madwar 40% tal-persunal huma mgħammra b'token li jippermettilhom jaħdmu minn kullimkien u f'kull ħin. Il-provi juru li għan-nisa b'mod partikolari, il-flessibbiltà hija fattur importanti biex tħeġġiġhom jieħdu responsabbiltajiet akbar.

L-istrateġija ta' bħalissa tirrikonoxxi wkoll li l-impenn mill-amministrazzjoni ta' livell għoli huwa kritiku għas-suċċess. Għalhekk il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ il-kundizzjonijiet għal aktar tmexxija u responsabbiltà għall-amministrazzjoni ta' livell għoli tagħha. Id-Direttorati Ġenerali individwali u s-servizzi għandhom ikunu responsabbli għall-kisbiet tagħhom ma' qafas ta' prestazzjoni komuni. Il-prestazzjonijiet rispettivi tagħhom jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-kalkolu tal-Indiċi tal-Opportunitajiet Indaqs. Dan wassal għall-għotja tal-ewwel Rikonoxximenti għal Post tax-Xogħol Ibbilanċjat lil disa' Direttorati Ġenerali li huma fuq quddiem għall-isforzi tal-opportunitajiet indaqs. Il-monitoraġġ ta' kull semestru dwar il-miri għar-rappreżentazzjoni bejn is-sessi fil-livell tad-Direttorat Ġenerali sar ukoll mid-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u għas-Sigurtà.

Sfond

Il-Komunikazzjoni dwar l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fil-Kummissjoni Ewropea (2010–2014):

http://ec.europa.eu/civil_service/docs/equal_opp/strategie_1554_en.pdf

Kuntatti:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website